IL-KAĊĊA u L-INSIB f’MALTA MATUL IS-SEKLI

IL-KAĊĊA u l-INSIB

F’MALTA

Minn  żmien il-medjuevu sal-aħħar tas-seklu dsatax

Introduzzjoni

Minn żminijiet l-aktar imbiegħeda, il-bniedem kien tgħallem jakkwista x’jiekol billi jikkaċċa l-annimali u t-tjur. Meta mbagħad sar aktar sedentarju dan il-kaċċatur sar bidwi u issa beda jiddomestika kemm l-annimali kif ukoll it-tjur biex dejjem isib x’jiekol meta jonqsu l-uċuh tar-raba’. Biss, in-namra tal-kaċċa baqgħet għax dan kien istint li għadda lilu minn ġenerazzjonijiet qodma. Għalhekk, għal min kellu ż-żmien x’jaħli, il-kaċċa u l-insib kienu jservuh bħala namra li kienet tagħtih mhux biss pjaċir iżda wkoll ċertu sens ta’ kburija għax seta’ juri l-kapaċitajiet tiegħu bħala kaċċatur.

Il-kaċċa f’Malta fi żmien il-medjuevu

Matul is-sekli, il-kaċċaturi u n-nassaba saru aktar effiċjenti bil-mod kif kienu jikkaċċjaw. Nafu li fi żmien il-medjuevu, biex jinqabdu l-għasafar beda jintuża mhux biss il-qaws u x-xbiek, iżda anki t-tjur stess, bħal dawk tal-priża, biex jikkaċċjaw għasafar oħra. Biss, biex tikkaċċja b’dan il-mod trid l-ewwel taqbad l-għasfur tal-priża. Malta kienet magħrufa sew għal qbid, it-tkabbir u d-domestikazzjoni, jiġifieri t-taħriġ tal-għasafar tal-priża. Il-ħakkiema u n-nobbli l-kbar ta’ Sqallija, fosthom, ir-Re Federiku II (1198 – 1250), kienu ta’ spiss jordnaw l-uffiċjali tagħhom isalpaw lejn Malta, kemm biex huma stess jikkaċċaw l-isqra, kif ukoll biex jakkwistawhom mingħand dawk inkarigati apposta f’Malta. Fid-dokumenti storiċi nsibu li fis-seklu ħmistax, kienu jittieħdu lejn Sqallija bejn 25 u 50 bies fis-sena, apparti xi tajr tal-priża ieħor (S. Fiorini, 2001). Intant, fir-reġistru tan-nies ingaġġati fil-milizia nazzjonali tal-1418 / 1419 jissemmew tmien cachaturi di falcunuri (G. Wettinger, 1969).

Il-kaċċa setgħet issir ukoll bl-għajnuna tal-klieb, għall-għasafar, jew bin-nemes, għall-fniek. Aktar tard, l-armi tan-nar ħadu post il-qaws. Xorta waħda ma kinetx ħaġa faċli li toqtol għasfur għaliex biex tispara l-ixkubetta kont trid proċess li jrid attenzjoni u ftit tal-ħin; l-ewwel kont trid titfa’ l-porvli u l-balla minn ħalq il-kanna tal-ixkubetta, tippressahom ’l isfel fil-qiegħ tal-kanna; tixgħel il-lixka biż-żnied, u mbagħad tqabbad il-miċċa biex tressaqha lejn il-porvli fin li jkun lest fuq il-fugun. Hekk kif jintgħafas il-grillu l-porvli fin jieħu u dan iqabbad il-porvli ta’ ġol-kanna u dan jagħmel splużżjoni u b’hekk il-balla tispara ’l barra mill-kanna. Naturalment, qabel ma jispara il-kaċċatur irid ikun pront jimmira lejn il-bersall waqt li jittama li l-għasfur jew il-fenek jibqa’ fejn ikun biex jintlaqat.  

il-fugun hu dik hi l-parti tal-metall fiċ-ċentru li hi mżaqqa, qrib it-toqba li tagħti għall-kanna.

Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann

 Il-kaċċa fiż-żmien li dam l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta kienet issir għal-liebri u l-fniek, aktar milli għall-għasafar għax dawk tal-ewwel fihom aktar x’tiekol u eħfef biex taqbadhom. Il-kaċċa għall-bniedem komuni kellha skop differenti mill-kaċċa li kienu jagħmlu n-nobbli u s-sinjuri. Waqt li għas-sinjuri l-kaċċa kienet mod ta’ divertiment, għall-bidwi l-kaċċa kien importanti biex ikun jista’ jgħajjex lill-familja tiegħu. Aktar minn hekk, meta l-bidwi kien joqtol il-liebri u l-fniek kien ikun qiegħed jeħles minn dawk l-annimali li kienu jiklulu l-ħxejjex li hu jkabbar fl-għelieqi (ara: C. Cassar 1994, u C. Testa, 1989).

Fid-’Djalogi’ li kiteb Gio. Pietro Francesco Agius De Soldanis, (1750 ċ.), l-awtur jitfa’ f’ħalq iż-żewġ persunaġġi fittizji l-ħsibijietu dwar il-kaċċa tal-fniek. Naraw x’jingħad f’din diskursata finta li saret bejn kaċċatur (K) u raħħal (R):

(Kitba traskritta minn R. Carabott, 2012).

[ …]

R. … Għal fejn b’dawn il-klieb u b’dawn in-nies? [ jista’ jkun li flok ‘nies’ il-kelma riedet tkun inmsa – plural ta’ nemes – ħajr lil Ġużi Gatt tal-informzzjoni]

K. … Sejjer għall-fenek, u għandi in-nemes biex innemisshom [ …]

R … Ġejt f’waqt tajjeb. Issa smajt li għadda wieħed bħalek, kaċċatur, li ħa fuq il-ħamsin [? fniek] … iġbed għall-Mellieħa u għat-Torri l-Aħmar u ssib [ … ]  

K. … Il-gżira tagħna, jekk tagħmel tajjeb il-kont, bejn waħda u oħra jinqatlu elf fenek kuljum. Ma tmurx għal-liebri u għall-ħaġel? Dak ikel!

R. … Li kienu jinqabdu dawna kienu jinħlew minn din l-art. [ …]

In-nemes (pl. inmsa) (Ing. ferret)

Il-Maltin jinżammu milli jikkaċċaw u jonsbu

Appena l-Ordni tefa’ saqajh f’Malta, waħda mill-ewwel liġijiet li ġew ippubblikati kienet dik li tipprojbixxi l-kaċċa tal-fniek u l-liebri f’ċerti postijiet u f’diversi żminijiet tas-sena. Kien hemm pieni ħorox għal min jinqabad jikser dawn ir-regoli. Dawn il-liġijiet kienu ripetutament ikunu ppubblikati minn żmien għall-ieħor kważi minn kull gran mastru, fosthom La Valette. Jidher li dan u oħrajn ħolqu dawn il-liġijiet biex egoistikament ikollhom aktar x’jikkaċċjaw. Tant hu hekk li La Valette kien bena dwejra fil-Buskett apposta għall-kaċċa (C. Cassar, 1994). Aktar tard, fl-1586, fi żmien il-Gran Mastru Verdala, kien imbena il-palazz li jġib ismu bħala post fejn dan u gran mastri li ġew warajh setgħu jgawdu l-ħin liberu tagħhom waqt il-kaċċa.

