SAN GIRGOR
Pellegrinaġġ, Festa u Tbahrid
Il-pelegrinaġġ tradizzjonali ta’ San Girgor isir l-ewwel Erbgħa, wara l-Għid. Biss, antikament din il-festa kienet imfakkra fit-12 ta’ Marzu, il-jum bħal ma hi imfakkra fid-dinja Kattolika l-mewt tal-Papa Gregorju l-Kbir (604 w.K.). F’Malta, il-bidla fid-data tal-pelegrinaġġ seħħet b’digriet mill-Isqof Labini fl-1781. Dan ġara minħabba li dan il-pelegrinaġġ tant kbir kemm-il darba kien jaqa’ fil-jiem tar-Randan, żmien ta’ preparament spiritwali għall-Ġimgħa Mqaddsa. Għalhekk, Labini ħass li ma kienx sew li dan il-pellegrinaġġ jibqa’ jsir f’dan iż-żmien solenni, anki għax fih jinkludi element ta’ festa ferrieħa.
L-oriġini tal-pellegrinaġġ
Jeżistu bosta spjegazzjonijiet dwar l-oriġini ta’ dan il-pelegrinaġġ, biss l-ebda waħda ma hi ppruvata. Hemm min hu tal-fehma li dan beda bħala ringrazzjament tal-poplu Malti għal xi disgrazzja li ġiet evitata bl-interċessjoni ta’ San Girgor, bħal ngħidu aħna, xi attakk kbir tat-Torok, jew xi maltempata kbira. Agius de Soldanis (1712 – 1770) kien jemmen li dan il-pelegrinaġġ kien beda b’ringrazzjament mill-ħelsien mill-pesta. Hu jgħid illi San Girgor kien ikkunsidrat bħala l-qaddis protettur kontra l-pesta. Biss meta fittixt sibt li San Girgor hu l-qaddis patrun tal-filosofi, tal-għalliema u tal-mużiċisti u ma tissemma l-ebda konnessjoni mal-pesta. Patri Mikiel Fsadni, O.P. jgħid li sab dokumentazzjoni li turi li din il-purċissjoni kien bdiha l-Isqof Cubelles fl-1543, bħala talba għall-paċi bejn in-nazzjonijiet Ewropej.
Dwar din id-data partikulari, ta’ min wieħed jinnota li Marzu ta’ dik is-sena jaħbat ftit xhur wara li seħħu serje ta’ terremoti, bejn Novemberu u Diċembru tal-1542 fix-Xlokk ta’ Sqallija u li nħassu sew f’Malta. Skont l-istudjużi Barbano u Rigano (2001), terremot minnhom kien qawwi aktar min dak tal-1693 li kien għamel ħafna ħsara f’binjiet differenti, fosthom fil-katidral tal-Imdina. Minħabba l-qawwa tiegħu u billi kienu bosta t-terremoti, jista’ jkun li l-pellegrinaġġ kien beda jsir bħala ringrazzjament li Malta nħelset minn dan il-flaġell.
Għaliex il-pellegrinaġġ isir lejn iż-Żejtun?

Hi ħaġa kurjuża għaliex dan il-pelegrinaġġ isir fil-parroċċa antika taż-Żejtun magħrufa bħala Ta’ San Girgor meta din il-knisja kienet minn dejjem iddedikata lil Santa Katarina. L-istatwa ta’ San Girgor tinsab barra l-knisja u mhux ġewwa. Wieħed jibda’ jaħseb, għaliex dan il-pellegrinaġġ ta’ livell nazzjonali ma kienx isir lejn xi knisja oħra b’qaddis aktar prominenti, bħal ngħidu aħna, San Pawl, il-qaddis patrun ta’ Malta, jew lejn xi knisja jew kappella ddedikata lill-Madonna. Patri Fsadni u oħrajn isostnu li ż-Żejtun kien intgħażel għax hawn kienet il-parroċċja l-aktar ’l bogħod mill-Imdina, minn fejn jibda l-pellegrinaġġ, u għalhekk din il-għażla saret biex jitkattar aktar is-sens ta’ penitenza fost il-parteċipanti. Biss, dan ma jispjegax il-fatt li f’Għawdex kien isir pellegrinaġġ ieħor fl-istess okkażjoni, li kien jibda mill-Knisja Matriċi fir-Rabat u jispiċċa ftit ’il bogħod barra l-belt. Agius de Soldanis jgħid li dan il-pelegrinaġġ ta’ Għawdex kien jispiċċa fil-kappella ta’ Għar Gerduf / Il-Lunzjata, f’Kerċem, iddedikata lil San Girgor (1746). L-aħħar li sar dan il-pellegrinaġġ kien fl-1851.
