A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
XJATEN, MOSTRI U IĦIRSA
FIT-TWEMMIN MALTI
Il-bniedem minn dejjem kien jemmen li f’ħajtu hemm l-allat u spirti tajbin li jgħinuh fil-bżonnijiet tiegħu, kif ukoll oħrajn li qegħdin hemm, lesti biex jagħmlu l-ħażen u l-ħsara. Bosta jemmnu li l-ħajja ma tiddependix biss fuq dak li wieħed jagħmel hu minn jeddu, iżda hi kkontrollata skont kemm jinterfjeru dawn l-ispirti. Dawn il-ħsibijiet kienu u għadhom mtambrin tista’ tgħid f’bosta kulturi madwar id-dinja kollha.
AMULET b’TALBA lil ĦORUS
Daqs tmien mitt sena qabel Kristu, Il-Feniċi li ġew Malta ġabu magħhom l-allat tagħhom kif ukoll dawk Eġizzjani, għax dawn kienu jemmnu fihom ukoll. Xi wħud minn dawn l-allat kienu twajba u jagħmlu l-ġid, waqt li oħrajn kienu ta’ ħażen kbir u dejjem lesti li jagħmlu d-deni. Fis-sebgħinijiet kien instab amulet tal-bronż f’qabar tal-Virtu r-Rabat, li fih kellu talba miktuba fuq papiru. Ir-ras tal-amulet kien iddisinjat bil-wiċċ ta’ Ħorus, wieħed mill-allat Eġizzjani, dak li jħares lil-mejtin mid-deni. It-talba nkitbet f’isem Isis, l-alla twajba, biex tipproteġi ’l sid l-amulett mill-ispirti ħżiena li seta’ jiltaqa’ magħhom wara mewtu.
IX-XITAN fit-TWEMMIN MALTI u NISRANI
Fit-twemmin Nisrani, il-Maltin minn dejjem kienu jemmnu li ħajjithom setgħet tkun mhedda mil-ispirti ħżiena, imma l-aktar mix-xitan li kien ħadha kontra Alla u li issa qiegħed fl-Infern iqalleb il-ġmamar tan-nar bil-furkettun f’idu, waqt li jippjana kif ser ikaxkar kemm jista’ bnedmin lejn l-infern wara mewthom. Il-Maltin, Insara fidili sa ruħ ommhom, kienu mgħallma li għandhom iżommu ’l bogħod mill-ħażen u l-ħsara fiżika u spiritwali li dan il-Prinċep tad-Dlamijiet seta’ jagħmel. Meta xi ħaġa tmur żmerġ ngħidu, ‘deffes denbu x-xitan’. Dan l-għadu jew ‘avversarju’ ta’ Alla (għax l-isem ‘xitan’ bl-Għarbi u bl-Ebrew iffisser hekk), tajnih bosta xebh, kemm ta’ bniedem ikrah, kif ukoll ta’ xi annimal jekk mhux ukoll ta’ mostru.
Fit-Testment il-Ġdid naqraw li x-xitan kien ittanta lil Kristu, fid-deżert (tou satana, Mk. 1.12-13). Hemm ukoll episodju ieħor fil-ħajja ta’ Kristu fejn dan eżorċita x-xitan minn bniedem li kien ippossedut. (Lk. 11., 20-22). Meta l-Bibbja nqalbet għal Grieg, l-isem tax-xitan kien tradott bħala diabolos. Ix-xitan kellu isem ieħor apparti dan, Luċifru, li kien imsemmi fil-Bibbja l b]ala dak l-anġlu li ssuppervja kontra Alla. Intant il-Maltin żammew l-aktar mal-isem semitiku, li ġej mill-Għarbi, għaliex anki fi żmien meta l-Maltin kienu Musulmani, ix-xitan jissemma kemm-il-darba fil-Kuran.
Hu xhinu ismu, tant il-Maltin jibżgħu minn dan l-ispirtu ta’ qawwa ħażina li lanqas b’ismu ma jieħdu gost isemmuh. Għaldaqstant ħolqulu laqmijiet, fosthom ‘Dak ta’ denbu twiel’, ‘Ta’ taħt San Mikiel’, ‘Ta’ barra minn hawn’, Karfusu, u oħrajn. Intant, hawn qiegħed inġib lista ta’ ismijiet u laqmijiet oħra li l-Maltin taw lix-xitan.
