KAPPELLI bil-laqam tagħhom

 

 

Kappelli u Knejjes

bil-laqam

 

Ritratt tal-faċċata: Kappella tas-Sanċir – Ħajr lil Joe Morana

Il-kwantità ta’ kappelli u knejjes f’Malta jitla’ għal aktar minn 430. Dawn huma ta’ kull daqs u għamla. Bosta minnhom huma ddedikati lill-Madonna taħt titlu jew ieħor. Ċertament li biex wieħed jiddistingwi kappella minn oħra, l-aktar jekk din tkun fl-istess lokalità u bl-istess titular, bħal pereżempju, Santa Maria, jew il-Madonna tal-Lunzjata, Kunċizzjoni, jew l-Marija Asssunta, li minnhom hawn ruxmata, kultant kien hemm bżonn li jinħoloq laqam għalihom biex ma jkunx hemm konfużjoni.

F’dan l-artiklu qed nippreżenta lista ta’ laqmijiet ta’ kappelli flimkien mal-isem tat-titular proprju tagħhom u l-ambjent fejn jinsabu. Meta tifliehom, tinduna li dawn ingħataw laqam minħabba diversi raġunijiet, iżda l-aktar skont:

  1. L-isem jew il-laqam tal-benefattur li bena jew xi darba ħa ħsieb il-kappella.
  2. L-isem tal-akkwati ta’ madwar il-kappella.
  3. Xi avveniment jew leġġenda relatati mal-kappella.
  4. Titlu ta’ xi qaddis ieħor meqjum fl-istess kappella.
  5. Tgħawwiġ fil-pronunzja ta’ isem it-titular.

———-

Lista tal-kappelli (80) skont il-lokalità b’sekwenza alfabetika

Birkirkara

Tal-ĦERBA    (Oriġ. Madonna tal-Grazzji / It-Twelid tal-Madonna). Tissejjaħ hekk għax skont kif jgħidu, il-knisja nbiet f’ambjent imħarbat. Din il-knisja tinsab tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-bażilika / knisja parrokkjali ta’ Santa Liena. Inbniet fl-1644. 

Herba 112

Birżebbuġa 

BIRŻEBBUĠA   Ta’ Bengħisa   (L-Imakkulata Kunċizzjoni – 1822 / 1861).

BenghisaJoe Morana
Ħajr: Joe Morana

Furjana

  • OLYMPUS DIGITAL CAMERA
    TA’ SARRIA   (L-Immakultata Kunċizzjoni). Magħrufa hekk għax kienet inbniet bħala kappella żgħira bi flus il-Kavallier, Fra Martin Sarria Navarra. Wara l-pesta tal-1675-76, bħala ringrazzjament, l-Ordni qabbad lil Mattia Preti biex jibni knisja akbar. Din hi waħda mill-ftit knejjes mibnijin għat-tond li hawn f’Malta. Ħasra li l-bini tal-madwar li ġie wara ma ħallix il-forma tal-knisja tispikka fis-sbuħija tagħha fil-forma oriġinali.

Gudja

TA’ BIR MIFTUĦ  (Iddedikata lill-Assunzjoni). Darba din il-knisja tas-seklu ħmistax kienet parroċċa li serviet għal bosta rħula żgħar u nishom li kienu jgħixu fil-madwar.

bir miftuh joe mora
                                                           Hajr: Joe Morana

Ħamrun

  • TA’ TUNUZZU / TA’ SANTUNUZZU    (Il-Madonna tal-Porto Salvo). Dan il-laqam ingħata lil din il-knisja għall-isem ta’ Antonuccio. Skont Alfie Guillaumier, l-isem x’aktarx hu meħud minn dak tal-kjeriku Antonio Agius li mal-mara tiegħu bnew din il-knisja (1745). Għalkemm il-knisja hi ddedikata lil-Madonna tal-Porto Salvo, it-titular tal-altar uniku li fiha jirrappreżenta l-Viżitazzjoni tal-Madonna. Din serviet ta’ parroċċa għal Ħamrun, jew aħjar kif kien magħruf Ta’ San Ġużepp.
  • Samra IMG_1542
    TAS-SAMRA / TA’ ATOĊJA  (Tal-Madonna ta’ Antijokja). Din il-knisja tinsab fuq in-naħa ta’ wara u mhux wisq ’il bogħod mill-knisja parrokkjali ta’ San Gejtanu. Il-laqam ingħata minħabba li f’din il-knisja hemm pittura tal-Madonna li ċertu Ġużè Casauri, negozjant mill-Birgu, fil-bidu tas-seklu 17, kien ġab miegħu minn Madrid u qegħiedha f’din il-knisja. Il-pittura fi Spanja hi magħrufa bħala Nuestra Señora de Atocia. Ara aktar SAMRA, TAS-.

