LEĠĠENDI MALTIN u GĦAWDXIN

 

LEĠĠENDI MALTIN u GĦAWDXIN

Bejn ħrejjef u fatti 

 

Introduzzjoni

Meta nitkellmu dwar il-leġġendi Maltin, il-ħsieb imur mill-ewwel fuq l-istejjer folkloristiċi li mdorrijin nisimgħu, l-aktar dawk relatati ma’ xi ħaġar megalitiku, ma’ stejjer tal-furbani u t-Torok, xi stejjer dwar xi mirakli li seħħew, jew inkella dwar kif oriġinaw l-ismijiet ta’ ċerti postijiet. Xi wħud minn dawn il-leġġendi jingħadu bħala stejjer fantasjużi, waqt li oħrajn huma magħduda bħallikieku qishom fatti li seħħew tassew. Dawn ir-rakkonti żgħar, huma bħal għajdut li tkaxkru minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Kif bdew dawn il-leġġendi? Ħafna mill-leġġendi bosta drabi oriġinaw bħala sempliċi ħlieqa ta’ xi individwu li biex jispjega xi fenomenu,  jew xi episodju fl-istorja ta’ Malta, żewwaq ħrafa kif jaf hu. Dan seta’ għamlu biex jispjega r-raġuni wara l-fatt, jew inkella, biex sempliċiment jivvinta rakkont ħelu li jagħti gost lil min jisimgħu. Dawn l-itejjer biż-żmien infirxu ma’ Malta u Għawdex kollha u minn sempliċi għajdut saru jagħmlu parti mit-tradizzjoni orali.

Leġġendi li jispjegaw il-fenomini tan-natura

Forsi l-aktar leġġendi antiki li nafu bihom huma dawk li jispjegaw l-andament tan-natura, bħal meta ngħidu aħna, il-movimenti tax-xemx u l-qamar, meta dawn jikkawżaw l-ekklissi, jew xi spjegazzjoni dwar il-kwiekeb, bħall-kewba feġġa li d-dehra tagħha tbassar il-futur, jew il-frak li jaqa’ mis-sema fl-għaxra ta’ Awissu, magħruf bħala d-Dmugħ ta’ San Lawrenz. Biss, dawn il-leġġendi huma aktar qishom superstizzjonijiet milli leġġendi. Il-leġġendi għandhom storja żgħira biex tispjega dak li ġara.

maqluba 8_132457 - Copy
Il-Maqluba, limiti tal-Qrendi

Jeżistu spjegazzjonijiet kif ifforma ċertu ambjent ġeoloġiku. Eżempju li jispikka u magħruf sew hu ta’ kif żviluppat il-ħofra ġeo-morfoloġika li hemm barra l-Qrendi, qrib il-kappella ta’ San Mattew. Din il-ħofra hi magħrufa bħala ‘Il-Maqluba’. Ir-rakkont jgħid li hawn kien jeżisti raħal li fiħ kienu jgħixu nies ta’ karattru ħażin u li Alla kien inkorla waħda sew magħhom minħabba l-mod kif kienu qed jgħixu. Biex jikkastigahom Alla ħataf dan ir-raħal bin-nies b’kollox, qalgħu minn postu, olzah u tefgħu lil hinn fil-baħar, u llum dan ir-raħal maqlugħ mhu xejn ħlief il-gżira ta’ Filfla. Naturalment, qrib il-Qrendi baqgħet tidher il-ħofra kbira fil-blat, illum mimlija bi pjanti u siġar. Il-verità hi li din il-ħofra ffurmat gradwalment biż-żmien, għaliex matul l-eluf tas-snin, l-ilma tax-xita ħaffer fil-fond il-blat tal-franka, waqt li ta ħaffer aktar u aktar din il-ħofra aktar fil-fond.

Dwar il-ħaġar megalitiku

qala - Copy
il-ħaġra tal-Qala, Għawdex – ħajr http://www.visitgozo.com

Għal bosta, il-ħaġar preistoriku kbir li jinsab imxerred fil-gżejjer Maltin dejjem kien iħabbel ras in-nies. Kif seta’ qatt ġebel kbir bħal dan jinġarr u jitwaqqaf fil-postijiet fejn jinsabu llum? Dan il-blat, kultant tal-qawwi kultant tal-franka, hu misterjuż għall-aħħar u għalhekk ingħataw bosta tifsiriet u magħhom stejjer li bihom wieħed ittanta jifhem dak li seħħ. Hekk insibu li f’Għawdex it-tempji tal-Ġgantija kienu magħrufa għal ħafna żmien bħala t-Torri tal-Ġganti. Insemmu wkoll l-istorja tal-ħaġra li hemm fil-Qala, Għawdex. Dwar din, teżisti leġġenda li tgħid li kien hemm mara ġganta, tant b’saħħitha, għax minn dejjem kienet tiekol ħafna ful, li darba minnhom ħatfet blata li kien hemm fl-imkejjen Ta’ Ċenċ, qrib is-Sannat, tefgħatha fuq rasha u ġarritha sal-Qala, u telqitha hemm, fejn għadha sal-lum. Dan il-menhir, għax hekk jissejħu dawn il-plier, għadu jaffaxxina lil bosta studjużi.