Għaliex f’jum San Girgor
Sa issa għadna ma nafux x’kienet il-konnessjoni bejn dan il-pelegrinaġġ u San Girgor. Lanqas ma nsibu xi devozzjoni notevoli matul is-sekli lejn dan il-qaddis. Ħlief dik ta’ Għawdex ma kien hawn l-ebda kappella iddedikata għalih; aktar riċenti insibu dik ta’ Tas-Sliema. Wisq inqas ma kienu jissemmew nies għal dan il-qaddis. Pereżempju, meta wieħed jifli l-lista ta’ ismijiet fir-Reġistru tal-Milizja tal-1419, insibu li minn 1,615 isem ta’ rġiel, wieħed biss kien jismu Girgor – ċertu Gergor Axiac minn Ħal Dimegħ (Ħal Dimech, qrib il-Mosta). Biex ngħidu kollox, fl-istess lista jidher ukoll l-isem Casal Gregorio, isem ieħor għal Ħal Għargħur.
San Girgor fi Sqallija
Minħabba f’hekk, ta’ min wieħed jinvestiga jekk dan il-pelegrinaġġ hux riżultat ta’ xi influenza storika u kulturali li ġejja minn Sqallija. Mhux l-ewwel darba li xi kult reliġjuż f’Malta hu frott tal-komunikazzjoni tal-Maltin ma’ din il-gżira, anzi, itsta’ tgħid li bosta festa tal-qaddisin f’Malta oriġinaw minn hemm. Fil-fatt, qrib Catania hemm belt jisimha San Gregorio, fejn bħal f’Malta, tkun iċċelebrata l-festa ta’ San Girgor, biss mingħajr purċissjonijiet jew pelegrinaġġi. Bħal f’Malta, din il-festa kienet spustjata mit-12 ta’ Marzu, għall-għada tal-Għid il-Kbir (f’Malta, l-Erbgħa ta’ wara). Ħaġa oħra ta’ min wieħed jinnota hu x-xebh bejn l-istatwa ta’ San Girgor li hemm meqjuma fil-knisja ta’ din il-belt u dik li hemm iż-Żejtun hu kbir. L-istatwa taż-Żejtun kienet maħduma fl-1838, minn Salvatore Dimech, fuq id-disinn ta’ Giuseppe Hyzler.
Statwa tal-qaddis f’San Gregorio Statwa tal-qaddis fiż-Żejtun
Il-pellegrinaġġ ta’ San Girgor
Gian Franġisk Abela, fid-Descrizione di Malta (1647) jgħid illi fi żmienu, fil-pellegrinaġġ kienet tipparteċipa tista’ tgħid, Malta kollha, fosthom l-Isqof ta’ Malta, il-Venerandu Kapitlu tal-Katidral, patrijiet mill-kunventi kollha, fratellanzi, in-Nobbli Maġistrati tal-Belt Valletta u l-bqija tal-poplu, daqs tletin elf ruħ b’kollox. Abela jgħid li xi wħud minn dawk li kienu jakkumpanjaw kienu jimxu ħafjin u mneżża minn qaddhom ’il fuq bħala penitenza. Kienu jinġarru mal-mitt standard ‘għonja’ (E.B. Vella 1927) u mijiet ta’ bnadar. Fl-aħħar tal-pellegrinaġġ, l-Isqof, jew il-Vigarju tiegħu, kienu joqgħodu ħdejn il-bieb ta’ barra tal-knisja ta’ San Girgor biex jirċievu t-tislima ta’ rispett mill-kjeriċi, hekk kif dawn jgħaddu minn quddiemhom. Għajb għal min ma kienx ineħħi l-għata minn fuq rasu bħala rispett (Carmelo Testa 1988).