Għargħur

  • TAL-GĦARGĦAR    (San Ġwann tal-Għargħar). Tinsab bejn Birkirkara u l-Għargħur. Imsejħa hekk minnħabba l-kampanja tal-madwar fejn x’aktarx kien hemm is-siġar tal-għargħar.
  • TA’ BENNARDA / TA’ BERNARDA     (Santa Marija Assunta). Din il-kappella tinsab wara l-knisja parrokkjali tal-Għargħur. Fl-1571, Bernarda Cauchi tat b’legat din il-knisja. Fl-1655 ċertu Luqa Mifsud ħadha f’idejh u reġa’ bniha mill-ġdid. Illum din il-kappella tintuża biex jintrefa’ l-armar tal-festa fiha.
  • TAX-XEWKI      (Santa Katarina) Din il-kappella nbniet fl-1611 mill-werrieta ta’ Dun Ġiljan Borg, il-kappillan tan-Naxxar. Ġiet dikonsagrata fl-1866 għax kienet mitluqa sew; biss irrestawrawha xi żmien lejn l-aħħar tas-seklu għoxrin.
  • TA’ ŻELLIEQA    (Il-Madonna Tiela’ s-Sema / l-Assunta). Tinsab qrib it-tarf ta’ art għolja li tagħti għal fuq il-Wied, magħruf ukoll bħala Ta’ Żellieqa (sors: E.S.I.). Skont Wettinger, Żellieqa hu laqam ta’ xi għelieqi fl-inħawi ta’ madwar il-Għargħur. Wettinger isemmi postijiet oħra f’Malta b’isem simili, bħal, Ta’ Żellek jew Żelleqat, u f’kull każ jgħid li dan hu isem jew laqam antik, li jirriferi x’aktarx għal isem Żelec jew Żeleca. Dusina (1575) jgħid li din il-kappella nbniet minn mara bħala wegħda, wara li fieqet minn xi marda.

Għaxaq

  • OLYMPUS DIGITAL CAMERA
    TA’ SANTU KRISTU
        (Ir-Redentur) Kappella ħelwa li tinsab ’il barra mir-raħal ta’ Ħal Għaxaq lejn il-Punent. Din il-kappella nbniet fl-1859 b’devozzjoni wara li fl-istess inħawi ċertu Mikiel Anġ Zammit kien waqqaf żewġ niċeċ, waħda tar-Redentur u l-oħra tal-Veronika bil-Wiċċ ta’ Kristu.

Kalkara

kappucini 07_111728

IL-KAPUĊĊINI / SANTA LIBERATA  (Il-knisja hi ddedikata lil Santa Barbara). Magħrufa bħala tal-Kappuċini minħabba l-kunvent ta’ dawn il-patrijiet li qiegħed bieb ma’ bieb ma’ din il-knisja, li jieħdu ħsiebha. Bħal dan il-laqam hawn bosta, bħal meta ngħidu, l-knisja ta’ San Duminku, tal-Belt jew tal-Birgu, meta dawn fil-fatt huma ddedikati lil Madonna tal-Porto Salvo u lil-Lunzjata rispettivament. L-istess il-knisja żgħira ta’ San Mark ir-Rabat, magħrufa aktar bħala ta’ Santu Wistin, għax din immexxija mill-Agostinjani.

Ħal Lija

  • TAL-BELLIEGĦA      (Twelid tal-Madonna)  Il-laqam ta’ din il-kappella x’aktarx ġej mill-kunjom Bellia. Jinħtieġ aktar riċerka. Alfie Guillaumier jgħid li din il-kappella reġgħet inbniet fl-1600.
  • TA’ DUNA     (L-Assunta / Santa Marija). Din il-kappella qiegħda ħdejn dik ta’ Sant’Andrija. Mibnija fis-seklu sittax. Imsejħa hekk għal ċertu Marin Iddona (Marino Portelli) il-fundatur tal-kappella. (ċ.1669 / 1755) meta reġgħet infetħet.
  • TA’ BRANCAT      (il-Lunzjata). Inbniet qabel l-1575).Reġgħet inbniet fl-1647.