Faġan raġel (male pheasant)

Il-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca (1741 – 1773) kien ipprojbixxa l-kaċċa bejn il-Milied u l-festa ta’ Marija Maddalena, jiġifieri sat-22 ta’ Lulju. Min kien jinqabad jikkaċċa jew jonsob, kemm jekk bil-klieb, bl-isqra jew bix-xbiek kien jista’ jintbagħat sa tliet snin fuq l-imqadef tax-xwieni tal-Ordni. Il-gżira ta’ Kemmuna kienet partikolarment l-aktar post ipprojbit għall-kaċċa u l-insib għax hawn kien sar riserva tal-kaċċa għall-kavallieri. L-istess il-Buskett; dan kien proprjetà privata tal-gran mastru. Darba, b’tustaġni, xi inkwiżitur minnhom kien ta l-permess lil żewġ uffiċjali tiegħu jmorru jikkaċċjaw għall-faġġani hemm, u ma xbinx kemm kien inqala’ inkwiet. (C. Testa, 1989).

Faġan mara (female pheasant)

Apparti dan, minn żmien għal żmien, kienu joħorġu ordnijiet biex jipprevedu anki l-abbużi waqt il-kaċċa. Fil-25 ta’ Marzu tal-1725, il-Gran Mastru Manoel de Vilhena kien ħareġ bandu li kien jipprojbixxi speċifikament li dawk li jmorru għall-kaċċa il-Marsa, jwaqqgħu jew jagħmlu ħsara lill-ħitan tas-sejjieħ. (C. Testa, 1989). 

Mappa ta’ Anoine Lafreri (1512 – 1577) li turi l-Kemmuna u l-fniek fuqha.

Il-kaċċa u l-insib f’Għawdex

Fil-ktieb tiegħu Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano, Isola Mediterranea,  Agius De Soldanis (1712 – 1770) isemmi li l-Gran Mastru Alof Wignacourt (1601 – 1622) kien speċifika l-postijiet fejn il-kaċċa u l-insib f’Għawdex kienu pprojbiti. Dawn il-postijiet kienu, ‘Wied tax-Xatt’, l-art ta’ bejn n-Nadur sat-Torri ta’ Marsalforn, kif ukoll Xagħret l-Għażżenin (jiġifieri x-Xagħra), is-Sruġ u bejn Ħamet u n-Nuffara. Il-Wied tal-Lunzjata u l-’Funtana l-Kbira’ (Kerċem?) kienu wkoll inklużi. Dawk li jinqabdu setgħu jeħlu daqs tliet snin qdief fuq ix-xwieni. Dawk li kienu stabene kienu jeħlu 40 uqija tal-fidda u dawk taħt l-età, setgħu jiġu eżiljati mill-gżejjer Maltin għal ċertu żmien (A. Bonnici, 1999).

Gio. Francesco Agius de Soldanis

Biss, l-istess awtur jgħid li fi żmienu (1712 – 1770) dawn il-liġijiet ma kinux għadhom infurzati għaliex minn dak iż-żmien ’l hawn l-għasafar tal-passa, bħal gamiem u l-faġani kienu għebu minn Għawdex u ma kien baqa’ xejn x’tikkaċċja ħlief xi ftit liebri. Kien għalhekk li fl-1738, il-Gvernatur ta’ Għawdex, il-kavallier De Marbeuf u warajh fl-1742, il-kavallier De Remeking, bdew huma stess ikabbru t-tjur u annimali oħra biex jikkaċċawhom (A. Bonnici, 1999).

