RELIKWI u KORPI SANTI
f’Malta
Kulħadd sama’ bl-istorja ta’ kif Santa Liena, omm l-Imperatur Kostantinu, fis-sena 226 W.K., sabet is-salib li fuqu kien imsallab Kristu. Ftit wara li nstab, mara moribonda kienet għarfet is-salib minn tlieta oħra u tfejqet mill-mard li kellha. Jekk din l-istorja hi vera u mhux sempliċi leġġenda, allura wieħed jista’ jgħid li dan hu l-eqdem każ ta’ kif relikwa jew oġġett sagru kellu l-qawwa li jfejjaq b’mod mirakoluż u jagħti lok biex in-nies ifittxu jakkwistaw relikwi biex iżommuhom b’għożża ta’ fidi u tama ta’ salvazzjoni.
Fi żmien il-medjuevu, l-Art Mqaddsa kienet saret destinazzjoni ta’ pelegrinaġġi għal dawk id-devoti li kellhom ix-xewqa u l-kuraġġ li jivvjaġġaw u jżuru l-postijiet sagri fejn għex Ġesù. Hawn bdew jinbtu diversi ordnijiet reliġjużi li għamluha ta’ kuraturi u difensuri tal-postijiet imsemmija fil-Vanġelu. Kien żmien meta xi wħud li għamlu dan il-pelegrinaġġ irritornaw f’pajjiżhom b’relikwi, li kienu konvinti kienu awtentiċi.
Fost l-ordnijiet reliġjużi li kienu qattgħu aktar minn mitejn sena fl-Art Imqaddsa kien hemm il-Kavallieri ta’ San Ġwann (ċ. nofs is-seklu ħdax sal-1291 W.K.) Dawn meta ġew Malta, wara li tkeċċew minn Rodi, ġabu magħhom kwantità ta’ relikwi, fosthom għadam mill-id il-leminija ta’ San Ġwann il-Battista, il-qaddis patrun tagħhom. Din ir-relikwa baqgħet miżmuma f’relikwarju mżejjen bil-ħaġar prezzjuż fil-knisja konventwali tal-Ordni. Meta Napuljun keċċa l-Kavallieri minn Malta, il-Gran Mastru Hompesch kien ħa din ir-relikwa miegħu fi Trieste. Biss, eventwalment, din ir-relikwa biddlet ħafna idejn sakemm intilfet (J.E. Storace Heritage Vol III). Fost ir-relikwi l-oħra, l-Ordni kien irregala lill-knisja konventwali ta’ San Lawrenz il-Birgu, xi muniti tal-fidda li jingħad li kienu tħallsu lil Ġuda meta dan ittradixxa lil Kristu. Ma’ din kien hemm ukoll xewka mill-kuruna li kienet tqiegħdet fuq ras Kristu. Imbagħad il-Belt Valletta, fil-kappella tal-kunvent tas-sorjijiet tal-klawsura tal-Ordni għad hemm esebita l-qorriegħa (il-kranju) tal-Imqaddes Ġerard (1040 – 1120), li kien l-ewwel rettur tal-Ispedaljieri (1080 W.K.) meta dawn kienu għadhom f’Ġerusalemm.
Il-kanonku Għawdxi Agius de Soldanis, fil-ktieb tiegħu Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano, (1746), jgħid li fil-Kolleġġjata tar-Rabat, Għawdex, kien hemm tlieta u għoxrin relikwa, li jvarjaw minn biċċa skalda tas-salib ta’ Kristu, għall-parti mill-velu tal-Madonna, kif ukoll relikwi minn bosta qaddisin (A. Bonnici, 1999).
