A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
Ara wkoll: dwar il-MUXRABIJA billi tikklikkja: https://kliemustorja.com/m

Jekk hemm karatteristika partikolari tal-binjiet tad-djar Maltin li tagħmilhom differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħra fid-dinja, żgur li din hi l-gallarija. Mhux għax pajjiżi oħra ma għandhomx binjiet bil-gallariji bħal tagħna, magħluqa qishom kaxxa tal-injam u bit-twieqi. Hemm binjiet b’gallarijiet jixhbu lil dawk ta’ Malta kemm fi Spanja, fl-Arabja Saudija u saħansitra fil-Perù. Biss, sa fejn naf jien ma hawn l-ebda pajjiż ieħor fid-dinja fejn jinsabu eluf kbar ta’ gallariji bħal ma hawn f’Malta.
L-oriġini tal-gallariji f’Malta jidher li kien influwenzat minn pajjiżi oħra fil-Mediterran, bħal Spanja, it-Tuneżija, il-Marokk u l-Eġittu, fejn ix-xemx fis-sajf taħkem sew. Dawn bosta drabi huma aktar gallariji miftuħa milli magħluqa u mingħajr twieqi, mhux bħal dawk ta’ Malta.
L-itwal gallariji huma bla dubju ta’ xejn, dawk mibnija mal-palazz tal-Gran Mastru, il-Belt. Dawn x’aktarx inbnew fit-tieni nofs tas-seklu tmintax, fi żmien il-Gran Mastru Pinto wara li l-Palazz ġie estiż fil-kobor li hu llum. Ma din il-binja hemm tliet gallariji, waħda fuq kull faċċata tal-binja, biss mhux fi Triq il-Merkanti. Kien x’aktarx minħabba dan it-tul esaġerat ta’ dawn il-gallariji, li dawn ingħataw dan l-appellativ, u mhux xi kelma bħal, balcone, għax bit-Taljan, galleriav tirreferi għal passaġġ jew kuritur mgħotti. Mela jekk l-isem ‘gallarija’ daħal fil-lingwaġġ Malti hekk kif din l-istruttura tal-injam twaħħlet mal-binja tal-Palazz, jista’ forsi wieħed jassumi li din kienet l-ewwel gallarija li qatt inbniet f’Malta u warajha inbnew gallariji oħra ma’ Malta kollha, ħafna iżgħar li baqgħu jissejħu l-istess.

Nimmaġina li hekk kif inbnew dawn il-gallariji mal-palazz tal-Gran Mastru, xi kavallieri sinjuri residenti f’Malta tħajru u bdew jarmaw il-gallarija huma wkoll mar-residenzi tagħhom. Kienu min kienu, bilfors li dawn kien nies sinjuri biex setgħu iħallsu għall-materja prima, li kellha tiġi minn barra u għax-xogħol tal-artiġjan. Irridu nifhmu li anki biex tixtri l-ħġieġ tat-twieqi tagħhom kellek tħallas kemxa għax dak iż-żmien il-ħġieġ li ridt jiġi impurtat minn barra kien għali.

Jekk kien hemm gallariji oħra eqdem minn dawk tal-Palazz, dawn x’aktarx ma jmorrux lura aktar mit-tieni nofs tas-seklu sbatax. Dan għaliex, minn nofs is-seklu sbatax ‘il quddiem, fil-Belt kienu qed jinbnew palazzi fi stil Barokk li kiber fil-popolarità tiegħu wara li ġie introdott f’Malta minn Francesco Buonamici fl-1640ijiet. Il-faċċati tal-binjiet ta’ dan l-istil huma ddekorati bi kwantità ta’ disinji fil-ġebla, bħal forom ta’ arzell, girlandi, weraq u rombli tal- parċmina (Ing. scrolls), lavur fin, xogħol li kien fdat f’idejn l-iscalpellino. Dan ix-xogħol ried l-ewwel ikun iddisinjat mill-perit u kien jirrikjedi simetrija ta’ ċerta preċiżjoni. Li kieku l-gallariji kienu diġà mwaħħla qabel ma sar dan id-disinn mal-faċċati, kieku d-disinjatur kien iqassam id-disinn b’mod li jikkumplimenta jew jevita l-gallarija/i. Minflokk, kif nisstgħu naraw id-disinn ikompli mal-faċċata kollha u anki xi xogħol fil-ġebla jidher kultant irrovinat bil-ftuħ tal-bieb fejn mill-kamra tad-dar toħroġ fil-gallarija tal-injam.

