IL-MUXRABIJA jew il-MUXRAFIJA?
Il-muxrabija tad-dinja Għarbija
Illum, fid-dinja tal-Punent, bit-terminu ‘muxrabija’ nkunu qed nirriferu għal dik il-gallarija miksija kollha kemm hi bil-kannizzata/i tal-injam li naraw fid-dinja Għarbija. Proprjament, din għandha isem ieħor bl-Għarbi, ‘xurfa/tun’. Nimmaġina li tissejjah hekk għax minnha dak li jkun fiha jista’ jixref ’il barra għal fuq it-triq. Biex inkompli nżid, it-terminu muxrabija suppost hu dak l-imkien fid-dar fejn tinżam xi bieqja biex tixrob minnha (mill-Għarbi xurib/un). Dan jista’ jfisser li l-muxrabija (il-kontenitur tax-xorb) kien qrib ix-xurfa (il-gallarija) biex il-kontenitur tal-ilma iżomm frisk biż-żiffa li tgħaddi. Nistħajjel li biż-żmien iż-żewġ termini tħalltu ma’ xulxin kif jiġri f’bosta drabi. Fi żmienna, jien ġieli rajt min juża jqiegħed oġġetto tax-xorb f’xi tieqa jew apertura fil-ħajt ta’ barra biex dan iżomm frisk, almenu fix-xitwa! Naturalment kien isir sakemm bdew deħlin il-fridges fid-djar.
Intant, il-kannizzata, u allura l-muxrabija tal-Għarab, biex inżommu mat-terminu popolari, hi intenzjonata biex tipproteġi l-kamra ta’ warajha fl-istess binja mir-raġġi qawwija tax-xemx u għalhekk toffri sfog għax minnha tgħaddi l-arja. Fil-pajjiżi Għarab, il-muxrabija tradizzjonali tinsab normalment fl-ewwel sular tal-binja, u b’hekk toffri wkoll lir-residenti veduta kompluta għal barra. Skont it-tradizzjoni popolari, din l-istruttura tal-injam oriġinat matul iż-żminijiet medjevali biex ukoll tostor lin-nisa tad-dar mill-għajn tal-pubbliku.

Il-muxrabija Maltija
Biss, ejja niġu għall-muxrabija kif nafuha aħna l-Maltin. L-ebda fdalijiet arkitettoniċi antiki jew dokumentazzjoni miktuba, ma jeżistu li juru li l-muxrabija Maltija kienet xi darba ta’ ċertu kobor ugwali mal-muxrabija tal-Għarab u għalhekk ma narax xi konnessjoni mal-gallariji tal-Għarab. Jidher li l-gallariji Maltin kif nafuhom aħna, bdew jinbnew fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann u possibilment l-ewwel waħda li serviet ta’ prototip kienet dik li hemm iddur mal-palazz tal-Granmastru, il-Belt Valletta li tmur lura sas-seklu tmintax. Jekk infittxu fi Sqallija, minn fejn ġew l-Għarab li ħakmu l-Malta aktar minn elf sena ilu, ma nsibu l-ebda paragun fl-arkitettura ta’ dak il-perijodu li tixbah b’xi mod il-muxrabija Maltija. Għalhekk hu wisq probabbli li l-muxrabiji Maltin huma ta’ oriġini lokali.

Hi ħaġa stramba li t-terminu muxrabija ma jidhirx fid-dizzjunarji antiki; la fid-Damma ta’ Agius de Soldanis (ċ. 1769), u lanqas fil-Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli (1796). Lanqas mhi inkluża fid-Dizzjunarju Malti-Ingliż ta’ Vincenzo Busuttil (1900). Dan jagħtina x’nifhmu li t-terminu ‘muxrabija’ daħal fil-Malti fi żminijiet aktar reċenti.
Fil-kitba tiegħu dwar il-muxrabija lokali, Carol Jaccarini (2003) jissuġġerixi termini alternattivi li bihom din il-kaxxa li tipproteġi l-apertura żgħira fil-ħajt tal-binja għandha tisejjaħ. Hu jgħidilha rewwieħa (kelma antika għal ventilatur); xerriefa (minn fejn tixref); nemmiesa (minn fejn tnemmes); kixxifija (minn fejn titkixxef ?) u glusija. Il-glusija hi waħda minn żewġ falki li jipproteġu il-luzzu mill-mewġ biex dan ma jaqbiżx min-naħa tal-pruwa għal ġod-dgħajsa. Mela hawn, Jaccarini qiegħed jagħti tifsirijiet tal-funzjoni prattika u reali ta’ dak l-iskrin li jgħatti l-apertura fil-ħajt li aħna drajna nsejħu ‘muxrabija’. (Ara: Id-dizzjunarju Malti-Ingliż ta’ J. Aquilina, (1987), u Termini Nawtiċi ta’ J. Caruana (2019).
Il-karatteristiċi tal-muxrabija