Ħal Luqa

  • kappella tal ftajjar 11115_131615
    TAl-FTAJJAR    (Santa Marija Assunta / Il-Madonna Tiela’ s-Sema). Jingħad li f’din il-knisja f’ċertu festi kienu jingħataw il-ftajjar lill-foqra. L-ewwel nett wieħed irid joqgħod attent bit-tifsira proprja tal-kelma ftajjar. Dan għaliex fil-Malti antik din il-kelma kienet tista tkun ġejja minn infatar, jiġifieri, trejjaq. (mill-Għarbi fitr – ikla) u allura jista’ jkun li l-ikel ma kienx ikun ftajjar iżda ikel ieħor. Wieħed ukoll irid jinvestiga d-dokumenti tal-legati biex jara jekk dan verament kienx isir. Qiegħed nitfa’ dan is-suspett għaliex Wettinger jgħid li Tal-Ftajjar kien laqam ta’ xi ħadd, bħal ma huma bosta l-lokalitajiet li jibdew bil-ġenettiv, Ta’. Tant hu hekk li jsemmi xi żewġt inħawi oħra f’Malta li għandhom l-istess nomenklatura; wieħed minn dawn hu Tal-Ftajjar f’Wied il-Għajn u l-ieħor, Misraħ Ftajjar f’Ħal Safi. Inbniet ċ. 1575 / ingħalqet 1801.

Il-Marsa

  • TA’ ĊEJLU      (Madonna tal-Grazzja) Tinsab fi Triq il-Moll. Il-laqam ġej minn dak tal-familja Zammit li kienu mdaħħlin sew fil-bini tal-Portu Novu meta dan inbena mill-Ingliżi. Dawn kienu bnew l-imħażen kif ukoll il-kappella fl-1870.
  • Ceppuna5
    TA’ ĊEPPUNA     (Madonna tal-Lunzjata) Kappella żgħira li tinsab daqs mitt metru ‘l hinn mill-binja ewlenija tal-Marsa Sports Club. Il-laqam Ta’ Ċeppuna jagħti wieħed x’jifhem li hemm kien hemm ċeppuna, jiġifieri, magħlaq tal-bhejjem.

Marsaskala

  • TAL-BIDNI     (Madonna tad-Dawl). Miftuħa mill-ġdid 1733.
KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Tlett islaleb qrib il-kappella tal-Madonna tad-Dawl

Marsaxlokk

  • Silg TAs- church 221
    TAS-SILĠ
       (Il-Madonna tas-Silġ). Tinsab barra Marsaxlokk fil-minkeb tat-triq fejn naħa tmur lejn Dellimara u l-oħra lejn iż-Żejtun. Mal-knisja hemm kunvent tal-irtir tat-Tereżjani. Imsejħa aktar milli mlaqqma hekk, għax it-titular hu l-Madonna Tas-silġ, isem meħud mill-knisja f’Ruma tal-istess isem. ARa: SILĠ, TAS-

Il-Mosta

  • TA’ DERIMBLAT / ANDAR IL-BLAT    (Immakulta Kunċizzjoni) E.B. Vella fil-ktieb tiegħu, Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha (1930) jgħid li l-barriera min fejn inqata’ l- ġebel tal-knisja tal-Mosta kienu jgħidula Ta’ Durumblatu. Din inbniet minn ċertu Bartilmew Busuttil fl-1658. Il-kappella twaqqgħet fil-Gwerra mill-Ingliżi biex jieħdu xi ġebel minnha biex jinbnew kmamar għall-ajruplani. Reġgħet ittellet bil-flus tal-War Damage Fund fl-1955.
  • Ta’ WEJDA      (Il-Viżitazzjoni / Taż-Żjara). Il-laqam ta’ din il-kappella ġej mil-laqam ta’ Damjanu Bonnici li kien bniha mill-ġdid fl-1610.
  • TA’ ŻEJFI / TA’ BOSBESIJA      (Santa Marija – 1607).  Din għandha żewġ laqmijiet. L-ewwel wieħed x’aktarx hu relatat ma’ ċertu Ġamri Camenzuli li bniha fis-seklu sittax. It-tieni laqam għandu x’jaqsam mal-ambjent tal-madwar li hu magħruf hekk. Din il-kappella tinsab ħdejn oħra ddedikata lil San Pawl. It-tnejn jinsabu qrib Wied il-Qlejja.
  • TAL-MINĠIBA     (San Pawl Nawfragu) (1615 / 1690).  Tinsab lejn Tal-Qlejja.
  • IL-QARES      (Sant’Andrija l-Qares) Tinsab in-naħa ta’ Tarġa Gap.