Biex nagħti eżempju, id-dar majestuża li hemm fi Triq l-Arċisqof, qrib Pjazza San Ġorġ, dik magħrufa bħala l-Hostel de Verdelin, (ara r-ritratt hawn taħt), ġiet mibnija madwar l-1650. Din imżejna b’dekorazzjoni prominenti ta’ stil Barokk. Ix-xogħol tal-lavur iddisinjat bil-girlandi u xogħol ieħor tal-faċċata, illum huma parzjalment mgħottija minn gallarija kbira tal-injam. Għalsaqstant, għandna nifhmu li bilfors li dik il-gallarija twaħħlet snin wara li nbniet ir-residenza u sar il-lavur fuq il-faċċata, għax kieku d-disinn ma kienx jibqa’ sejjer fil-parti fejn illum hi mgħottija mill-gallarija. Jidher li min bena l-gallarija ma kienx jinteressah mill-estetitka tal-faċċata.

Il-gallariji magħluqin tal-injam joffru protezzjoni kontra r-raġġi tax-xemx biex b’hekk tkun evitata li r-raġġi sħan tax-xemx li jippenetraw fil-kamra, l-aktar fis-sajf. Biss dan ma kienx l-uniku skop, għax wara kollox insibu li ħafna gallariji mhumiex mibnija fuq il-faċċata li tħares lejn ix-xemx. Il-gallarija toffri ukoll ilqugħ kontra r-riħ. Il-forma tal-gallarija u t-twieqi li jistgħu jinfetħu waħda waħda, jgħinu biex l-arja tal-kamra tiċċirkola b’żiffa ħelwa waqt li tevita li jidħol riħ qawwi direttament ġewwa.
Il-gallarija sservi wkoll bħala post ta’ komunikazzjoni man-nies ta’ barra. Kemm-il darba nkun għaddej mit-toroq tal-Belt, fejn kważi kullimkien hemm binjiet għoljin, u nara xi mara tixref minn xi gallarija fil-għoli, tniżżel il-qoffa biex tixtri l-ikel, x’aktarx ħobż, mingħand il-bejjiegħ tat-triq. Il-mara tqiegħed il-flus fil-qoffa u l-bejjiegħ jieħu l-flus u jqiegħed il-ħobż minflok, u dlonk il-mara tiġbed il-lenza u tella’ ’l qoffa ’l fuq. B’hekk, dik il-persuna tkun iffrankat milli tinżel u terġa titla’ t-taraġ twil tal-binja. Barra minn hekk il-gallarija toffri post pjaċevoli fejn il-maara tad-dar tista’ tqatta’ ftit ħin fil-kwiet tistrieħ waqt li taqra xi ktieb jew tagħmel xi ħjata, jekk mhux ukoll, għal gost, iżżomm toqgħod tosserva lil kull min għaddej fit-triq.

Apparti l-ħafna eloġji li nsibu fuq is-sbuħija u l-vantaġġi tal-gallariji, wieħed jiltaqa’ wkoll ma kummenti negattivi dwarhom. Il-perit Leonard Mahoney, bniedem li studja l-arkittettura lokali fl-isfond tal-istorja, ixebbah il-gallariji ma’ kaxxi tal-injam imwaħħla mal-faċċati tal-bini bħala, ‘… a cancerous growth on almost every façade in Valletta … hiding the architecture completely’.
Kull tajjeb għandu l-ħażin tiegħu.
Martin Morana
Sorsi li rriferejt għalilhom:
Azzopardi Joseph, ‘The Traditional Maltese Balconies’, Vigilio 2002, no 21.
Bonello Giovanni, ‘Mysteries of the Maltese Gallarija’, Treasures of Malta Vol IX no 2.
Mahoney Leonard, 5000 Years of Maltese Architecture, Valletta Publishing, 1996.
Mousù Salvatore, Id-Dar Maltija, Gutenberg Press, 2007.
Ara aktar artikli dwar il-kultura u l-istorja ta’ Malta billi tikklikja hawn: https://kliemustorja.com/blog/
Ara wkoll: dwar il-MUXRABIJA billi tikklikkja: https://kliemustorja.com/m
