Lapsi
xi drawwiet reliġjużi u oħrajn profani
Introduzzjoni
Għall-Insara, l-Għid il-Kbir hu l-aktar jum importanti fil-liturġija tal-Knisja għaliex ifakkarna fir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u t-tiġdid spiritwali tal-ħajja. Din iċ-ċelebrazzjoni hi għalhekk waħda ta’ ferħ u ġġedded il-liturġija Nisranija. Abbinati mal-Għid il-Kbir hemm żewġ festi oħra ta’ importanza kbira, għalkemm illum donnhom l-Insara ma għadhomx jagħtuhom dik l-importanza li jistħoqqilhom. Dawn huma Lapsi u Għid il-Ħamsin. Mal-Għid il-Ħamis jew kif inhu magħruf ukoll Pentekoste tingħalaq il-fażi liturġika tal-Għid il-Kbir.
Il-kelma Lapsi oriġinat mill-Grieg Anale(m)psis li bil-Malti tfisser ‘Tlugħ ’il fuq – u r-riċeviment fis-sema ta’ Kristu’. Dan l-avveniment jissemma fl-Atti, 1:1-11, Luqa 24:50-53, u Mark 16:19. Din hi kommemorazzjoni solenni daqs l-Għid il-Kbir għax turi lil Kristu bħala renjanti fis-sema. Lapsi jiġi ċċelebrat 40 jum wara Ħadd il-Għid u għalhekk dejjem jaqa’ l-Ħamis.

Lapsi – pellegrinaġġi u l-baħar
Antikament, bosta kienu dawk li f’jum Lapsi jagħmlu pellegrinaġġ sa ċerti knejjes partikulari. Hekk insibu li minn Naxxar id-devoti kienu jagħmlu pellegrinaġġ lejn il-knisja tal-Lunzjata, is-Salini, u mill-Għargħur kienu jmorru lejn il-Mellieħa (Lanfranco, 2018). L-abitanti ta’ Birkirkara kienu jerħulha lejn il-knisja ta’ Lapsi li hemm f’San Ġiljan (il-parroċċa l-antika) biex jisimgħu l-quddiesa. Wara li jkunu attendew il-quddiesa l-istess pellegrini kienu jinżlu lejn ix-xatt biex jieklu ħdejn il-baħar, fil-bajja illum magħrufa bħala ta’ Spinola, li sa dak iż-żmien kien għad kellha x-xatt mimli ramel. F’Lapsi kien isir ukoll it-tberik tal-baħar u tar-riħ.
Kien hemm anki twemmin superstizzjuż li jgħid li dak inhar ta’ Lapsi, f’nofsillejl il-baħar jitlef il-melħ u jeħla – jiġifieri jsir ħelu. Dan it-twemmin kien ilu jissemma sa minn żmien De Soldanis għax dan ll-kanonku jsemmih fid-dizzjunarju tiegħu Damma tal Kliem Kartaġinis mscerred fel fomm tal Maltin u l Ghaucin (ċ. 1769).
Dwar dan it-twemmin, Temi Zammit (1934) jikkwota din it-taqbila li kienet għadha tingħad fi żmienu:
Eħla, baħar eħla [baħar sir ħelu]
Bħalissa teħla f’lejlet Lapsi,
Jekk iddur id-dinja kollha
Ma ssibx min iħobbok daqsi

Agius de Soldanis, fid-Damma jgħid ukoll illi dakinhar ta’ Lapsi ħafna nies kienu jmorru lejn Għar Lapsi (nassumi li kienu jkunu l-aktar l-abitanti tas-Siġġiewi u tal-irħula qrib), biex hemm iqattgħu il-jum jgħumu (De Soldanis jgħid (per lavarsi) fil-baħar qrib dak l-għar li hu msemmi għal din il-festa. Jgħid ukoll li bosta kienu dawk is-sidien ta’ dgħajjes f’lokalitajiet oħra li kienu joħorġu bil-familja fuq il-baħar lil hinn minn fejn jgħixu. Kienu jsibu xi għerien fejn iwaqqfu d-dgħajjes u jqattgħu il-jum igawdu l-baħar u jieklu dak li jkunu ġabu maghom. Hemm kienu, skont De Soldanis ‘jdeffsu saqajhom fl-ilma baħar biex jiffriskaw.’ Temi Zammit (1934) jkompli jżid ma’ dan, li dawk li kellhom xi dgħajsa li taħdem bil-qala’ kienu joħorġu jduru fil-portijiet biex igawdu l-baħar hekk kif it-temp issa jkun beda jaqleb.
Zammit jgħid ukoll li dakinhar, dawk li jgħixu f’lokalitajiet mhux wisq ’il bogħod mill-baħar, wara li jispiċċaw mill-knisja jinżlu fuq il-blat u hemm jarmaw xi lożor għad-dell biex iqattgħu l-jum mal-familja. Zammit jiddeskrivi xeni fejn in-nisa kienu jarmaw kwiener mill-ġebel li jsibu biex fuqhom iqiegħdu l-borom u t-twaġen biex isajru l-ikel ta’ nofsinhar. L-irġiel b’xi qasba f’idhom biex jaraw jaqbdux xi ħuta jew inkella jitfgħu l-lenza l-barra għal xi ċerna. Kien hemm min ‘iċempel’ (jigifieri jgħaddas idu ’l isfel) għal xi qarnita jew jogħodos għar-rizzi. Oħrajn jitbaxxew għal xi mħara jew xi artikla (T. Zammit, 1934.) Għawdex, f’Marsalforn kien hemm min iħallas sitt ħabbiet lil xi sid ta’ dgħajsa biex dan jeħodhom dawra lil hinn mix-xatt. (G. Lanfranco, 2017).
Taqbila oħra dwar Lapsi kienet din:
U lejlet Lapsi
Tara n-nies jaqdfu d-dgħajjes
It-tfal kollha fuq il-bandli
U ċ-ċirasa għall-għarajjes
Lapsi u l-bandla