In-Naxxar

  • TAX-XAGĦRA     (Oriġ. Santa Marija Assunta / Madonna tal-Grazzi) Inbniet barra n-Naxxar f’Ħal Misilmiet. Reġgħet ġiet mibnija fl-1653.
  • TA’ WIED IL-GĦASEL     (Santa Katarina) Inbniet fl-1607 minn Marjanu Mangion.
  • TAL-WIED      (Santa Margarita).

Ħal Qormi

  • TA’ FUQ TAL-BLAT/ TAL-BLAT  / TAL-WIED      (Santa Marija / l-Assunta). – Oriġ. nbniet ċ.1575. 1644).
Santa Maria tal-Blat Qormi Joe morana
ħajr: Joe Morana
  •  
hlas
Ħajr:  Joe Morana

Tal-ĦLAS     (Madonna tal-Ħlas)  Inbniet darbtejn, fl-1560 u fl-1690. Id-dedikazzjoni tal-knisja ġiegħlet lil bosta jseħulha biss bħala ‘Tal-Ħlas’. Iżda ħlas ta’ xhiex? Ħlas mis-sibi, meta l-Maltin kienu jispiċċaw ilsira? Ħlas tat-twelid? Dawn it-tnejn li huma kkonfermati b’ex votos li ġew irregalati lil din il-knisja mid-devoti li t-talb tagħhom qala’ l-grazzja. Imbagħad hemm il-ħlas tal-qbiela li seta anki jsir f’dawk l-inħawi fil-15 ta’ Awissu.

  • TAL-QREJĊA     (Santa Marija / Tlugħ is-sema tal-Madonna). Din tinsab fil-parroċċa ta’ San Ġorġ fi Triq Santa Katarina. Inbniet minn Giacintu Cassia, ċ. 1650. Diffiċli tgħid għaliex dan il-laqam. Il-fatt li din il-kelma għandha l-ġenettiv Ta’, bħal mijiet ta’ akkwati ma’ Malta u Għawdex jagħti wieħed x’jifhem li dan hu laqam ta’ xi persuna jew familja. Intant, bosta jemmnu li f’din il-kappella kienet tingħata xi loqma ikel bix-xaħam ‘qrejċa’ lil min iżur din il-kappella matul is-seba’ viżti tas-Seba’ kappelli ta’ Santa Marija li kienu jsiru fil-15 ta’ Awwissu, jum l-Assunzjoni. Il-visti kienu magħrufa bħala tas-seba’ Santa Marijiet. 

Il-Qrendi

  • TAT-TORBA   (Santa Katarina), X’aktarx imsejħa hekk minħabba li qrib din il-kappella kien hemm xi oqbra, għaliex ‘torba’ hi kelma antika li tfisser post fejn jindifnu n-nies. Jista’ jkun li din hi riferenza għaz-zuntier għax din il-kelma ġejja mill-Isqalli, zimitier (Malti: ċimiterju).

Ir-Rabat

  • KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
    TAS-SANĊIR     (San Mikiel ?). Hawn min jgħid li dan kien qaddis magħruf bħala San Mikiel is-Sinċier. Jista’ jkun ukoll li l-kappella kienet xi darba ddedikata lil San Ċir). Tinsab maqtugħa għaliha waħidha qalb l-għelieqi fl-inħawi ta’ Ġnien is-Sultan, limiti tar-Rabat. Għal aktar tagħrif ara: SANĊIR.
  • TA’ DUNA / TA’ DONI     (Santa Marija). Mhux magħruf minn fejn ġej dan il-laqam. Wettinger jgħid li jista’ jkun li dan hu laqam ta’ xi ħadd, u jqabbel dan l-isem ma’ Ta’ Duni, għalqa magħrufa hekk fil-Gudja.  Biss, jista’ jkun ukoll li doni, ġej mill-ex votos li kienu jingħataw lil din il-kappella meta kienet saret popolari ħafna fis-seklu fis-seklu 18.
  •  
kuncizzjoniJoe morana
Ħajr: Joe Morana

TA’ WIED GERŻUMA     (L-Immakulata Kunċizzjoni). Tinsab fl-ambjent, limiti tar-Rabat. Imwaqqfa mill-Gran Mastru de Paule. Skont Wettinger Ta’ Gerżuma hu laqam ta’ xi ħadd, u jagħti eżempju għal tnejn min-nies li kellhom ukoll dan il-laqam, Bastjan u Mattew. Waqt li l-kappella ħadet dan il-laqam, l-ambjent tal-madwar hu magħruf aktar bħala tal-Kunċizzjoni għal din il-kappella.