Malta Illustrata 47Ġian Franġisk Abela, magħruf bħala l-eqdem storiku ta’ Malta, fil-ktieb tiegħu Della Descrizione di Malta nel Mare Siciliano: con le sue antichità, ed altre notizie, li ppubblika fl-1647, wera wkoll li kien jemmen li dawn it-tempji megalitiċi nbnew minn razza ta’ nies ġganti. Hu bbaża t-teorija tiegħu fuq il-fatt li f’bosta rkejjen ta’ Malta instab ħafna għadam kbir, l-istess bħal ma llum naraw fil-vetrini tal-mużew ta’ Għar  Dalam. Billi dan l-għadam, li  llum nafu li huwa tal-iljunfanti u l-ippopotami li għexu fi Żmienijiet is-Silġ, kien ikbar minn dak tal-bniedem, Abela ħaseb li l-għadam kien jappartjeni lill-razza ta’ nies ġganti li kienu jgħixu f’Malta dak iż-żmien. La kienu ġganti, dawn felħu jġorru u jibnu b’ġebel kbir it-tempji megalitiċi, bħal dak tal-Ġgantija, Ħaġar Qim u daqs 25 sit ieħor preistoriku f’Malta u Għawdex. Din it-teorija ta’ Abela twemmnet u ġiet irrakkuntata għal bosta ġenerazzjonijet, u naturalment saret waħda minn bosta leġġendi li jingħadu dwar it-tempji.

Leġġendi mill-istorja

Eżempji simili ta’ dawn il-kitbiet mill-istudjużi tal-istorja, hemm bosta. Fost it-twemmin folkloristiku Malti, forsi l-aqwa żewġ karattri tal-istorja ta’ Malta li jgħoddu bħala leġġendi huma dwar San Pawl u l-Konti Ruġġieru. Dawn it-tnejn, jitqiesu  bħala l-aqwa żewġ eroj kbar ta’ Malta, wieħed għax nemmnu li kien hu li kkonverta l-Maltin għat-twemmin Nisrani, u l-ieħor għaliex, kif kienu jaħsbu bosta, kien hu li ħeles lill-Maltin mill-Għarab Misilmin.

Dwar San Pawl hemm bosta leġġendi fosthom li:

  • Il-post fejn il-bastiment li kien riekeb fuqu San Pawl, kien fuq  sikka qrib waħda miż-żewġ gżejjer, fil-bajja li illum iġġib ismu. L-episodju tan-nawfraġu seħħ verament, għax hu mniżżel fl-Atti tal-Appostli, kapitlu 28, biss ħadd ma jaf biċ-ċert fejn ġara dan l-episodju.
  • KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
    Statwa ta’ San Pawl fil-knisja tan-Nawfraġu ta’ San Pawl, il-Belt

    Waqt li San Pawl kien qiegħed jiġbor il-ħatab biex titqabbad ħuġġieġa, dan gidmitu lifgħa. Skont il-leġġenda, San Pawl qala’ ilsien il-lifgħa u tefgħu fl-art u dan l-ilsien infirex mal-gżejjer Maltin, u għadu jinsab sal-lum, tant li meta n-naġġara tal-barrieri jsibu forom triangolari fil-blat, li fil-verità huma fossili tas-snien tal-kelb il-baħar ta’ żminijiet ġeoloġiċi antiki, dawn jaħsbu li dawn huma lsien il-lifgħa, magħrufa aktar bħala, ‘Lsien San Pawl’.