F’jum il-pellegrinaġġ, l-ibliet u l-irħula kienu prattikament jitbattlu mill-abitanti tagħhom, kollha ħerqana biex ikunu parti mill-folla devota, waqt li jgawdu wkoll mill-ispettaklu kkulurit ta’ qassisin u patrijiet kollha bil-paramenti sagri. Dakinhar, l-Ordni ta’ San Ġwann kien jieħu l-prekawzjonijiet kollha u jaqfel l-iskjavi fil-ħabsijiet għax bosta minn dawn, daqs elf u ħames mitt ruħ, kienu normalment jitħallew jiġġerrew barra f’qadjiet għas-sidien tagħhom. L-Ordni kien jibża’ li dawn l-iskjavi jaħtfu l-okkażjoni u jagħmlu xi rewwiexta, bħal ma fil-fatt ġara fil-festa ta’ Sant Anna tal-1531 (Wettinger 2002), u fil-festa tal-Imnarja tal-1747.
Parti mill-parteċipanti kienu jitilqu bil-mixi mill-Imdina u r-Rabat fil-ħamsa ta’ filgħodu, wara l-Isqof u l-Kapitlu, waqt li dawk minn ibliet u rħula oħra kienu jħallu darhom f’ħinijiet differenti, skont id-distanza u l-ħin li kienu jridu biex jaslu Ħal Tarxien. Meta imbagħad jasal l-isqof u l-kapitlu, kulħadd jerħielha warajhom lejn iż-Żejtun, kull paroċċa u fratellanza timxi wara s-salib, u kulħadd skont il-preċedenza. Jidher li kienu jinqalgħu ħafna kwistjonijiet dwar il-preċedenza. Darba kwistjoni sħuna bejn il-kanonċi ta’ Birkirkara u dawk tal-Isla. Kien wara dan l-inċident, li fl-1926, l-Isqof Mauro Caruana ddeċieda li l-pelegrinaġġ ma jibqax isir fuq livell nazzjonali, minflok kull parroċċa kellha tagħmel biss pelegrinaġġ żgħir fil-lokalità tagħha.
Mal-festa jiżdied il-briju
Fil-memorja folkloristika jingħad li fil-patt taż-żwieġ l-għarus ried bilfors iwiegħed lill-għarusa li jeħodha għal festi tal-Imnarja u dik ta’ San Girgor. Dan juri s-sens ta’ importanza, festeġġjament u sfog, li biż-żmien, almenu fil-festi prinċipali, kienu daħlu bil-kbir. Dan għaliex apparti ċ-ċeremonjal reliġjuż kien beda jagħti lok għall-ikel, x-xorb, għana u tbahrid, kif jidher minn l-estratt ta’ poeżija li kienet ippubblikata fil-fuljett Giahan, tat-8 ta’ April, 1847. Interessanti li l-awtur jiddeskrivi din l-atmosfera ta’ festeġġjament f’Ħal Tarxien u mhux fiż-Żejtun.
”Min jista jpingi f’dan il fuljett
San Ghirgor taghna – dac iz-zufjett
Minn coll nies tara – f’dac Hal Tarxiel [sic]
Li trasset jieklu u imbiet bi kliel!”
San Girgor wara l-1926
Fil-ktieb tiegħu, L-Imdina ta’ Tfuliti, Biagio Galea, (1975) jirrakkonta mill-memorja tiegħu dwar il-pellegrinaġġ kif kien isir wara l-1926, għax hu kien jieħu sehem fih bħala abbati. Hu jgħid li minkejja li issa, kull parroċċa bdiet tagħmel il-’pellegrinaġġ’ f’raħalha, il-pellegrinaġġ il-kbir mill-Imdina lejn iż-Żejtun baqa’ jsir, bil-parteċipazzjoni biss tal-Kapitlu tal-Katidral, flimkien mal-patrijiet u l-fratellanzi tal-Imdina u r-Rabat. Dan il-pellegrinaġġ kien isir parti bil-mixi u parti bil-karozzi li kienu jinkrew għall-okkażjoni.