Fl-istħarriġ iddettaljat tiegħu, ir-riċerkatur u storiku Joe Azzopardi (2012) jiddikjara li fil-preżent, fil-gżejjer Maltin, hawn 15-il muxrabija tal-ġebel u 35 oħra li huma magħmula fl-injam. Apparti dawn kien hawn 21 muxrabija oħra li huma ddokumentati, biss, li llum ma għadhomx jeżistu. Il-biċċa l-kbira tal-muxrabiji ssibhom l-aktar fuq il-faċċata ta’ binjiet li jservu ta’ residenzi privati. Jintgħarfu prinċipalment mill-iskrins rettangolari b’toqob jew xquq li huma magħmula biex minnhom tgħaddi l-arja. Dawk tal-ġebel ukoll huma mtaqqbin u sporġuti ’il barra mill-binja biss ivarjaw aktar fil-forma tagħhom. Ħlief għal ftit eċċezzjonijiet, il-muxrabiji ma fihom l-ebda xogħol ornamentali raffinat. L-iskrin li jgħatti l-ventilatur ħafna drabi jkun imtaqqab ukoll mill-qiegħ. Il-ħofor fil-qiegħ jagħtuna x’nifhmu li kienu magħmula apposta biex jekk xi ilma tax-xita jidħol mit-toqob tal-faċċata dan ikun jista’ faċilment jiskula mit-toqob tal-qiegħ. Huma dawn it-toqob li jispiraw l-immaġinazzjoni ta’ ħafna li jsostnu li l-muxrabiji kienu maħsuba biex iservu bħala lok minn fejn wieħed seta’ jispija fuq dak li jkun għaddej fit-triq. Skont l-istess diċerija, dan wieħed seta’ jagħmlu mingħajr ma jesponi ruħu għal għajnejn in-nies. Biss nemmen bil-qawwa li dan mhux il-każ.
Il-muxrabiji jvarjaw fil-forma u d-daqs tagħhom. Hemm muxrabiji mmuntati vertikalment u ippożizzjonati orizzontalment. Il-kaxxi vertikali għandhom għoli medju ta’ madwar 50 – 60 ċentimetru u huma bejn 30 jew 40 ċentimetru wiesgħa. Dawk imqiegħda orrizzontalment iżommu bejn wieħed u ieħor, l-istess daqs. Il-biċċa l-kbira tal-muxrabiji joħorġu ’l barra mill-ħajt, minn sa ftit ċentimetri – u ġieli jwasslu anki sa madwar 30 ċentimetru.
Il-muxrabiji tal-ġebel
L-eqdem muxrabiji huma dawn tal-ġebel. Ir-raġuni għaliex il-muxrabiji kienu magħmula mill-ġebel hi ovvja għall-aħħar. Il-ġebla tal-franka hi materja prima ta’ abbundanza fil-gżejjer Maltin u li tiswa ftit flus. Fl-istess ħin din tiflaħ l-elementi tax-xita u x-xemx ħafna aħjar mill-injam. L-istruttura setgħet tiġi mfielsa fil-ħajt tal-binja mingħajr il-biża’ li ssirilha l-ħsara u mingħajr bżonn ta’ manutenzjoni. Ħafna mill-muxrabiji tal-ġebel huma magħmula minn ftit ċangaturi differenti marbuta flimkien, biss xi kultant hemm dawk imħaffra u minquxa minn ħaġra waħda. Xi wħud mill-muxrabiji għandhom il-faċċata mżaqqa fil-forma tagħhom għax jinfetħu ’l barra minn fuq għal isfel.