Minkejja dan, fl-istess kitba De Soldanis isemmi diversi tipi ta’ għasafar li kienu jpassu fuq il-gżejjer Maltin. Dawn kienu jinkludu l-alwett, qerd in-naħal, il-bekkaċċi, l-għasafar sofor, imlievez, ajkli u isqra. L-awtur iżid jgħid li l-kaċċaturi kienu ordnati biex kull seqer li jaqbdu jgħadduh lill-falkunier tal-Ordni ta’ San Ġwann biex dan imbagħad jgħaddihom lill-gran mastru ħalli jkun jista’ jagħtihom rigal lir-rejjiet tal-Portugal, ta’ Franza u ta’ Spanja. Il-bies kien jingħata wkoll lill-viċi-re ta’ Spanja fi Sqallija, kull sena fl-1 ta’ Novembru, bħala patt u turija li l-gżejjer Maltin kien jaqgħu taħt id-dominju tal-Imperu Spanjol. Intant, il-falkunier li kien jagħmel parti mis-servitù tal-palazz kien responsabbli li jieħu ħsieb ir-riżervi maġisterjali tal-kaċċa u kien jieħu ħsieb iforni l-kċina tal-palazz bit-tjur għall-mejda tal-ikel tal-gran mastru. (C. Testa, 1979).

De Soldanis iżid jgħid li l-Gran Mastru Perellos (1697 – 1720) darba minnhom kien salpa madwar Għawdex, ma’ xi kavallieri tal-Ordni biex jikkaċċja l-’ħamiem selvaġġ’.

Louis de Boisgelin li kien f’Malta lejn l-aħħar tas-seklu tmintax, jirrimarka li fost l-għasafar li l-Maltin kienu jikkaċċjaw kien hemm il-bekkafik, il-pluvieri u s-summien, ‘kollha għat-tjubija ta’ laħamhom’. Boisgelin jirrimarka li s-summien kont tarah dejjem għal ħabta tal-ekwinossi ta’ Settembru (għalkemm nafu minn kittieba oħrajn li dan kont tarah f’diversi żminijiet tas-sena). Hu jgħid li l-Maltin kienu jagħrfu l-isqra, anki jekk dawn ikunu qed itiru fl-għoli u ‘l bogħod. Jgħid ukoll li l-Maltin kienu jimitaw tajjeb it-tisfir tal-għasafar u kienu kapaċi jaqbduhom f’kemm ili ngħidlek. Jgħid ukoll li l-mira tal-kaċċaturi Maltin kienet xi ħaġa tal-għaġeb. (L. Boisgelin, 1805).

Is-seklu dsatax  

Diversi barranin li kienu żaru jew għexu f’Malta fis-seklu dsatax jipprovdulna ħafna informazzjoni dwar il-kaċċa u l-insib kif ukoll dwar l-għasafar li wieħed kien josserva matul iż-żmien li damu f’Malta. Fl-ewwel deċennji tas-seklu dsatax insibu xi kummenti ħfief dwar dan is-suġġett miktuba minn diversi kittieba. Nibda biex insemmi x’qal William Domeier, tabib li kien Malta fl-ewwel deċennju tas-seklu dsatax. Fil-ktieb li hu kien ippubblika fl-1810, jgħid li f’Malta kont tara kwantità ta’ bekkaċċ (Ing. snipe), buful u bekkafiki (warblers), summien (common quail) u borok (wild duck).

Tabib ieħor, John Hennen, li kien Malta bejn l-1821 u 1823 biex jistudja l-istat ġenerali tas-saħħa tal-Maltin u tas-suldati Ingliżi stazzjonati f’Malta, ukoll jagħtina xi ħjiel dwar il-kaċċa fil-gżejjer Malti. Hu jgħid li l-aktar tliet għasafar li kienu kkaċċjati kienu s-summien, il-perniċi (partridges) u l-pluvieri (plovers). Lill-kaċċaturi hu jirreferi għalihom bħala ‘sportsmen’ bħallikieku dawn kienu jisparaw għall-gost, għalkemm nafu li fl-antik, kull ma kienu jaqbdu kien dejjem tajjeb għall-borma. Żgur li l-kaċċaturi ma kinux iħobbu jisparaw u jaħlu ċ-ċomb għal xejn. Hennen iżid jgħid li l-kaċċaturi kienu, ‘extremely expert in availing themselves of their [birds] arrival’.  