  •  
ittrija Joe morana
Ħajr:  Joe Morana

TAL-ITTRA / TAL-ITTRIJA  (Madonna Hodegetria). Tinsab fuq l-għolja ta’ Binġemma. Hodegetria bil-Grieg tfisser, ‘Hi li turi t-triq’.  Dan hu każ fejn it-titlu Grieg ġie mgħawweġ fil-Malti bħala Tal-Ittrija għax eħfef biex tlissnu. Minn Tal-Ittrija il-kelma spiċċat bħal tal-Ittra. Din il-Kappella żgħira taqa’ taħt il-patroċinju tal-Katidral tal-Imdina.

  • TAS-SALIB     (In-Nattività).  Kappella żgħira bħal ħafna oħrajn fil-kampanja, f’Wied il-Qlejgħa. Magħrufa hekk minħabba s-salib (bħal dawk li konna ngħidulhom ‘tad-dejma’ li hemm qrib ħafna tal-kappella.
  • TAl-VIRTÙ    (Santa Marija tal-Virtù). Kappella li tispikka ħafna u li qiegħda fl-inħawi tal-Virtù. Dawn l-akkawati ħadu l-laqam minn din il-kappella. Reġgħet inbniet wara l-1743.
  • Ta’ CASHA     (It-Twelid tal-Madonna). Din hi kappella żgħira li tinsab in-naħa Tal-Għeriexem,  in-naħa ta’ isfel ta’ Triq Santa Rita, meta tinżel minn ħdejn il-knisja parrokkjali ta’ San Pawl. Imsejħa hekk minħabba l-kunjom ta’ Vincenzo Casha, il-fundatur ta’ din il-kappella. Inbniet x’aktarx qrib l-1550. Reġgħet inbniet c. 1700.
  • TAS-SETTIFIKA     (Madonna tal-Kunċizzjoni). Kappella antika li kienet reġgħet infteħet fl-1736.
  • TAX-XERRI    (It-Twelid ta’ Ġesù). Imlaqqma hekk għall-kunjom tal-benefatur tagħha.
  • TA’ XEWXA     (Il-Purifikazzjoni tal-Madonna). Kappella li qiegħda qrib il-Kastell Verdala. Din kienet inbniet għall-ewwel narba fl-1550 u wara reġgħet inbniet fl-1990. Illum imġarrfa.

San Ġwann

  • Mensija 061
    TAL-MENSIJA     (Madonna tal-Lunzjata u San Anard)   Kappella mħaffra fil-blat f’wied fl-inħawi li jġibu dan l-isem. It-titular magħmul fuq trittiku iġib ukoll ix-xbihat ta’ San Anard u l-Arkanġlu Gabriel. Magħrufa hekk għax jaħsbu li l-kappella billi kienet taħt l-art u magħluqa u għalhekk intesiet. Ara aktar dettalji hawn: MENSIJA.
  • TAL-PREPOSTU    (San Filippu u San Ġakbu).

San Pawl il-Baħar

TAL-ĦĠEJJEĠ   (In-nawfraġju ta’ San Pawl). Magħrufa hekk għax skont it-tradizzjoni ħafna jaħsbu li meta San Pawl ħelisha mill-għarqa u tela’ l-art, il-Maltin kienu qabbdu xi ħġejjeġ, biex kulħadd seta’ jisħon mill-kesħa.

hgejjeg ire churchIMG_2898

Is-Siġġiewi

  • TA’ ĊWERRA    (Santa Marija). Oriġinarjament inbniet qabel l-1575. biss, reġgħet inbniet fl-1742. Tinsab fil-pjazza prinipali tr-raħal. Fil-knisja hemm pitturi varji.
cwerra Ta' Siggiewi G_1817
  • TAL-GĦOLJA / TA’ GĦEMMUNA    (Il-Lunzjata). Tissejjah hekk għax tinsab fuq l-Għolja tas-Salib.  Inbniet orġ. Ċ. 1420, biss waqgħet bosta drabi, darba minnhom fit-terrimot tal-1693. Il-kappella li hemm illum hi dik li nbniet fl-1859.
  • TA’ ĦAX-XLUQ    (L-Assunzjoni / Madonna Tiela’ s-Sema). Imlaqqma’ hekk għal raħal żgħir magħmul minn ftit irziezet li kien hemm dak iż-żmien. Inbniet fl-1596.
  •  
S Maria Hax Xluq
Ħajr: Joe Morana

 Ħal Tarxien

  • SAN BERT   (Proprjament iddedikata lill-Madonna tal-Bon Kunsill u lil San Bartolomew).