It-toqob jew ħofor fil-muxrabija ikunu mqassma mall-faċċata u l-ġnub tal-kaxxa, ġieli fit-tond u ġieli bħal xquq rettangolari. Mill-muxrabiji tal-ġebel li nafu bihom, waħda biss għandha skrin magħmul minn serje ta’ luvrijiet iħarsu ’l isfel. Din il-muxrabija ornamentali tinsab fuq faċċata ta’ dar fi Triq il-Muxrabija fl-Għasri, Għawdex.

Il-muxrabiji tal-injam
Jidher ċar li l-muxrabiji tal-injam bdew jinħadmu wara. Matul iż-żmien li l-Ordni ta’ San Ġwann kien Malta kif ukoll matul is-snin bikrin tal-perjodu Ingliż l-injam beda jintuża aktar minħabba li fi żmienhom kienu qed jissewwew f’Malta bastimenti mibnija b’dan il-materjal. Għalhekk, għall-artiġjani Maltin, issa kien hemm disponibbli injam b’saħħtu, bħal ngħidu aħna l-fraxxnu li jiflaħ għall-ilma. Il-muxrabiji tal-injam bdew ikunu maħduma bħal kanizzati, magħluqa minn kull naħa. L-iskop baqa’ l-istess, dak li jipproteġi l-apertura fil-ħajt mix-xemx u mix-xita.

Il-muxrabija matul is-sekli
Fis-sekli medjovali, il-binjiet, speċjalment dawk privati, qajla kellhom twieqi li jagħtu għal fuq it-triq. Kull tieqa kienet meqjusa punt li jdajjef il-kwalitajiet protettivi tal-ħajt ta’ barra. Meta wieħed iżur l-irħula antiki, spiss jinnota li t-twieqi qodma tal-binjiet residenzjali huma ftit u żgħar. Dawn ma tantx jistgħu jagħtu dawl għall-ġewwa. In-nuqqas ta’ dawl mit-twieqi fuq barra kien ikkumpensat minn ġewwa, peress li l-kmamar tad-djar antiki, ħafna drabi, jagħtu għal fuq il-bitħa. Kien hawn li t-twieqi tal-kmamar setgħu jkunu ikbar. Fejn imbagħad id-dawl tax-xemx u l-arja friska ma jaslux, kien ikun hemm bżonn li ssir twejqa żgħira fil-ħajt fuq in-naħa tat-triq.
Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għaliex il-muxrabija ġiet inkluża fil-binjiet Maltin. Robert Galea, fl-artiklu tiegħu, ‘The mashrabiya window’ (2009), jiġbor fil-qosor l-utilità tal-muxrabija: ‘[…] Is-sigurtà, il-privatezza u l-fatturi klimatiċi, ikkontribixxew biex tinħoloq il-muxrabija […]’.

Ventilaturi fil-faċċata ta‘ Palazzo Falson
Eżempji ta’ ventilaturi, biss mhux muxrabiji li jagħtu għal barra narawhom f’diversi twieqi jew aperturi żgħar fil-binjiet. Nieħdu pereżempju l-każ tal-aperturi li hemm fil-pjan terren li hemm mal-faċċata tal-Palazzo Falzon fi Triq Vilgaignon, l-Imdina. Fi triq daqshekk passaġġjuża, fil-belt ewlenija ta’ Malta ta’ żmien il-medjuevu, x’aktarx dejjem iffullata bin-nies li kienu jidħlu jagħmlu l-qadjiet tagħhom, żgur li r-residenti ġewwa l-Palazz Falzon ma kinux iħossuhom komdi li jiftħu twieqi kbar fil-pjan terren li seta’ jagħmilhom vulnerabbli.
Għalhekk, għax veru kien hemm bżonn, is-sid flok fetaħ twieqi, ħaffer speċi ta’ ventilaturi żgħar u sempliċi li jniffdu l-ħajt minn ġewwa għal barra biex jagħtu ftit dawl u biex tgħaddi l-arja. Minkejja li llum dawn ma għandhomx dik il-kannizzata biex jipproteġu l-apertura dan ma jeskludix il-possibilità li dawn kellhom xi forma ta’ muxrabija. Jekk iva, dawn żgur ma kinux jikkuntrastaw tajjeb mat-twieqi ornamentati u tant eleganti li hemm fis-sular ta’ fuq tal-istess binja li nbnew fil-bidu tas-seklu 16.