  • Meta mal-gidma, San Pawl farfar il-lifgħa minn idu, is-sriep kollha f’Malta ma baqgħux velenużi.
  • Meta skont it-tradizzjoni, San Pawl kien ippriedka fuq l-għolja tan-Naxxar leħnu nstema’ saħansitra minn Għawdex.
  • San Pawl inżamm priġunier fil-Grotta taħt il-knisja parrokkjali tar-Rabat, tul it-tliet xhur li dam Malta. Ma’ din il-leġġenda hemm marbuta s-superstizzjoni li l-blat ta’ din il-grotta jfejjaq lill-dawk li jsofru minn xi avvelenament.
  • Meta San Pawl mar iż-Żejtun, biex bħal f’irħula oħra, jikkonverti l-abitanti ta’ hemm għat-twemmin Nisrani, l-abitanti ta’ hemm ma ridux jaċċettaw it-twemmin tiegħu. Kos, min jaf min kien li qala’ din il-ħrafa! Wara kollox, jekk San Pawl kien miżmum fil-Grotta ta’ San Pawl, mela dan ma seta’ jmur imkien!

Dwar il-Konti Ruġġieru hemm ukoll bosta leġġendi, kollha frott tal-interpretazzjoni fantażjuża tad-dilettanti tal-istorja. Fost dawn insibu dan li ġej:

  • Il-Konti Ruġġieru llibera lill-Maltin mill-ħakma tal-Għarab. Dan mhu veru xejn għaliex x’aktarx kienu l-ilsiera Nsara barranin biss li l-Konti Ruġġieru ħeles mill-jasar.
  • Li l-armata tal-Konti Ruġġieru żbarkat fl-inħawi ta’ Miġra l-Ferħa biex imbagħad is-suldati ggranfaw mal-irdum, biex telgħu l-art, ħaġa li kull min jaf minn xiex inhu magħmul dan l-irdum, hi xi ħaġa impossibbli. Din il-leġġenda tingħad biex tispjega l-isem tal-inħawi. ‘Miġra’ tfisser nixxieha, u ‘ferħa’ tfisser nixxieha żgħira, għaldaqstant l-isem hu interpretat ħażin.
  • Li l-Konti Ruġġieru ta lill-Maltin il-kuluri tal-bandiera tiegħu, abjad u aħmar. Mhu veru xejn. L-ewwel nett ma nafux jekk dan il-konti kellux il-bandiera tiegħu, wisq inqas nafu x’kuluri kellha. Il-kuluri tal-bandiera Maltija bi probabbiltà kbira oriġinaw mill-arma tal-Università tal-Imdina.
  • count roger the landing laspina4
    Tpinġija meħuda mill-ktieb ta’ Laspina li żmien ilu kien jinqara fl-iskejjel primarji tal-gvern

    Li l-Konti Ruġġieru stabbilixxa darba għal dejjem il-Kristjaneżmu bħala r-reliġjon waħdanija ta’ Malta. Jingħad ukoll li kien hu wkoll li stabbilixxa l-amministrazzjoni l-ġdida Normanna f’Malta. Mhu veru xejn, għaliex il-Konti Ruġġieru, ġie Malta speċifikament biex jaffronta lill-mexxejja Għarab – Musulmani – Maltin li minkejja li dawn kienu liberi li jmexxu kif iridu huma, dawn kellhom jirrikonoxxuh bħala l-mexxej veru tal-gżejjer Maltin, issa, li kienu jagħmlu parti mir-renju tiegħu. Kien it-tifel tiegħu, Ruġġieru II, li fl-1127, stabbilixxa l-amministrazzjoni Normanna b’mod fiss f’Malta.

  • Li kien hu li bena l-ewwel katidral fl-Imdina wara l-ħakma Għarbija, u li kien hu li stabbilixxa l-ewwel parroċċa tal-Birgu.

Sfortunatament, dawn il-leġġendi għad hawn minn jemmen li huma veri. Sa ftit snin ilu, fil-katidral tal-Imdina, fl-4 ta’ Novembru, kienet anki ssir quddiesa speċjali għar-ruħ il-Konti Ruġġieru!

 Leġġendi marbuta mal-furbani u t-Torok

tork IMG_7035 - Copy - CopyJeżistu wkoll leġġendi relatati mal-iżbark tal-furbani u l-ħtif tal-abitanti tal-gżejjer Maltin. Fil-ktieb tiegħu, Leġġendi, Misteri u Għajdut mill-Gżejjer Maltin, Clifford Vella jelenka 25 leġġenda marbuta mal-inżul tat-Torok u l-furbani f’Malta. Fost l-istejjer l-aktar magħrufa hemm dik tat-tfajla tal-Mosta li hekk kif niżlu l-furbani l-art biex jaħtfu n-nies u jeħudhom magħhom bħala skjavi, din ħarbet u nħbiet ġo għar fin-naħa tal-Mosta. Hekk kif daħlet fl-għar hi fetqet għanqbuta minsuġa mal-wesgħa tal-bokka tal-għar, biss hekk kif it-tfajla daħlet ġewwa, il-brimba reġgħet ħititha warajha. Meta l-furbani waslu ħdejn l-għar u raw l-għanqbuta mhux mittiefsa dawn ħasbu li fl-għar ma daħal ħadt u għalhekk ma daħlux ifittxuha hemm. B’ringrazzjament talli skappat milli tkun maqbuda, din it-tfajla bniet il-kappella tal-Madonna tal-Isperanza sewwa sew fuq l-istess għar fejn inħbiet.