Il-Belt Valletta

  • Giezu ta'IMG_6677
    TA’ ĠIEŻU    (Santa Marija ta’ Ġesù). Din il-knisja li tinsab kważi fit-tarf tat-turġien ’l isfel mill-Konkatidral ta’ San Ġwann, li jagħtu lejn il-Port il-Kbir, tappartjeni għal patrijiet Franġiskani Minuri. Kulħadd jafha l-aktar bħala ta’ Ġieżu, l-aktar minħabba d-devozzjoni kbira li hawn għall-Kurċifiss mirakoluż li hu meqjum f’din il-knisja.
  • TAL-ERWIEĦ  / SAN NIKOLA   Tinsab fin-naħa ta’ isfel ta’ Triq il-Merkanti, qrib il-knisja tal-Madonna tal-Portosalvu. Il-knisja ġiet mibnija fuq art fejn kien hemm knisja oħra tal-Griegi ddedikata lil San Nikola. Il-knisja llum hi aktar magħrufa bħala tal-Erwieħ, l-ewwel nett għax reġgħet ġiet mibnija fl-1658 mix-Xirka tal-Erwieħ. Il-kwadru ewlieni juri Santissima Trinità u l-Madonna qed titlob għall-erwieħ fil-purgatorju.
  • Gizwiti IMG_7442
    TAL-ĠIŻWITI     (Iċ-Ċirkonċiżjoni ta’ Kristu). Għalkemm din il-knisja magħrufa minn kulħadd bħala Tal-Ġiżwiti, jekk għandna nimxu fuq it-titular, din il-knisja tidher li hi ddedikata lil dan l-avveniment fil-ħajja ta’ Kristu meta kien għadu tfal. Ma’ din il-knisja hemm żewġ oratorji. Wieħed minnhom hu magħruf bħala TAL-ONORATI. (Santa Marija). Ħafna kienu jemmnu li dan kien imsejjaħ hekk għax kien Oratorju ffrekwentat min-nies ta’ ċertu klassi u tas-soċietà u ta’ unur. Il-fatt hu illi f’dan l-oratorju hemm miżmuma l-fdalijiet ta’ qaddisa mhux magħrufa li tawha t-titlu ta’ Santa Onorata.

  •  
  • Ta' Putirjal 01215_095125x
    TA’ PUTIRJAL     (San Franġisk ta’ Assisi)  Din hi l-ewwel knisja li niltaqgħu magħha kif nidħlu Triq ir-Repubblika / Strada Rjali, fuq ix-xellug. Imsejħa hekk minħabba li hi l-eqreb knisja lejn id-Daħla tal-Belt. Din il-knisja jieħdu ħsiebha l-Patrijiet Franġiskani Konventwali li jgħixu fil-kunvent qrib tagħha. Din il-knisja nbniet fl-istat li hi fl-1681.

Ħaż-Żabbar

  • TAL-INDIRIZZ   (Santa Maria – It-Tlugħ is-Sema – mibnija qabel l-1647). Imlaqqma hekk għax proprjament dan hu titlu ekwitvalenti bejn wieħed u ieħor mogħti lill-Madonna tal-Hogeditria, biss maqlub għat-Taljan. Il-Madonna dell’Indirizzo hi meqjuma ħafna f’Messina. Il-kappella f’Ħaż-Żabbar bniha ċertu Gaspru Testaferrata.
  • TAL-BARUNISSA (San Anard). Imsejħa hekk għax inbniet fl-1656 mill-barunissa Marija Cafici Casolani.
  • TA’ ŻONQOR     (San Nikola). Inbniet fis-seklu sittax – ipprofata mill-Isqof Mulina fl-1676.
  • TA’ RIDINGHI / TAR-RINDEGHI   (Santa Duminka). Mibnija minn sinjura li kien jisimha Duminka Pratt. Intlaqtgħet u tfarrket fi żmien il-Gwerra.
  • TAL-PLIERI  / TAL-MONPILIER (Santa Maria, biss magħrufa wkoll bħal l-Madonna tas-Silġ 1609).
  •  

