Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Gandlora f’Malta
Tifsira tal-Gandlora

Din il-festa tfakkar il-’Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju’. Skont il-liġi Ebrajka l-ewwel wild kellu jkun ippreżentat fit-tempju wara erbgħin jum mit-twelid tiegħu. Biss, qabel il-Konċilju Vatikan it-Tieni, din il-festa kienet tfakkar ukoll, il-‘Purifikazzjoni tal-Madonna’, għax, skont l-istess użanza Ebrajka, il-mara li telled tarbija kien jeħtieġilha wara erbgħin jum li tagħmel dan ir-ritwal. (Kathrin Rountree 2010). Skont it-twemmin Nisrani, il-Madonna ma kelliex bżonn tagħmel dan ir-rit, biss xorta waħda, segwiet dan obbligu li l-Lhud kollha kellhom jagħmlu skont il-liġi Ebrajka. Din il-kommemorazzjoni li ssir kull sena, fit-2 ta’ Frar, tirrappreżenta lil Kristu bħala d-dawl il-ġdid, li bit-twelid tiegħu, kien qiegħed isalva lid-dinja. Hu għalhekk li f’din iċ-ċerimonja li ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, isir it-tberik tax-xema’. Ix-xemgħat ikunu ta’ kulur dami, għax magħmul mill-għasel.
Ċelebrazzjoni b’sinifikat politiku

Kemm fi żmien l-Ordni, kif ukoll fi żmien l-Ingliżi, din iċ-ċerimonja kellha sinifikat soċjo-politiku qawwi. Fi żmien l-Ordni, għal din iċ-ċeremonja li kienet issir fil-knisja konventwali tal-Ordni, kien jattendi il-Gran Mastru. Imbagħadm fi żmien l-Ingliżi, il-kappillani tal-ibliet u l-irħula kienu jattendu għaċ-ċeremonja reliġjuża fl-istess Konkatidral fejn jitbierku x-xemgħat u wara l-kappilani jerħula lejn il-Palazz biex jippreżentaw ix-xemgħat lill-gvernatur, bħala turija ta’ ġieħ u stima lejn ir-rappreżentant tal-Monarkija Brittanika f’Malta. Ta’ min wieħed jgħid li dan il-ġieħ lejn il-gvernatur kien muri fil-Konkatidral ukoll, għaliex wieħed miż-żewġ troni fuq il-presbiterju kien dejjem merfugħ għall-gvernatur. L-istess fi żmien l-Ordni, wieħed mit-troni kien merfugħ għall-gran mastru.
Fil-Palazz, il-gvernatur kien jagħmel id-diskors tiegħu indirizzat lill-kappillani. Fih kien ġeneralment jirriferi għas-sitwazzjoni politika lokali, u għall-problemi u l-isfidi tal-pajjiż, kif ukoll kien jitkellem dwar xi proġett partikulari li l-gvern ikun bi ħsiebu jwettaq dik is-sena. Hawn naraw l-għaqal tad-diplomazija li l-Ingliżi dejjem żammew fil-konfront tal-Isqof u l-kleru Malti, billi jindirizzaw jindirizzaw lill-kleru dwar l-amministrazzjoni tal-pajjiż. Din id-diplomazija kienet għaqlija għax il-gvernatur, bħala Protestant, ma riedx jonqosx lill-Isqof Kattoliku u l-kleru ta’ Malta. Fl-istess ħin il-gvernatur kien kapaċi jwassal għand il-popolin il-messaġġ tiegħu fi żmien meta l-maġġorparti tal-poplu ma kinetx taqra l-gazzetti u wisq inqas kienet tifhem bl-Ingliż. Aktar minn hekk, il-kleru kien aktar qrib il-poplu mill-amministuri u wieħed għalhekk kien jifhem li l-messaġġ ser jasal aktar ċar u malajr.

Biex nagħti tliet eżempji, fiċ-ċerimonja tal-Gandlora tal-1933, il-Gvernatur Campbell ħeġġeġ lil kappillani preżenti biex jgħinu biex il-propoganda ‘komunista’ li kienet bdiet tinfiltra f’Malta tkun eradikata hekk kif kienet għadha fil-bidu tagħha. (Dominic Fenech 2021).
Fiċ-ċerimonja tal-Gandlora fit-2 ta’ Frar tal-1958, id-diskors tal-Gvernatur Robert Laycock, kien jiffoka fuq is-sitwazzjoni ekonomika kerha tal-pajjiż u tal-futur inċert, meta b’mod iminenti, kienu ser jingħataw ħafna sensji minn mal-Ammiraljat. Kien ukoll żmien xejn trankwill bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż wara li fallew it-taħdidiet tal-Integration. Laycock kien qal dakinhar it-tliet snin li ġejjin kienu ser ikunu ibsin. Waqt li ammetta li biex jiżdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol fl-industrija, dan kien kompitu tal-gvern, Laycock ħeġġeġ lill-kappillani biex dawn iħajru lil dawk li xtaqu jsibu xogħol fiss jemigraw, u hekk is-sitwazzjoni ekonomika titaffa. (Alfred Sant: 1988).
Anki wara li Malta ħadet l-Indipendenza, din iċ-ċeremonja fil-palazz bejn il-gvernatur, il-kappillani u l-Prim Ministru Malti u l-Kabinett, baqgħet issir. Fl-1968, il-Gvernatur Sir Maurice Dorman, fl-Indirizz tiegħu saħaq li jekk il-Maltin riedu li l-investiment barrani, bħall-ftuħ ta’ fabriki u l-industirja tat-turiżmu jikbru, kien hemm bżonn li l-pajjiż iżomm stabilità politika u kalma (J. Bonnici u M. Cassar 2004).
L-użanza li l-kleru jiltaqa’ mal-kap tal-Istat, twaqqfet għal kollox fl-1975.
———-
- L-ors tal-Gandlora
Intant, kienet teżisti superstizzjoni f’Għawdex li f’jum il-Gandlora, mill-għolja tal-Gelmus kien jinżel mostru, bħal ors kbir immens, li kien jerħilha lejn ir-Rabat. Jekk dan kien isib it-triq imxarrba, mela x-xitwa għadha ġejja, jekk isib it-toroq xotti, mela x-xitwa għaddiet. Kien hemm min jgħid li dan il-mostru kellu ħabta jibla’ t-tfal. (Anton F. Attard, 2002).
Qwiel relatati mal-Gandlora
- Bnazzi fil-Gandlora xitwa fora, xita fil-Gandlora, koranta [quaranta] giorni ankora.
- Jekk l-ors ibill siequ fil-Gandlora jistenna xita qawwija wara.
- Mal-Gandlora stilel fora [temp ikrah], l-ajru jtella ’mma jiċċora [jiċċara].
Martin Morana
2 ta’ Frar, 2022
Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Biblijografija
Attard Anton F., Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor. A. & M. Printing Ltd., Għawdex. 2002. Cassar Michael u Bonnici Joseph, A Chronicle of the 20th Century, Book Distributors Ltd, 2004. Rountree Kathrin, Crafting Contemporary Identities in a Catholic Society. Routledge, London & New York. Manduca J.S. u Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group, 1989. Sant Alfred, 28 ta’ April - 1958: Iil-ħobż ul-ħelsien. SKS. 1988. Serraċino Inglott Erin., Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. http://siciliaturistica.altervista.org/la-festa-della-candelora-in-sicilia-il-2-o-il-3-febbraio/