Skont Galea, il-pellegrinaġġ kien jibda mal-5.30 ta’ filgħodu meta kulħadd jinżel lejn is-Saqqajja. Mis-swar tal-Imdina kien jiġi sparat kanun biex jinforma lill-kulħadd li l-pelegrinaġġ kien beda. Minn hemm kulħadd, kemm dawk tal-mixi kif ukoll dawk rekbin kienu jerħulha lejn Ħaż-Żebbug. Hemm kienet issir waqfa qasira, u mbagħad il-pellegrinaġġ kien ikompli l-korsa tiegħu lejn il-Marsa, u Ħal Tarxien. Fir-Raħal Ġdid, bosta mill-fratellanzi kienu jilbsu l-konfratiji fil-knisja ta’ Santa Ubaldeska, Raħal Ġdid. Minn Ħal Tarxien il-purċissjoni kienet tkompli lejn il-knisja parrokkjali ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, u wara tispiċċa f’San Girgor.
Galea jkompli jgħid illi wara ċ-ċeremonjal u l-quddiesa, bosta kienu jerħula lejn Wied il-Għajn, Marsaxlokk, jew Birżebbuġa biex iqattgħu wara nofsinhar jieklu (ħafna drabi l-qassatat li kienu jinbiegħu fiż-Żejtun) u jixorbu sakemm isir il-ħin li kulħadd jibda jaħseb biex imur lura minn fejn ġie.

Illum dan il-pellegrinaġġ tbiel. Minflok, illum issir purċissjoni modesta ħafna, li tibda mill-kappella ta’ San Klement li qiegħda qrib it-Triq Taċ-Ċawsli li tagħti lejn Ħaż-Żabbar. Fiha jieħdu sehem l-Isqof ta’ Malta, akkumpanjat mill-monsinjuri tal-Katidral, is-seminaristi, il-fratellanza ta’ San Ġużepp tar-Rabat. Huma u telgħin lejn il-knisja parrokkjali ta’ Santa Katarina, il-fratelli għandhom l-usanza li jgħattu wiċċhom bil-barnuża bħala sinjal ta’ penitenza (Lanfranco 2004).
Il-folol tan-nies illum sparixxew minn din il-purċissjoni. Minflok, sirt issibhom f’Marsaxlokk jieklu xi ħobża biż-żejt, jiddevertu, jilagħbu t-tombla u jisimgħu d-daqq u l-għana ħdejn il-baħar. Ikun hemm xi wħud miż-żgħażagħ li jaħtfu wkoll din l-okkażjoni biex jaqbżu l-baħar biex jieħdu l-ewwel għuma tal-istaġjun.
Martin Morana
20 ta’ April, 2022
Aktar dwar il-pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:
Biblijografija Bonnici Alexander (Ed.) Gozo - Ancient and Modern, Religious and Profane - Canon Giovanni Pietro Francesco de Soldanis 1712- 1770. Media Centre Publication. 1999. Cutajar Dominic & Fiorentino Emmanuel, ‘Trends and influences in Maltese art 1800 - 1964’, The British Colonial Experience 1800 - 1964. Mireva Publications. 1988. Galea Biagio, L-Imdina ta’ Tfuliti. Klabb Kotba Maltin. 1975. Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjoniet Maltin. PIN. 2004. Mallia Fiona, Il-Kultura Maltija. Klabb Kotba Maltin. 2012. Testa Carmelo, The Life and Times of Grand Master Pinto - 1741-1773. Midsea Books. 1989. Vella Fiona, ‘Il-Purċissjoni ta’ San Girgor, Tradizzjoni jew Fidi?’, www.fionavella.com Vella E.B., Storja Taż-Żejtun u Marsaxlokk. Empire Press. 1927. Wettinger, Slavery in the Islands of Malta and Gozo ca. 1000 - 1812. PEG. 2002. Zahra Walter, The old church of St. Gregory at Zejtun. 1989. Giahan, (fuljett) 8 ta’ April, 1847. ‘Il-Kappella ta’ San Girgor f’Għar Gerduf ta’ Kerċem’, (fuljett) Festa Madonna tas-Sokkors - Kerċem, 2016. Barbano Maria Serafina & Rigano Rosaria, ‘Earthquake sources and seismic hazard in Southeastern Sicily’. Annali di Geofisica, Vol 44, August 4, 2001.
Click to access Earthquake-sources-and-seismic-hazard-in-Southeastern-Sicily.pdf
Click to access Sensiela%20Kappelli%20f%27kercem%20part%201.pdf