Relikwi u relikwarji
Apparti d-devozzjoni li kienu jattiraw, dawn l-oġġetti sagri, kienu żgur iżidu mal-prestiġju tal-istess knisja li akwwistathom. Kemm il-parruċċana kif ukoll il-fidili mill-gżejjer Maltin kienu jmorru jżuruhom, min għal talb speċjali, minn għal kurżità. Hekk ngħidu aħna, meta fl-1960, fl-aqwa taċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru biex ifakkru l-elf u disa’ mitt sena mill-wasla ta’ San Pawl f’Malta, il-Vatikan kien irregala frament ta’ għadma meħuda mill-polz ta’ San Pawl biex din tinżamm b’mod permanenti fil-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt. Din ir-relikwa qajmet fervur fost il-Maltin u ċertament ġiegħlet lil-parruċċana ta’ San Pawl Nawfragu jħossuhom kburin. Ma’ din, fl-istess knisja hemm ukoll biċċa mill-kolonna li fuqha midd għonqu San Pawl biex qatgħulu rasu.
Fl-istess knisja ta’ San Pawl Nawfragu, insibu wkoll ir-relikwi ta’ San Homobonus, qaddis patrun tal-ħajjata u tan-nissieġa. Hemm ukoll xi għadam taż-żewġ qaddisin aħwa, San Krispin u San Krispjanu. Dawn huma l-qaddisin prottetturi tal-iskrapan u ta’ dawk li jaħdmu x-xdud (pl. ta’ xedd) taż-żwiemel. Għaldaqstant, dawn il-qaddisin kienu venerati mill-membri li kienu jagħmlu dan ix-xogħol.
Illum għad hawn bosta relikwi mxerrdin fil-gżejjer Maltin. Dawn bosta drabi jikkonsistu fi frammenti żgħar ta’ għadam ta’ qaddisin li mhumiex daqstant magħrufa. Dawn il-fdalijiet huma miżmuma f’relikwarji tal-ħġieġ u ddekorati b’kull tip ta’ fidda, deheb u ħaġar prezzjuż. Biex ngħidu kollox, bosta minn dawn ir-relikwi kienu jkunu biċċiet ta’ għadam misjuba fil-katakombi u ċ-ċimiterji ta’ Ruma mingħajr l-ebda ħjiel ta’ minn kienu verament. Min ikun inkarigat minnhom kien jagħtihom isem fittizju biex jattribwixxuhom għal xi qaddis li sata’ kien jeżisti fi żmien il-persekuzjonijiet Rumani, għax kienu jemmnu li fil-katakombi kienu jindifnu mijiet ta’ Insara li mietu martri. F’Malta u Għawdex għad hawn aktar minn erbgħin minn dawn ir-relikwi li aktar iva milli le, kienu jingħataw bħala rigal ta’ valur spiritwali mill-Vatikan wara t-tħabrik u l-insistenza ta’ xi qassisin jew nies oħra devoti.
Korpi Santi
Fl-1530, l-Ordni ta’ San Ġwann ġab miegħu minn Rodi l-korp sant ta’ Santa Ewfemia. Il-Katidral tal-Imdina, fl-1667, kien akkwista r-relikwi ta’ Santa Faustina u Santa Acata. Fl-1726, il-knisja ta’ San Lawrenz il-Birgu ġabu l-korp ta’ San Benigno, u fl-1751, il-kapuċċini tal-Kalkara akkwistaw il-korp ta’ Santa Liberata. Matul is-sekli tmintax u dsatax il-korpi santi żdiedu sew f’Malta. Ġieli nġabu frammenti ta’ għadam, ġieli skeletri aktar kompluti, u ġieli il-fdalijiet kienu jinkludu xi ampulla mimlija bid-demm tal-istess qaddisin. Sal-1780 fil-gżejjer Maltin kien hawn mat-32 korp sant (G. Bonello, 2012). Dawn mhux biss kienu intenzjonati li jkattru l-fidi tal-Maltin fil-qaddisin, iżda wkoll, il-knisja fejn ikun dan il-korp sant, tkabbar il-prestiġju tagħha. L-għadam insibuh jew f’xi niċċa żgħira fil-kor, jew esebit wara l-ħġieġ tal-benniena (taħt il-mensa) ta’ xi altar laterali.