- BLIS Isem ieħor għax-xitan. Fil-Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli, (1796) insibu hekk, ‘[…] diabolus, diavolo. Għandek ras ta’ Blis’- ras ta’ xitan; sei ostinatissimo’. Erin Serracino Inglott jgħid hekk, ‘[…] Blis (pl. Iblies). Id-dimonju. Kelma li ġejja mill-Għarbi iblis jew eblis.
- BERBUX jew BREJBEX (diminuttiv). Fil-Lexicon, Vassalli jikteb hekk: ‘[…] pl. briebex. diavolo che tenta. Tentatore. (1796)’. Erin Serracino Inglott jgħid hekk: .’[…] Minn Berbuxu, wieħed li jberbex (ħawwadi), Luċifru, Belżebù, u Tal-Infern’.
- FERGĦUN Xitan żgħir, mingħul. Appellativ għal xi tifel imqareb. Bniedem li hu ta’ karattru qalil u midgħi. Oriġ. Għarb. farawun, li biż-żmien bdiet tfisser ukoll prinċep ħażin u tirann. M.A.V. (1796) jittradduċi din il-kelma bħala, diavoluccio.
- GRENG jew GRENĠ Isem li sibtu fid-Damma, ta’ Agius de Soldanis (ċ. 1750 – 1767). Dan jgħid biss, demonio. La E. Serracino Inglott u lanqas J. Aquilina. ma jagħtuha din il-kelma. Ippruvajt inqalleb fid-dizzjunarju Taljan u Sqalli għat-tifsira etimoloġka, biss ma sibt xejn. L-iktar li stajt inqarreb bi ftit fantasija, hi l-kelma grenza, li tfisser ġilda mkemmxa sew – forsi b’dan wieħed qiegħed iqabbel lix-xitan ma xi ħadd xih u b’ġilda mkemmxa.
- KARFUSU Skont Agius dan Soldanis, dan kien ukoll wieħed minn ħafna appellativi mogħtija lix-xitan. Kien hemm logħba li t-tfal kienu jsejħulha b’dan l-isem. Sqal. chifarusu. corto e gobbo. L-istess hawn qed naraw karatteristiċi ta’ kruha mogħtija lix-xitan. Ara: KARFUSU u TKARFAS.
IĦIRSA u MOSTRI
Sforz il-biża’ u l-fantasija ta’ moħħu il-bniedem emmen f’għajdut strambi u tgħabba b’ħafna superstizzjonijiet dwar diversi kreaturi sopranaturali oħrajn. Kull saram li l-bniedem jiltaqa’ miegħu pprova jispjegah billi jwaħħal fl-ispirti ħżiena. B’hekk għal ċertu episodji u fenomeni naturali tal-ħajja l-bniedem ħoloq kreaturi ta’ qawwa kbira u li kienu intenzjonati li jagħmlu d-deni lill-umanità. Kien b’dan il-mod li nħoloq ċertu twemmin mitoloġiku li bih wieħed seta’ jasal biex jifhem kull ma jseħħ b’mod loġiku.
Hawn ser nagħti lista ta’ ismijiet ta’ dawn il-kreaturi li l-Maltin kienu jemmnu fihom. Kif ser taraw l-informazzjoni żammejtha fil-qosor kemm jista’ jkun. Għal min irid jaqra aktar dwar xi wħud minn dawn il-karattri tistgħu tfittxuhom fil-paġni ta’ din il-website, fis-sezzjoni tal-Enċikopedija.
- IL-GĦUL Fil-folklor, l-għul hu x’aktarx raġel goff, bħal ġorf li minn bniedem kien jinbidel f’serp. Agius de Soldanis fid-Damma (ċ. 1750 – 1767). jittraduċi din il-kelma għat-Taljan bħala serpe jew serpente. Il-folkorista, Patri Manuel Magri jgħid li l-għul kien isem ieħor għas-serp li, skont kif kien jisma’ lix-xjuħ jgħidu, kien jgħix fl-imsaġar. Intant, fil-folklor Għarbi, l-għul hu raġel li jbeżża’ li jgħix waħdu fid-deżert jew fil-postijiet tad-dfin. Fl-istorja Il-Għul u Dagħbub, (Il-Malti, 1927) naqraw li fil-Palestina, il-għul hu deskritt bħala ‘ġorf li jiekol in-nies’. Minn dan il-karattru tal-folklor Għarbi joħroġ dak l-ispirtu li bl-Ingliż jissejjah ghoul. Dan jista’ jirriferi għal diversi tipi ta’ spirti.