Drawwa oħra f’Lapsi kienet dik tat-tfal li jħeġġu lill-missierhom jew xi ħadd kbir jagħmlilhom bandla minn xi tavla mdaqqsa u din idendluha ma’ x’imkien addatat fid-dar, jew ma’ xi zokk oħxon ta’ siġra, biex joqgħodu jitbandlu fuqha. Għaliex kienu jagħmlu hekk proprju f’jum Lapsi mhux ċar, biss, il-Maltin dejjem kienu jabbinaw xi attività mal-festeġġjament ta’ xi qaddis, kemm jekk tiġrijiet tad-dbieb jew xi ġostra. Mhux ħaġa kbira li kienu jimmaġinaw li ċ-ċaqliċ tal-bandla minn isfel ’l fuq mill-art seta’ jirrapreżenta mossa simbolika li tesprimi tlugħ is-sema ta’ Kristu. L-istess bħall-ġiri ta’ Kristu Rxoxt fl-Għid il-Kbir li jesprimi l-ferħ li Kristu reġa’ qiegħed fostna. Forsi hemm xi tifsira oħra flok din. Temi Zammit jgħid hekk fil-kitba tiegħu dwar Lapsi: ‘[…] It-tfal ma jdumux ma jaħsbu fil-bnadal, għax Lapsi bla bandla ħaġa li ma nstemgħet qatt […]’ (1934).
Zammit itenni din it-taqbila dwar il-logħob tal-bandli:
Ommi għamlitli bandla
Għamlithieli fuq il-bejt
Ma kellix min ibandalni
Tala’ Gori għar-rkobbtejh.
Iċ–ċelebrazzjoni ta’ Għid il-Ħamsin
‘[…] Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu […]’ (Atti 2. 1-31)

Din il-festa liturġika, imsejħa wkoll Pentekoste, hi ċċelebrata fid-dinja Nisranija, ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir u għalhekk għaxart ijiem wara Lapsi. Din il-festa tfakkarna fl-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u għalhekk fil-mument meta l-appostli ngħataw l-intellet li jibdew jgħallmu lill-ġnus kollha t-tagħlim ta’ Kristu. Fl-ikonografija li turi dan l-episodju, l-Appostli jidhru kollha miġbura flimkien f’kamra, waqt li fuq rashom jidher ilsien tan-nar. Fin-nofs tal-kamra, tidher ħamiema bajda qed ittir li tirrapreżenta l-Ispirtu s-Santu. Pentekoste jaħbat mal-jum taċ-ċelebrazzjoni Ebraika Hag shavu’ot, festa li għandha x’taqsam mal-ġbir tal-qamħ. Intant, il-kelma Pentekoste bil-Grieg tfisser: Ħamsin Jum. Bl-Ingliż, l-istess jum hu magħruf bħala Whitsunday jew Whit, għaliex jingħad li dawk li kienu jitgħammdu kienu jilbsu lbies abjad. Jum il-Ħamsin iġib fi tmiemu l-perjodu liturġiku marbut mal-Għid il-Kbir.
Martin Morana©
24.04.2026
Biblijografija
Agius Sultana Gianfrangesku, (Rosabelle Carabott Ed.) Damma tal Kliem Kartaġinis mscerred fel fomm tal Maltin u l Ghaucin. L-Akkademja tal-Malti eċċ. 2016.
Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. University Press. 1992.
Cremona A. (ed.) Temi Zammit – Ħrejjef, Stejjer u Kitba Oħra – L-ewwel Ktieb. Progress Press Co. Ltd. 1963.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin. PIN, 2004.
Lanfranco Guido, Minn Fomm il-Poplu. Klabb Kotba Maltin. 2017.
Lanfranco Guido, ‘Lapsi f’San Ġiljan’. Festa San Ġiljan 2018.