Għasafar, il-kaċċa u l-insib skont William Tallack

William Tallack, skular Ingliż, li fost affarijiet oħra kien studjuż intiż sew f’dak kollu li għandu x’jaqsam man-natura, żar Malta lejn nofs is-seklu dsatax. Fiż-żmien li kien dam Malta hu ta ħafna attenzjoni lill-għasafar li kienu jgħixu jew ipassu hawn. Mill-kitba tiegħu li hu ppubblika fl-1861, nafu li fi żmienu f’Malta kienu magħrufa b’kollox 232 speċi ta’ għasafar – illum il-lista li qatt kienu rreġistra qabżet l-400 speċi, (sors: Victor Falzon, Birdlife Malta). Apparti dak li tgħallem mill-osservazzjonijiet tiegħu, Tallack ġabar ħafna informazzjoni mingħand studjużi lokali fil-qasam tal-istorja naturali ta’ Malta, bħal Gavino Gulia, Antonio Sciberras, Samuel Stafford Allen, Charles Wright u William C.P. Medlycott.

Summiena (Ing. quail)

Għasafar l-aktar komuni f’Malta

Tallack isemmi bosta għasafar li skont kif qalulu kienu partikulari għal Malta. Fost dawn isemmi l-kanġu ta’ Filfla (Ing. European storm-petrel) u l-isturnell (common starling) li wkoll isejjaħlu għasfur komuni Malti. Iċ-ċawl (western jackdaw) kont tara kwantitajiet minnhom, l-aktar fuq is-swar u l-fossijiet ta’ madwarhom. Ma’ dawn kont tista’ tara ħafna għasafar tal-bejt li hu jsejjaħ bl-isem xjentifiku Passer italicus. Kien hemm ukoll il-kaċċamendula (woodchat shrike).

L-arpa (osprey)

Tallack jgħid li kemm dam Malta ra tużżani ta’ arpa (osprey). Ir-russett tas-siġra (little bittern) kont ta’ spiss tarah qalb is-silla. Jgħid li lejn tas-Sliema l-għelieqi kienu mimlija silla! Ma’ dawn isemmi wkoll is-sarsell (common teal) u l-buqrajq (European nightjar), is-silfjun (northern pintail), il-ħaġla ta’ barbarija (barbary partridge) u s-summien. Dan tal-aħħar, apparti li kont tarah ipassi fir-rebbiegħa kien ikun hemm minnhom li jibqgħu Malta biex jagħmlu l-bejta tagħhom. Kienu jpassu wkoll 16-il tip ta’ għasfur tal-għana (finches). Dan apparti l-bufula passajra (subalpine warbler), il-pluviera (golden plover), it-tellerita (Norfolk plover), magħrufa llum bħala Eurasian thick-knee) u l-gallozz tax-xitwa (western water rail).  Tallack jgħid li f’Malta kont kapaċi tara erba’ tipi ta’ kokk, bil-kokka (Eurasian scops-owl) l-aktar komuni fosthom. Din kont taraha l-aktar fis-siġar tal-ħarrub. Komuni wkoll kien l-agrett isfar (squacco heron). Tallack iżid jgħid li fir-rebbiegħa hawn kont tara ta’ sikwit ħafna bekkaċċ (common snipe). Il-qerd in-naħal (European bee-eater) kien komuni wkoll. L-istess awtur jirrakkonta li kien iltaqa’ ma’ kaċċatur li qallu li darba minnhom kien kapaċi joqtol 35 minnhom b’tir wieħed! Nafu li l-qerd in-naħal itir fi gzuz u għalhekk għalkemm dan jidher numru esaġerat għandu mnejn kien minnu.

Postijiet fejn kont tista’ tosserva bosta għasafar 

William Tallack isemmi tliet postijiet fejn hu mar josserva l-għasafar. Dawn il-postijiet kienu, il-Gżira Manoel, iċ-Ċimiterju tal-Militar fil-Furjana (proprjament tal-Pietà), u l-inħawi baxxi u qrib il-port fil-Marsa. Stramba daqsxejn li ma semma xejn dwar postijiet oħra, bħal ngħidu aħna, bosta widien li fihom hemm veġetazzjoni folta jew postijiet qrib il-baħar fejn hemm art bassasa u li allura setgħu kienu jservu bħala ambjent naturali għall-għasafar.  