Ħaż-Żebbuġ

  • TAL-BARUNI  (Madonna tal-Abbandunati) Magħrufa bħala tal-Baruni minħabba li qiegħda qrib il-Palazz magħruf b’dan l-isem.
Abbandunati chapel 10101_150627
  • TA’ MAMO     (Santa Marija / l-Assunta)  Mibnija mill-ġdid wara l-pesta tal-1592-93. Reġgħet inbniet 1693.
ta mamo zebbugJoe morana
Ħajr: Joe Morana
  • TA’ ĦAL MUXI   (Santa Marija / l-Assunta). Oriġ. Nbniet qabel 1575. Reġgħet inbniet ċ. 1608.
  • TA’ SRINA     (San Ġakbu) Msemmija hekk għall-ambjent tal-madwar.
  • TA’ QASSIS NARDU     (Madonna tad-Dawl).

Iż-Żejtun

  •  
San Girgor joe moranana333
Ħajr: Joe Morana

SAN GIRGOR    (Santa Katarina). Din il-knisja, waħda mill-eqdem, tissemma bosta drabi b’dan it-titlu minħabba l-pellegrinaġġ li ilu jsir matul is-sekli ad unur ta’ San Girgor. Biss, il-knisja dejjem kellha u għad għandha t-titular ta’ Santa Katarina Ta’ Alessandrija. Il-knisja kienet sservi bħala il-parroċċa taż-Żejtun. Dan ma baqax meta nbniet il-knisja preżenti fil-pjazza prinċipali tar-raħal.

 

  • TAS-SINJURA   (Madonna tal-Qalb Imqaddsa -1881). Imsejħa hekk għax inbniet min-nobbli Margerita dei Conti Manduca. Din il-benefattriċi hi midfuna quddiem l-altar uniku li fiha l-kappella.
  • TAL-ĦLAS / TA’ ĦAL BISBUT   (Santa Marija Assunta). Mibnija qabel l-1575. Reġgħet inbniet fl-1692.
  • TA’ ĦAL TMIN   (Santa Marija / s-Salvatur).  Din kienet il-kappella l-aktar importanti wara dik tal-Paroċċja l-Qadima.  Mibnija fl-1597. Id-dedikazzjoni lis-Salvatur saret fl-1709.

Iż-Żurrieq

TA’ BIRMIEĠA    (Sant’Andrija Appostlu). Din il-kappella ttellgħet minn Toni Zammit fl-1634. Ġiet ipprofanata mill-Isqof Balageur fl-1658.

TA’ BUBAQRA    (Santa Marija).

ĦAL-MILLIERI    (Il-Lunzjata). Waħda mill-eqdem kappelli f’Malta li tmur lura sas-seklu ħmistax. Din kienet isservi ta’ parroċċa għall-irħula tal-madwar.

hal millieri bix xemx joe morana

——-

            GĦAWDEX

Għarb

  • TA’ PINU    Fl-1615 Filippu (Pinu) Gauci kien irrestawra l-kappella żgħira lil hinn mir-raħal, u din il-kappella baqgħet magħrufa għal ismu anki meta’ nbnena s-Santwarju.
OLYMPUS DIGITAL CAMERA
  • TA’ BIRBUBA    (San Dimitri).
san dimitri joe morana
Ħajr: Joe Morana
  • TAŻ-ŻEJT/ TAL’ VIRTÙ (1678) – (Santa Marija). Imsejħa taż-Żejt minħabba l-leġġenda li tgħid li mara fqajra minn dak ir-raħal li kienet iżżur din il-knisja kuljum, mardet. Kien f’dak iż-żmien li dehritilha l-Madonna u qaltilha biex tmur terġa’ f’din il-kappella u tieħu magħha buqar għax kien ser ikollha bżonnu. Meta waslet fil-kappella hi nnutat li kien hemm xaqq fil-ħajt li minnu kien iqattar xi ilma. Biss dan l-ilma beda jinbidel f’żejt. Hi bdiet tiġbor iż-żejt fil-buqar u marret tgħid lill-kappilan u l-post sar magħruf minħabba dan il-fatt.

