* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
Kollha kemm aħna waqt xi diskursata, l-aktar meta rridu nenfasizzaw xi punt, inħobbu nqabblu s-suġġet tal–argument ma’ xi ħaġa tanġibbli u viżwali. Biex nagħmlu dan insibu eżempji ċari u ħfief biex kulħadd jista’ jaċċetta s-saħħa tal-argument. Ġieli bħala eżempji tipiċi nfittxu paragun mal-annimali, ħut, insetti jew għasafar. Minn dawn noħorġu idjomi, espressjonijiet, qwiel u modi oħra biex nagħtu aktar kulur lil dak li joħroġ minn fommna. Ħafna minn dawn ir-riferenzi stabbiliti ilhom magħna s-snin għax bdewhom l-antenati tagħna, li spiraw minn dak li kien hemm madwarhom.
Il-bdiewa faċilment kienu jqabblu l-kwalitajiet tal-bniedem ma’ dak tal-għasafar kemm fil-forma, il-moviment kif ukoll il-ħsejjes li dawn jagħmlu, kif ser naraw. Mill-osservazzjonijiet tagħhom kienu jisiltu dak li seta’ jservi ta’ paragun ħaj u dawn intgħoġbu minn min semagħhom. B’hekk illum dawn il-paraguni għadhom jingħadu ta’ sikwiet, kif ser naraw.
Qwiel
- Alwett bil-gziez (bil-kwantità) xita bil-qliel – jiġifieri, meta l-alwett ipassi fi kwantitàjfisser li ġej il-maltemp. (Ingliż – skylark isem xjentifiku – Alauda arvensis. L-alwett hu komuni l-aktar f’Ottubru u f’Novembru.
- Fid-Duluri – hawn min jgħid f’jum il-Lunzjata – 25 ta’ Marzu- tiġi l-bilbla (short-toed lark xj. Calandrella brachydactyla) u titlaq l-alwetta (skylark).
- In-naspla saret u ċ-ċawla taret (Ing. jackdaw; xj. Corvus monedula). Nafu li n-naspli jimmatura f’April. Iċ-ċawl li sas-seklu dsatax kien komunissimu f’Malta kien jarma l-bejta tiegħu f’Marzu. F’April iċ-ċawla tkun biedet minn erba’ sa sitt bajdiet. Sa 35 ġurnata wara dawn il-frieħ ikunu kapaċi jtiru. Dan ifisser li n-naspli jkun inħasad u ċ-ċawl ikun tar. Mela l-proverbju qiegħed jassigurana li r-rebbiegħa tkun waslet fi tmiemha u s-sajf qorob ġmielu.
- Meta jiġu l-pluvieri (Ing. golden plover; xj. Pluvialis apricaria), imbagħad jiġi l-maltemp – riferenza għall-ewwel maltempati tal-istaġun. Il-pluviera tpassi fuq Malta minn Ottubru sa Marzu.
L-għasafar jissemmew fi qwiel oħra li jikxfu kif il-Maltin kienu jaħsbuha dwar diversi sitwazzjonijiet fil-ħajja. Inġibu ftit eżempji:
- Ċawla bajda qatt ma dehret – Jiġifieri, l-impossibli qatt ma jseħħ.
- Il-kokka ’l uliedha tara l-isbaħ – Jiġ., kulħadd jara tiegħu l-isbaħ, jew.
- Kull għasfur jiftaħar b’rixu – L-istess tifsira.
- Ħamiema bla ħjiena (ta’ bla ħażen) is-seqer itemmha – Jiġ., xi ħadd sempliċi jkun milgħub minn wieħed makakk.
- Imsejkna dik it-tajra li tfaqqas f’bejta ħażina – Jiġ., l-ambjent fejn bniedem jitwieled jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-ħajja ta’ dak li jkun.
- Għasfur f’idek aħjar milli mija fl-ajru – Jiġ., l-aħjar li tkun kuntent bil-ftit milli tixtieq għal ħafna li huwa impossibbli li takkwista.
Idjomi
Imbagħad xi ngħidu għal idjomi, dawk il-frażijiet b’analoġiji mal-għasafar. Hekk insibu dawn l-idjomi:
- ‘Għamel bħal gallozz (Ing. moorhen xj. Gallinula chloropus u speċi oħrajn) u tefa’ rasu fir-ramel’ – riferenza għal xi ħadd li minkejja li għandu l-inkwiet jippreferi li jinjorah u jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra.
- ‘Kemm jgħid, qisu tellerita!’. (Ing. stone-curlew; is. xj. Burhinus oedicnemus). Jew ‘Kemm jgħid qisu kalandra’ (Ing., calandra lark, xj. Melanocorypha calandra). Iż-żewġ għasafar għandhom ħabta jagħmlu ħoss ripetut għal ħafna ħin mingħajr ma jieqfu. Jew, ‘iparla daqs ċuqlajta’, Ing. Woodlark,is. xj. Lullula arborea – sakemm dan l-aħħar eżempju mhux qiegħed jirriferi għaċ-ċuqlajta li tindaqq kontinwament fil-Ġimgħa l-kbira).