Tallack jibda biex jgħid li l-Gżira Manoel f’Marsamxett kienet ‘a great haunt for birds’ għax kien hemm veġetazzjoni folta. Fost l-għasafar li osserva hemm, Tallack isemmi kemm-il bekkafik sewdieni (western orphean warbler) kif ukoll il-bufula passajra (subalpine warbler). Isemmi l-agrett abjad (little egret), il-pispisella (common sandpiper) u l-pluviera (golden plover). Dawn apparti wkoll kwantità kbira ta’ għasafar tal-għana (finches). Jgħid li darba minnhom, fuq il-Gżira Manoel inzerta ‘surġent’ armat bi xkubetta li kien għadu kemm spara għal ‘white hawk’ u qatilha. La qiegħed jgħid surġent, għandi nassumi li dan kien stazzjonat fuq il-Gżira Manoel ma’ suldati oħra taħt it-tined. (Ara r-ritratt hawn taħt). Tgħid dan il-kaċċatur kien qiegħed jirriferi għal xi bagħdan abjad (pallid harrier)? Din it-tajra kellha ġwienaħ li jinfetħu sa żewġ piedi fil-wisa’. Hu qal li dan il-kaċċatur kien ilu jħuf xi jumejn biex jagħtiha t-tir. Dan ftaħar ukoll li daqs ġimagħtejn qabel, fl-istess post kien spara u qatel żewġ agretti sofor u agrett abjad.

Veduta tal-Gżira Manoel min-naħa ta’ Tas-Sliema, dak iż-żmien kollha raba’ – pittura ta’ Giovanni Gianni (1866 – 1937), magħmula ħafna aktar wara li William Tallack kien Malta. Jidħru fuq il-Gżira Manoel it-tined tas-suldati Ingliżi.

Dwar iċ-ċimiteru militari, dak li hemm ’l isfel minn Ta’ Braxia, Tallack osserva l-aktar il-bekkafik sewdieni, il-bufula passajra u l-apparell (European serin). Hu jgħid li l-apparelli kienu komunament jinqabdu mit-tfal bl-insib tax-xbik.

Dwar il-Marsa, wieħed għandu jifhem li fiż-żmien li qed insemmu, l-ambjent tal-Marsa ta’ qrib il-port, kien pjuttost magħmul minn art bassasa. Tallack jgħid li hawn kont issib kemm kaċċaturi kif ukoll ornitoloġisti. Dawn tal-aħħar ukoll kienu jisparaw lejn l-għasafar, bi skop li jeżaminaw dawk li jaqbdu ħalli jiġbru aktar informazzjoni ddettaljata dwarhom. Fost l-għasafar l-aktar komuni li wieħed kien isib hemm, isemmi l-perniċjott (collared pranticole) kif ukoll il-gallozz tax-xitwa (western water rail) il-gallozz tat-tikek (spotted crake) u l-gallozz iswed (common moorhen).

 

Għasafar għall-bejgħ  

Tallack jgħid li fis-suq tal-Belt kien ra ħafna gamiem fil-qofof (isejħilhom ‘wicker baskets’) għax dawn l-għasafar kienu jinxtraw biex bihom jagħmlu t-torot tal-bċieċen. Il-buqrajq (European nightjar) li kont issibu bil-kbir fir-rebbiegħa, wkoll kien ikkaċċjat biex jittiekel. Il-gallina (Eurasian woodcock) l-istess; kont tara ħafna minnha għall-bejgħ fix-xitwa. Tallack isemmi wkoll il-kokka (Eurasian scops-owl) li kienet tinbiegħ ta’ spiss għal żewġ soldi, għalfejn ma jgħidx. Jiġifieri hawn qed naraw li l-kaċċa u l-insib kien ukoll iservi ta’ introjtu għal min ried jagħmel il-flus minnhom. Nimmaġina jien li kien hawn ukoll min jaqla’ x’jiekol bis-saħħa tal-ibbalzamar biex l-għasafar isiru trofej. 