L-Għasri

  • TA’ GħAMMAR  (San Pubbliju). Kappella mibnija fl-1852. Imsejħa hekk sempliċiment għax tinsab fuq l-għolja magħrufa b’dan l-isem, li hemm faċċata tas-Santwarju Ta’ Pinu. Wettinger jgħid li jissemmew bosta akkwati b’dan l-isem għax Għammar, kien isem Għarbi komuni. Jista’ jkun li dan kien il-proprjetarju jew il-bidwi li kien jaħdem l-għelieqi f’dawk l-inħawi.

Il-Qala’

  • TAL-BLAT    Kappella qrib Ħondoq ir-Rummien. L-isem ġej mill-ambjent tal-madwar. Jista’ jkun li l-blat imsemmi hu riferenza għall-ġebla partikolarment żonqrija li kemm-il darba inqatet apposta minn hawn biex isiru ċerti xogħlijiet partikolari. Tnejn minnhom, huma l-bini tal-Breakwater u l-binja tal-Parlament il-ġdid.

Ir-Rabat (Victoria)

  • TA’ SAVINA– Rabat, Għawdex. (It-Twelid tal-Madonna). Tinsab fi pjazza żgħir, fi Triq Sir Arturo Mercieca. Din il-knisja nbniet fl-1904.
  • TAĊ-ĊAWLA   (Ir-Ragħaj it-Tajjeb – 1981).
  • TAL-GĦONQ   (Santa Marta – 1866). Mibnija minn Felice Attard u martu, fit-triq li mir-Rabat tieħu lejn l-Punent tal-gżira. Qiegħda quddiem iċ-ċimiterju Tal-Infetti.

Ix-Xagħra

TA’ GAJDORU / TAL-FERĦAT  (Madonna tal-Ferħat) Dan il-laqam hu korruzzjoni tal-kelma Latina, Gaudiorum. Tinsab qrib ir-Ramla.

Ix-Xewkija

TA’ ĦAMET    (Madonna tal-Karmnu). Mibnija fl-1837. Skont Wettinger, l-isem ġej minn xi ħadd li kien jismu Ħamed, jew Aħmed, isem Għarbi komuni. Dan juri li dan l-isem x’aktarx relatat mal-art, isem li jmur lura sa żmien l-Għarab jew xi snin wara.

Iż-Żebbuġ

TAL-WIED  / TAL-PATRUĊINJU   Kappella żgħira li fi trejqa int u nieżel matul Wied il-Għasri. Inbniet fl-1739.

Gozo Ghasri Patrocinju tal ghasri mta(101)
Ħajr: Joe Morana

—–

Lokalitajiet li ħadu isimhom mill-kappella li tinsab fihom 

Il-Mensija –  San Pawl il-Baħar – Il-Pietà  –  San Ġiljan  –  San Ġwann  – il-Kunċizzjoni (l/tar-Rabat) – San Lawrenz, Għawdex –  Ta’ Liesse (il-Belt) – Santa Luċija (Malta) Santa Luċija (Għawdex) – Santa – Venera  –  Tal-Virtù – Sarrija  –  Tas-Sliema – Bajja ta’ Santa Marija, (Kemmuna).

—-

Bibliojografija

Borg  Vincent (Ed.), Marian Devotions in the Islands of Saint Paul
(1600 - 1800)
. The Historical Society, 1983.
Catania Paul, Naxxar - Titwiliet fl-Istorja. Gutenberg Press. 1999.
Dingli Pauline, Rabat - Discover Historic Treasures, Mystic Legends, Culture
and Folklore
. 2007.
Dingli Pauline, Discover Rabat, Mdina and Exceptional Outskirts. 2009.
Grech Paul, Exploring the Chapels of Gozo. Progress Press. 1999.
Guillaumier Alfred, Bliet u Rħula Maltin. 1972.
Kilin, (Mikiel Spiteri), A Hundred Wayside Chapels of Malta & Gozo. Heritage
Books. 2000.
Vella E.B., Storja tal-Mosta Bil-Knisja Tagħha. Empire Press. 1930.
Vella E.B., Storja t’ Ħal Tarxien u Raħal Ġdid (Pawla). Empire. Press. 1932.
Vella E.B., Storja taż-Żejtun u Marsaxlokk. 1927.
Wettinger Godfrey, Place-names of the Maltese Islands. PEG. 2000.
Kappelli Maltin https://www.kappellimaltin.com/

Ara wkoll: Il-Bidu tal-Kappelli f’Malta https://kliemustorja.com/2021/02/19/il-bidu-tal-kappelli-fmalta/

Aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

          A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)          Aa ARA X'INT TGHID

Leave a comment