Imbagħad hemm l-istorja ta’ Ħasan li ħataf tfajla Maltija u kaxkara miegħu lejn għar li jinsab f’xifer l-irdum ta’ Ħal Far. Meta l-Maltin indunaw li Ħasan sata’ kien mistoħbi f’dan l-għar, dawn marru għalih. Ħasan ipprefera li flok li t-tfajla tinħeles u hu jkun maqtul mill-kotra rrabjata, jaqbeż bit-tfajla minn fuq l-irdum għal isfel.

Leġġendi mħallta mat-twemmin Nisrani

Fl-istess kitba ta’ Vella, kif ukoll fil-kotba ta’ Ġorġ Pisani u ta’ Kilin, insibu mat-22 leġġenda li huma marbuta ma’ xi miraklu li seħħ bl-interċessjoni ta’ qaddis jew ieħor. Biex nagħtu eżempju, insemmu l-istorja ta’ kif Sant’Agata intervenit biex l-abitanti tal-Mdina ħelsuha mill-attakk tal-għadu Musulman fuq l-Imdina fl-1551.

mirakli
Xbiha mirakoluża tal-Madonna fuq triptiku, fil-kappella ta’ Ħal-Lija

Jissemma l-każ dwar it-terremot tal-1743, meta fil-knisja tal-Mirakli f’Ħal Lija, f’il-jum li sar it-terremot beda ħiereġ id-dmugħ mill-pittura tal-Madonna li hemm f’din il-kappella. Hemm ukoll stejjer marbutin mal-Assedju l-Kbir tal-1565, fosthom fejn waqt dan l-assedju bdiet tidher ta’ sikwiet ħamiema bajda ttir mis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar lejn il-knisja ta’ San Lawrenz, il-Birgu. Fl-istess assedju jissemma Toni Bajada li kien messaġġier tal-Gran Mastru li kien ta’ spiss jgħum biex jaqsam il-Port il-Kbir kif ukoll jitla’ lejn l-Imdina b’messaġġi importanti. Ġew irrakkuntati bosta stejjer fittizji dwaru, biss, dan il-persunaġġ mid-dehra kien jeżisti tassew għaliex isemmiegħ Balbi da Correggio fil-kitba tiegħu dwar l-Assedju.

Bosta leġġendi huma marbuta ma’ xi kappella, bħal ngħidu aħna, il-kappella ta’ San Pawl Eremita li hemm f’Wied il-Għasel, barra l-Mosta, li fiha skont il-leġġenda kien jgħix San Kurrad. Għal xi raġuni jew oħra dan kien ippersegwitat min-nies ta’ dawk l-inħawi u dan ħarab billi tar fuq il-mantell tiegħu biex mar – u hawn insibu tliet verżjonijiet – jew lejn Kemmuna, jew lejn il-kappella tal-Qala, Għawdex, jew lejn Noto fi Sqallija.

Leġġendi marbuta mat-toponimija

Imbagħad hemm leġġendi oħra li huma marbuta mal-ismijiet ta’ lokalitajiet. Diġà semmejna l-Maqluba barra l-Qrendi u Miġra l-Ferħa. Hekk ukoll insibu Għajn Klieb, ’l barra mir-Rabat. Skont il-leġġenda, fi żmien il-Medjuevu, hekk kif f’Malta wara żmien l-Għarab, il-Kristjaneżmu reġa’ beda jieqaf fuq saqajh, kien hemm xi ħjiel li qrib Għajn Klieb, kien hemm xi komunità Għarbija li kienet qed taħmi komplott biex l-Għarab jirribellaw kontra l-ħakkiema Maltin. Il-mexxejja Maltin saru jafu b’dan u marru jattakkawhom f’dan il-post. Il-leġġenda tgħid li waqt dan l-attakk il-Maltin bdew jgħajtu, ‘għalihom, oqtluhom dawk il-klieb!’ Storja li mhix iddokumentati bil-kitba.

Din hi lista ta’ lokalitajiet jew inħawi li minħabba isimhom inħolqu bosta leġġendi.