Il-korpi santi kienu jinġibu mill-Vatikan merfugħa ġo kaxxa. Dawn kienu jittieħdu il-kurja, biex l-isqof jeżamina d-dokumenti u jivverifika li l-fdalijiet huma awtentiċi. Imbagħad wara l-approvazzjoni tal-isqof dawn il-fdalijiet kienet issirilhom it-traslazzjoni għal knisja u l-altar magħżul apposta għalihom fost ħafna ċelebrazzjonijiet. Il-venerazzjoni tal-korp sant kienet tkun imbagħad fdata lill-membri ta’ xi fratellanza. Din kienet tesibixxi l-fdalijiet bl-aqwa mod dinjituż. Jekk l-għadam kien ikun abbundanti, bħal parti minn skeletru, kienu jdawru manekin madwaru magħmul mill-kartapesta u jħallu parti mill-għadam espost wara l-ħġieġ. Il-pożizzjoni tiegħu kienet tvarja, biss x’aktarx il-figura kienet tkun mqiegħda la ġenba tistrieħ fuq speċi ta’ sarkofagu, waqt li l-wiċċ iħares b’mod kontemplattiv ’il fuq. Meta l-qaddis kien ikun raġel dan ikun imlibbes bosta drabi ta’ suldat Ruman, bil-kurazza tal-metall b’kollox (Edgar Vella, 2014). Donnu biex jagħti wieħed x’jifhem li dan il-qaddis miet martri, jiddefendi t-twemmin tiegħu. Jekk il-qaddis tkun mara din xorta tkun imblibbsa b’ilbies ta’ mara sinjura tal-istess epoka Rumana. Ġieli il-ftit għadam kien ikun espost fuq imħadda.
Fi żmienhom dawn il-korpi santi kienu jingħataw bosta importanza tant li ħafna nies tal-parroċċa kienu, fil-magħmudija tat-tfal tagħhom, jagħtu l-isem ta’ dan il-qaddis. Biss, illum bosta minn dawn il-korpi santi kważi ntesew għal kollox. Li kieku ma jkunx hemm xi iskrizzjoni b’isimhom, lanqas biss nafu min huma. Minħabba f’hekk, ftit huma dawk il-korpi santi li ssirilhom il-festa darba fis-sena.
Korpi santi magħrufa
Biss, mhux dejjem hekk. Mill-korpi santi kollha għad hemm xi qaddisin li jingħataw l-importanza kif mistħoq. Fost dawn hemm il-korp sant ta’ San Valentinu, li hu meqjum taħt l-altar ta’ San Mikiel fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan. Lil dan kienet issirlu festa ġmielha fis-seklu dsatax. Ara aktar dwar dan il-qaddis billi tikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2022/02/13/san-valentinu/
Fin-Nadur, Għawdex hemm il-korp Sant ta’ San Kurunatu. Dan issirlu festa bil-purċissjoni nhar il-Ħadd ta’ Novembru li jkun l-eqreb it-12 tax-xahar. Imbagħad hemm il-korp ta’ Santa Liberata, li qiegħed fil-knisja tal-kapuċċini, il-Kalkara. Din il-knisja hi proprjament ddedikata lil Santa Barbara. Biss, kulħadd jaf din il-knisja bħala ‘Ta’ Santa Liberata’, u għalhekk isimha u l-korp sant baqgħu ħajjin.
Il-Belt Valletta, marbut mal-knisja tal-Ġiżwiti li tinsab fi Triq il-Merkanti, hemm l-Oratorju tal-Onorati. Dan l-oratorju hu ddedikat lil Santa Onorata, għaliex taħt l-altar maġġur hemm il-fdalijiet ta’ xi qaddis jew qaddisa li l-membri ta’ din l-għaqda ta’ devoti ddeċidew li jsemmu bħala Santa Onorata.
Fost il-korpi santi f’Malta, żgur li l-aktar magħruf hu dak tal-uniku qaddis Malti, San Ġorġ Preca li hu meqjum fil-Kappella tal-Madonna Mirakoluża, fil-knisja tas-Socjetà tad-Dutrina, il-Blata l-Bajda, (M.U.S.E.U.M.). Dan il-korp sant hu fi stat ta’ preservazzjoni bil-wisq aħjar minn kull korp sant ieħor li hawn f’Malta.