Gwardakarne jew muxrabija?
Uħud mill-muxrabiji li għadhom jeżistu llum jisfidaw dawk sterjotipi, billi ma fihomx skrin tal-injam. Minflok għandhom biss xibka tal-wajer jew inkella ħġieġa (ara: Joe Azzopardi, 2012). F’dan il-każ, l-iskop tal-muxrabija żgur li ma kienx dak li minnha tissorvelja dak li kien qiegħed jiġri barra fit-triq. Muxrabiji bħal dawn huma sempliċiment aperturi mdellin li jservu ta’ ‘gwardakarne’. Kif jindika l-isem, dawn setgħu servew biex jitqiegħed ċertu ikel bħaz-zalzett jew il-bakkaljaw biex jinxfu u jkunu ippreżervati.

Hemm bżonn aktar investigazzjoni
Sabiex jiġi definit sew l-iskop veru tal-muxrabija mhux biżżejjed li wieħed jistudja dawn l-elementi arkitettoniċi b’mod superfiċjali minn barra. Huwa neċessarju li kull waħda mill-muxraibji tkun spezzjonata minn ġewwa il-binja. Minn ġewwa wieħed jista’ jqis il-ħxuna tal-ħajt u l-aċċess għal fejn hemm l-apertura. Joe Azzopardi li investiga l-muxrabiji minn ġewwa jgħid li xi wħud jinsabu f’imkien matul it-taraġ li jagħti mill-pjan terren għall-ewwel sular. Jekk il-ħajt hu dobblu, mela aktar il-muxrabija ma setgħet qatt isservi bħala post ta’ nemmiesa (spyhole).
——–
Post scriptum
Illum naraw eluf ta’ ventilaturi żgħar li jinsabu fil-ħajt ta’ barra fil-pjan terren tad-djar. Dawn huma ippożizzjonati fl-ogħla tarf u fil-kantunieri tal-kmamar. Fihom infushom dawn ukoll jistgħu jagħtu ħjiel biex wieħed jifhem l-iskop tal-muxrabija ta’ dari.

———
Lista ta’ muxrabiji li jinsabu fil-gżejjer Maltin
Balzan (muxrabija tal-ġebel).
Birkirkara, Triq Santu Rokku. (ġebel)
Għarb, x2: Triq il-Knisja. (ġebel) – Triq Papa Klement XIV (injam).
Għasri, Għawdex, x 2: Triq il-Muxrabija. (injam) – Ta’ Għammar, Trejqet San Pupulju. (ġebel)
Lija, Sqaq 1, Triq Mabel Strickland. (ġebel)
Marsascala, Triq iż-Żonqor. x 2, fuq l-istel binja, (ġebel) – Marsascala, ħdejn in-niċċa ta’ San Tumas.
Mdina, x 4 (injam).
Naxxar, Triq Santa Luċija. (ġebel).
Qrendi, Triq il-Kbira. (injam)
Rabat, Gozo, Triq il-Madonna tal-Karmnu. (ġebel)
Rabat, Malta, Triq Doni.
Siġġiewi, x 7: Misraħ il-Vittmi tal-Gwerra (ġebel) – Triq id-Dejqa. (injam) – Sqaq il-Qajjied (injam) – Triq l-Imdina. (ġebel) – Triq il-Brija. (injam) – Triq il-Fawwara. (ġebel).
Żabbar, Triq Bormla (ġebel)
Ħaż-Żebbug, x 2: Sqaq 1, Triq Ħali; Ħaż-Żebbuġ, Sqaq 3, Triq is-Siġġiewi.
Żejtun, Triq San Duminku (injam) – Misraħ Santa Marija (injam x 4).
Martin Morana©
21.03.2026
Bibliography
Azzopardi Joe, ‘A Survey of the Maltese Muxrabijiet’, Part one and Part two. Vigilo, April 2012, no 41; Vigilo, October 2012. Din L-Art Ħelwa.
Galea Robert, ‘Il-Muxrabija Window’, Treasures of Malta No 44, Easter Vol XV, nu.2, 2009.
Jaccarini Carol, ‘Il-Muxrabija, Wirt l-Islam fil-Gżejjer Maltin’, Folklor – Ġabra ta’ kitba minn membri ta’ L-Għaqda Maltija tal-Folklor, Ed. Guido Lanfranco. Klabb Kotba Maltin, 2003.