- Qishom żewġ amorini – dejjem jinnamraw.
- ‘Għandi ġuħ daqs nagħma’ – (Ing. ostrich; is. xj. Struthio camelus) Il-paragun ma’ dan l-għasfur intgħażel għax din it-tajra tidher bosta drabi rasha ’l isfel mal-art tnaqqar kull ma ssib.
- ‘X’ser nieklu llejla?’ – Mistoqsija li tista’ tidher żejda, l-aktar meta l-ikel ta’ kuljum id-dar ma jkun xejn speċjali. Ir-risposta tkun: ‘Tgħid mhux perniċi’. Din l-analoġija tingħad b’mod sarkastiku, għaliex il-laħam tal-perniċi (Ing. partridge; is. xj. Perdix rufa) mhux la kemm issibu għal bejgħ. Fil-kultura Ingliża dan iservi ta’ ikla tipika tal-Milied u għaldaqstant mhux kemm tieklu ta’ spiss.
- ‘Dawk bajd u beċċun’ – tingħad għal xi koppja li jkollha ħafna tfal li jitwieldu wieħed wara l-ieħor.
- ‘Illum tidher li bid-daqquqa int’ (Riferenza għad-daqquqa kaħla; (Ing. commoncuckoo; xj. Cuculus canorus) Ngħidu hekk lil xi ħadd li hu bil-burdata tad-daħk għaliex dan l-għasfur jagħmel ħoss qisu qiegħed jidħak.
- ‘Moħħu biex jisserdak qalb it-tfajliet’ – tingħad b’riferenza għal xi ġuvni li jħobb juri kemm hu ħelu meta jkun fil-preżenza tas-sess femminil. Paragun ma’ serdukqalb it-tiġieġ.
- U la qegħdin fuq is-sriedek, hemm isem ieħor relatat mas-sriedek: għattuqa. Din hi tiġieġa żgħira, jew srejdak, li jkun għadu ma kibirx biżżejjed. Ġuvni li għadu ma laħaqx żviluppa sew u ħa l-forma ta’ bniedem adult, jew għadu mingħajr leħja, kienu jgħidulu, għattuq.
- Qisu pespus, tingħad għal xi ħadd ta’ statura żgħira u rqieqa, jew għal xi ħadd xipli.
Biex nagħlaq ta’ min wieħed isemmi li tlieta mill-kunjomijiet Maltin jikkonċernaw l-għasafar. Dawn huma l-kunjomijiet Buttigieg, Chetcuti u Farrugia. It-tlieta li huma għandhom x’jaqsmu mat-tiġieġ. Bu tfisser sid ta’ xi ħaġa jew oħra, f’dan il-każ, sid it-tiġieġ, x’aktarx riferenza għal xi ħadd li jkollu kwantità. Dan hu l-istess bħall-kunjom Buhagiar, li hu sid il-barriera. Chetcuti ġej mill-Għarbi wkoll, ‘ketkut’, kif kienu jissejħu l-flieles li jkunu għadhom kemm faqqsu. It-tielet, farruġ, jista’ jfisser kemm serduq kif ukoll tiġieġ jew flieles. Biss, il-farruġ hu wkoll isem ta’ għasfur ieħor: ix. xj. Garrulus glandarius.
Forsi hemm xi espressjonijiet, qwiel jew idjomi oħra li ħallejt barra. Nieħu gost jekk taf b’oħrajn u tiktibli dwarhom.
* * *
Ħajr lil Victor Falzon, naturalista ma’ Birdlife Malta, li kkoreġa t-test, l-aktar fejn jidħlu l-ismijiet tal-għasafar kif ktibthom jien, u anki żiedli xi idjomi oħrajn.
Biblijografija:
Aquilina, Joseph, Maltese – English Dictionary. Midsea Books Ltd. 1987.
Manduca, J.S. & Mifsud Ġ., Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group (PEG) 1987.
Muscat Azzopardi, Gino & Anna, Kif Ngħiduha. Klabb Kotba Maltin. 1975.
Sultana Joe & Gauci Charles, L-Agħsafar. Is-Soċjetà Ornitoloġika, 1979.
“Qisu għasfur” tingħad għal xi ħadd li jiekol ftit; malajr jixba mill-ikel. “Dundjan” tintuża biex tiddeskrivi lil min jippoppa sidru jew li jkun iħobb jidher
Fair Winds!Wally (Follia Pura)
LikeLike
Grazzi Wally tal-kummenti tieghek …
LikeLike