Sa issa għadni ma skoprjetx jekk fis-seklu dsatax qatt kienx hemm xi restrizzjonijiet mill-Ingliżi dwar il-kaċċa jew l-insib. Naf biss li sibt li ftit snin wara li għalaq dan is-seklu, fl-1916 insibu li l-Kunsill Amministrattiv tal-Gvern, immexxi mill-Gvernatur ta’ Malta, kienet saret diskussjoni dwar jekk għandux ikun hemm moratorium fuq il-kaċċa u l-insib tal-bliebel għax dan kien jinqabad bil-kbir, kemm għall-għana kif ukoll għat-torot. (N. Fenech, 2021).  

© Martin Morana

17 ta’ Lulju  2024

http://www.kliemustorja.com

Ħajr kbir lil Victor Falzon (Birdlife Malta) għall-paċenzja u l-għerf tiegħu meta ppreċiżali n-nomenklaturi tal-għasafar u għaddili informazzjoni utili oħra.

Bibliografija

Boisgelin Louis, Ancient and Modern Malta. Richard Philips. 1805.

Bonnici Alexander, Gozo – Ancient and Modern – Religious and Profane – De Soldanis 1720 =1770. Media Centre Publications. 1999.

Dalli Charles, Siculo Ingenio, Africo Confuso, Malta in the Late Middle Ages’, Roots of a Nation. Ed. Kenneth Gambin. Heritage Malta. 2004.

Carabott Rosabelle, ‘De Soldanis Dialogues’, De Soldanis – An eighteenth century intellectual. Ed. Godwin Vella & Olvin Vella. Heritage Malta & Ministry for Gozo. 2012.

Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta. Mireva Publications. 2000.

Cassar Carmel, Hunting and Game in Malta in the 16th to the 18th century – A Historical Anthropolical Approach’. Journal of Mediterrenean  Studies, 2018. Vol. 27, No. 1.

Cassar Carmel, Fenkata: An Emblem of Maltese Peasant Resistance? Ministry for Youth and the Arts. 1994.

Chetcuti Emmanuel, ‘From Sustenance to Sports’ , The Times of Malta. April, 17, 2021.

Fenech Natalino, ‘ Ismijiet tal-għana tal-Għasafar’, L-Imnara, 2021, Vol 12. nru 1. Ħarġa 44. BDL. 2021.

Fiorini Stanley, ‘The Maltese Flacon’ 1239 – 1500’, Treasures of Malta, Easter 2001, Vol. 7, no.3. Fondazzjoni Patrimonju Malti.

Fiorini Stanley, ‘Malta in 1530’, Hospitaller Malta 1530 – 1798, ed. Victor Mallia Milanes. Mireva Publications. 1993.

Manduca J.S. & Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group. 1989.

Mercieca Simon, ‘History of Falconry in Malta with a Difference’, Malta Independent, March 27, 2017.

Sultana Joe & Gauci Charles, L-Agħasafar. Soċjetà Ornitoloġika. 1979.

Tallack William, Malta – Phenicians, Knights and English. Houlston & Wright, London. 1861.

Testa Carmel, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books. 1989.

Wettinger Godfrey, ‘The Militia List of 1419-20’, Melita Historica, Vol. 5 No. 2. 1969.

Manuscript 429. ‘Bando Per li Caciatori’, Die 6 men Martis 1725. Malta National Library.

Għal aktar informazzjoni dwar kitba u pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur ikklikkja hawn:

Leave a comment