- IN–NANNA GĦULA Intant, Ġan Franġisk Abela (1647) jgħid li hemm karattru ieħor, in-nanna għula, mara xiħa għakka u kerha immens li kienet tgħix f’il Casale del Serpente’.
- Il-BELLIEGĦA Isem ta’ mostru li kienu jbeżżgħu t-tfal bih. Il-belliegħa kienet suppost tgħix fil-bir, u lit-tfal kienu jbeżżgħuhom li jekk jixirfu rashom fuq il-ħerża tal-bir il-belliegħa kienet tiblagħhom. Il-belliegħa tista’ tkun ukoll għar li jibla’ n-nies. Skont ħrafa Maltija, il-belliegħa belgħet is-seba’ tfajliet sbieħ ta’ Selika.
- Il-BABAW /BAWBAW Karattru immaġinarju li kienu jbeżżgħu t-tfal bih. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘Ara ġej il-babaw’. Anki fl-Italja u fi Franza kienu jbeżżgħu lit-tfal bil-bau bau. Fil-fatt bit-Taljan jgħidu, “se non la smetti chiamo il Babau!” Ukoll f’Venezja lit-tfal ukoll jgħidulhom, ‘Se non stai bravo viene il babau e ti porta via’. Fil-Karnival ta’ din il-belt, l-karattru tal-Bau Bau hu rraffigurat minn bniedem liebes maskra bajda u daqna magħmula mill-bizzilla sewda mdendla magħha. Din il-maskra tissejjah La Bauta. Agius de Soldanis (ċ. 1750 – 1767) jgħid li fi żmienu t-tfal ukoll kienu jbeżżgħu lil xulxin bil-babaw.
- Il-GAWGAW /KAWKAW Fl-antik, bosta kienu jemmnu illi dawk it-trabi li jitwieldu f’nofs il-lejl tal-Milied kienu jsiru Gawgaw, mostru li jbeżża’. It-tradizzjoni tgħid illi Kristu ma jieħux gost li t-trabi jitwieldu fil-ħin li twieled Hu. Skont is-superstizzjonijiet, dawn it-tfal kienu jkunu ‘ikkastigati’, billi kienu mġiegħla jiġġerrew fil-beraħ waqt li jkaxkru xatba warajhom sal-Paternoster ta’ filgħodu. Kien hawn min jemmen li kienet ir-ruħ biss li tkun qiegħda tiġġerra, waqt li fiżikament, t-tifel jibqa’ rieqed fis-sodda. Biex wieħed kien jeħles minn din is-saħta kien ikollu bżonn li matul il-lejl jgħodd it-toqob kollha tal-għarbiel. Nassumi li dan kollu kien jingħad b’nofs ċajta. Jista’ jkun li l-isem Gawgaw ġej mit-Taljan u li bil-Malti ngħidulu wkoll il-Babaw. Agius. de Soldanis fid-Damma jgħidlu, kawkaw; M.A.V. (1796) jgħidlu Gewgew.
- IL-ĦARES Kemm għad hawn min jemmen fil-ħares? Ruħ, fatat, jew immaġini ta’ spirtu li jista’ jidher, jinħass jew jinstema’ minn nies. Il-ħares jista’ jkun dik ir-ruħ ta’ xi ħadd mill-qraba mejta jew inkella esseru li hi marbuta mal-binja jew post partikulari. Fil-fehma tiegħi, l-etimoloġija ta’ din il-kelma għandha x’taqsam ma’ Ħorus, li fil-mitoloġija Eġizzjana kien l-alla li kien jieħu ħsieb il-mejtin. Ħorus kien irrappreżentat fl-ikonografija bħala seqer, li allura hu wkoll sinonimu ma’ xi ħadd li josserva ħafna (qabbel mal-verb ħares). Għaldaqstant id-deskrizzjoni iddur ċirku, għaliex il-Ħares hu dak l-ispirtu li jara kollox. Mhux biss. Il-Ħares jista’ jkun ukoll dak li jħarisna mill-ħażen. Intant, bl-Għarbi, ħares tfisser ukoll ‘għassies’.