Korpi santi fl-ibliet u rħula tal-gżejjer Maltin
Il-BELT VALLETTA : KonKatidral ta’ San Ġwann: Santa Ewfemja.
Il-FURJANA : Casa della Madonna di Manresa (il-Kurja) – San Calcedonius.
MDINA : il-Katidral : Santa Faustina – Santa Acata.
L-ISLA – Fil-knisja parrokkjali : San Vittorio (fl-Oratorju tal-Kurċifiss) – Santa Perennia – Sant Onoratu.
L-ISLA : fil-knisja tal-Porto Salvo (magħrufa wkoll bħala ta’ San Filippu Neri), San Benedetto – San Candido – San Ċelestina; San Plaċidu – San Kwardatu.
Il-KALKARA : Knisja Santa Barbara (tal-Kappuċini) Kalkara: Santa Liberata.
Il-BIRGU : Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz : San Beninju – San Liberatu – Santa Katarina – San Luċidu -Santa Kustanza Martri.
Il-BIRGU Kunvent u Knisja Santa Skolastika – Santa Veneranda (ħajr lil George Agius ta’ din l-informazzjoni).
BORMLA : Knisja parrokkjali – San Onorato – Santa Klara – San Paċifiku.
ĦAL BALZAN : Knisja Parrokkjali : San Valentinu – jinsab tal-altar ta’ San Mikiel.
ĦAL GĦAXAQ : Knisja parrokkjali – San Fidiel.
Hemm oħrajn fil-Għargħur, Ħaż-Żabbar, il-Qrendi, in-Naxxar, Ħal Kirkop u Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Mosta, Ħ’Attard, u Ħal Qormi, (Tony Terribile, 2000).
Għawdex
RABAT : Bażilika ta’ San Ġorġ : San Klement (taħt l-altar ta’ San Lazzaru) – San Pacifiku (taħt il-mensa tal-altar ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra).
RABAT : Il-Katidral – Santa Luċida.
RABAT : Knisja ta’ San Franġisk – San Feliċissimu.
Ix-XEWKIJA : Knisja parrokkjali – San Diodora.
In-NADUR : Knisja parrokkljali – San Kurunatu.
Iż-ŻEBBUĠ : Knisja Parrokkjali – San Fortunatu.
Is-SANNAT : Knisja parrokkjali – San Diodato.
Martin Morana
21.07.2022
Aktar qari tal-istess awtur ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Biblijografija Bonello Giovanni, 'Santa Liberata and the Bearded Female Crucifix', Histories of Malta Vol XII, Confusions and Conclusions, pp. 39-54; Fondazzjoni Patrimonju Malti. 2012. Bonnici Alexander, Gozo - Ancient and Modern - Religious and Profane - Canon Giovanni Pietro Francesco Agius De Soldanis 1712- 1770. Media Centre Publications. 1999. Ciarlò John, The Hidden Gem - St Paul’s Shipwreck Collegiate Church Valletta - Malta. Progress Press. 1995. Lanfranco Guido, Drawwiet u Ħajja Mill-Istorja Ta' Malta. PIN. 2004. Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017. Porsella Flores Joseph F., Knejjes li ma Għadhomx Jidhru Ġewwa l-Birgu. Veritas Press. 2002. Terribile Tony, ‘Korpi Santi’, Festa 2000, Marija Immakulata, Bormla. Vella Edgar, ‘Il-Qima lejn ir-Relikwi tal-Qaddisin martri - Korpi Santi fil-parroċċa tal-Isla’. Belt Senglea 2014 - Festa Marija Bambina (ktejjeb tal-festa). Schiavone Michael Ed. et al. Teżori fil-Knejjes Maltin. Pubblikazzjonijiet Indipendenza. 2002. Storace J.E. ‘Lost Treasures of the Past: The Hand of the Baptist’, Heritage Vol III. Ara wkoll: www.stgeorge.org.mt. News & Events - Monday, November 17, 2008.