  • Għar Ħasan – qrib Ħal Far u Birżebbuġa. Il-leġġenda hi ġa spjegata aktar ’il fuq. Dan l-għar seta’ ssejjaħ hekk għax sidu x’aktarx kien xi ħadd li kien jismu Ħasan.
  • Tal-Għarreqin, akkwati fin-naħa tal-bieb ta’ isfel tal-Imdina magħruf hekk. Skont l-għajdut hawn kienet tgħix komunità Griega. L-isem Għarbi għall-Griegi hual’iighriqu / الإغريق.
  • Miġra l-Ferħa. Il-leġġenda hi ġa spjegata fil-paragrafu dwar il-Konti Ruġġieru.
  • San Pawl il-Baħar. Kif din il-bajja ħadet isimha hu ġa spjegat fil-paragrafu dwar San Pawl.
  • Għajn Raż Nixxieha ta’ ilma li jaħsbu li xorob minnha San Pawl – rażulbil-Malti antik jew bl-Għarbi tfisser, messaġġier – (Għ. رسول ) , f’dan is-sens, hu kien ir-rasul, jew il-messaġġier ta’ Alla. Biss, jista’ jkun li fil-verità, din in-nixxieha serviet bħala għajn tal-ħasselin. Assoċjat ma’ dan hemm il-fatt li bill-Malti antik, il-verb għrasel,  (Għarbi  غَسَلَ ) ifisser, ‘ħasel’.
  • Dragonara, San Ġiljan – Jgħidu li hawn kienu jinstemgħu ħafna ħsejjes li jkexkxu, kkawżati minn mostri tal-baħar.
  • Għar is-Sirena, L-Isla.  Hawn tingħad leġġenda dwar sajjied li sar iħobb sirena li kienet tgħix f’dan l-għar. Meta darba minnhom dan is-sajjied żagħżugħ biesha, is-sirena inbidlet fi statwa tal-ġebel. Fil-verità l-istorja setgħet inħolqot minn immaġini ta’ sirena li kienet tiddekora l-għar li kien parti mill-proprjetà ta’ villa.
  • Bieb il-Lhud, il-Belt. Bosta jemmnu li l-fetħa li tagħti minn taħt is-swar għax-xatt, li tinsab lil hinn mill-Berġa tal-Baviera, kienet tgħix komunità Lhudija. Ma hemm xejn x’juri li dan hu minnu. Anzi, insibu isem ieħor totalment differenti għal istess inħawi, ‘Bieb is-Saraċeni’. Dawn iż-żewġ ismijiet jistgħu jindikaw li hawn kienet tgħix xi komunità barranija.
  • Il-Munġbel – Isem ieħor għall-Għolja tal-Merżuq li hemm qrib Marsalforn. Hemm min jemmen li din l-għolja hi fil-fatt vulkan estint. L-isem ġej min Monġibello, isem li l-Isqallin jirreferu għall-vulkan Etna.

Leġġendi aktar riċenti

Fost il-leġġendi l-aktar riċenti jispikka bniedem li ismu llum għadu leġġendarju. Dan hu Turu Rizzu (1894 – 1961). Dan jibqa’ magħruf għall-abbiltà straordinarja tiegħu fl-għawm. Minħabba li hu kien għawwiem kapaċi li bħalu qatt ma deher f’Malta sa żmienu, ħafna għadhom jirrakkuntaw anedotti dwar il-bravuri tiegħu fl-għawm, kemm dwar dak li għamel verament u anki dwar oħrajn li ma għamilx. Hekk jinħolqu l-leġġendi, ħafna drabi, minn fatti bbażati fuq taħlita ta’ fantasija u veritajiet.

http://www.kliemustorja.com

Martin Morana

5 ta’ Mejju 2022

Bibliografija

Attard Anton F., Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor. A.&M.printing Ltd. Qala. 2002.

Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1992.

Kilin (Mikiel Spiteri), A Hundred Wayside Chapels of Malta & Gozo. Heritage Books. 2000.

Laspina S. Rev., Outlines of Maltese History. 1943.

Mallia Fiona, Il-Kultura Maltija. Klabb Kotba Maltin. 2012.

Pisani Ġorġ, Għawdex Joħlom fil-Leġġendi. Pubblikazzjoni Indipendenza, 1999.

Vella Clifford, Leġġendi, Misteri u Għajdut mill-Gżejjer Maltin. Pubblikazzjoni PIN. 2012.

Ara aktar: 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

1 Comment

Leave a Reply to Ray SCC Demanuele Cancel reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s