- L-IMLEJKA Kelma li ġejja mill-Għarb. malika li tfisser ‘reġina’, jew malik li hu r-re. Għaldaqstant l-‘imlejka’ hi t-tifla tagħhom. L-Imlejka fil-folklor Malti ġieli kienet imqabbla mal-mara tal-Gawgaw. Anton F. Attard jgħid li din kienet waħda mill-allat Feniċi. L-Imlejka setgħet tieħu sura ta’ mara xiħa li kienet iżżur id-djar tan-nies fix-xahar ta’ Diċembru. Biss, skont Attard, l-Imlejka kienet tista’ ġġib kemm ir-risq kif ukoll id-deni, u biex iġġib ir-risq din kienet trid ixxomm ir-riħa tal-ikel qed jissajjar!
NAWNU Qattus kbir mhux reali li bih l-ommijiet kienu jbeżżgħu lit-tfal. Kont tismagħhom jgħidu, ‘jekk mhux ser toqgħod bravu ser jiġi n-nawnu għalik’.
- Is-SARANGU Tip ta’ fatat, ħares jew mostru li jbeżża’. Sarangu hu karattru folkloristiku li jidher bħala raġel twil bi xkora fuq spalltu, dejjem lest biex jaħtaf it-tfal u jeħodhom miegħu. Dari, f’Għawdex, it-tfal kienu jitrabbew jibżgħu minn dan il-mostru li jiġġera fit-toroq, u għalhekk it-tfal ma kellhomx jilgħabu barra d-dar għax jekk is-Sarangu jinzerta minn hemm, jiġborhom. Ngħidu, ‘twil daqs sarangu’. Sqal. Sarancuni – xi ħadd li hu xaħħieħ bosta.
Ismijiet u laqmijiet għax-Xitan: Belżebub, Blis, Dak tal-Qiegħ, Dimonju, Fargħun, Grenġ / Greng, Gimes, Għafrit, Karfusu, Kelejlu, Satana, Ta’ Denbu Twiel, Ta’ Dufrejgħ Twal, Tal-Infern, Xifajk.
Martin Morana
02.06.2020
Bibliografija li għenitni biex bnejt dan l-artiklu:
Attard F. Anton, Mid-Dinja tas-Seħer u tal-Folklor.
Agius de Soldanis, DAMMA Tal Kliem Kartaginis mxerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin,(Ed. Rosabelle Carabott, University of Malta et al., 2016).
Abela G. F. Descritione del Isola di Malta Gozo e Comino, (1647).
Ellul Joseph, Teuma Edmund, Il-Kuran.(2000).
Bonanno Anthony, Malta, Phoenician, Punic and Roman Malta. Midsea Books Ltd. (2005).
Gouder Tancred C., ‘Some Amulets from Phoenician Malta’, Heritage, Vol. 1.
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti.
Vassalli M.A. Lexicon (1796)
Artikli varji dwar is-suġġett bħal, ‘Evil Spirits’; ‘Devil’; ‘Baal’; f’Man Myth and Magic Vol. I, u II. Ed. Richard Cavendish. [Encyclopedia 1970].
* * *
Enċiklopedija dwar l-istorja u l-kultura Maltija – ikklikkja hawn:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Grazzi ta l informazzjoni interessanti Martin.
LikeLiked by 1 person
Prosit tax xoghol li qieghed taghmel. Bicca xoghol siewja sabiex il kultura Maltija ma tintilefx mal medda tax zmien. Kliem iehor relatat huwa il-wahx, fattat, il-haddiela, u tas setta. Nanti kienet tuza il kelma minghul…bniedem ikrah jixbah ix xitan.
LikeLiked by 1 person
Grazzi tl-kliem ta’ inkoraġġiment …qiegħed nieħu gost li dan ix-xogħol qed issibu interessanti u siewi. tislijiet ,,, Martin
LikeLike