A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
L-Ordni ta’ San Ġwann beda jarma l-flotta tiegħu meta kien f’Ċipru. Dan kien meħtieġ naturalment minħabba l-komunikazzjoni bejnu u l-kontinent Ewropew fejn il-Kavallieri kienu ġejjin u sejrin. F’Rodi, l-Ordni kompla saħħaħ il-flotta, l-aktar wara li fl-1453, meta l-Imperu Ottoman stabblixxa ruħu f’Istanbul u sar ta’ theddida għaih.
Tmien snin wara t-tkeċċija minn Rodi, l-Ordni wasal Malta fuq żewġt ixwieni, żewġ karrakki, brigg, żewġ galjuni, galljott u bċejjeċ oħra tal-baħar. Matul is-snin li dam Malta, l-Ordni kien juża diversi tipi ta’ mriekeb, kemm għall-merkanzija, kemm bħala skorta għall-istess bastimenti merkantili, kif ukoll għas-sibi li kien jorganizza fuq ix-xwieni u l-artijiet Musulmani. Apparti minn hekk, l-Ordni ta’ spiss kien jibgħat bastimenti ma’ qawwiet navali Nsara fejn kien hemm bżonn meta dawn ħaduha kontra l-qawwiet Ottomani u dawk tal-Barbarija. Hekk insibu li fil-battalja ta’ Lepanto (7 ta’ Ottubru, 1571), l-Ordni issieħeb mal-qawwiet tal-Papa u bagħat tliet galeri biex il-flotta tkun aktar b’saħħita. Waqt il-Gwerra ta’ Kandja (1645 – 1669), il-Kavallieri għenu għal bosta snin il-qawwiet Venezjani.
Biex il-bastimenti tal-Ordni setgħu jinżammu f’manutenzjoni tajba u jitħallas l-ekwipaġġi u s-suldati ta’ fuqhom, l-Ordni bilfors ried flejjes kbar. Kull biċċa tal-baħar kienet tbaħħar għal mhux aktar minn għaxar jew ħmistax-il sena. Imbagħad il-bastiment kien ikollu jinbidel, kemm minħabba li l-bastiment ikun qdiem, kif ukoll għax ikunu nħadmu bastimenti ġodda superjuri għal dawk antiki, u għaldaqstant l-Ordni ried bilfors jagħmel l-istess biex ilaħħaq magħhom. Il-flotta kienet tieħu parti sostanzjali mill-ispiża rikurrenti li l-Ordni kien jonfoq kull sena. Il-bini tal-bastimenti sar kemm-il darba f’Malta, kif ukoll fi Franza, Spanja, l-Italja, Sqallija jew fl-Olanda.
Bis-saħħa tal-flotta tal-Ordni, eluf ta’ Maltin setgħu jaqilgħu x’jieklu u jmantnu l-familji tagħhom. Dawn mhux biss minħabba li kienu jingaġġaw ruħhom bħala baħħara jew suldati fuq il-bastimenti, imma anki minħabba li mijiet kienu jaħdmu bħala artiġjana f’xogħol ta’ armar tal-injam, produzzjoni tal-qlugħ u t-tiswijiet relatati ta’ kull tip biex il-bastimenti jkunu fl-aqwa kundizzjoni.
Fl-1596, l-Ordni waqfet il–Congregazione delle Galere, awtorità magħmula mill-Kaptan-Ġenerali tal-Ordni u erba’ Kavallieri Gran Croce, biex l-iskwadra tal-galeri u l-attivitajiet tagħha jkunu amministrati bi strateġija għaqlija. Din kienet tiddeċidi x’tip ta’ bastimenti ġodda għandhom jinbnew, kif ukoll torganizza l-fondi neċessarji biex l-iskwadra ma tkun nieqsa minn xejn. L-istorja tal-flotta fi żmien l-Ordni tirrifletti l-istorja tal-kummerċ Malti, kemm dak lokali kif ukoll ma barra, tul il-268 sena li l-Ordni kien jaħkem lil Malta.
Hawn ser inġib lista ta’ xi mriekeb tal-baħar l-aktar magħrufa li kienu jintużaw fi żmien l-Ordni f’Malta. Dawk imsemmija ma kienux biss imriekeb esklussivament tal-Ordni. Bħalhom kont issib għand qawwiet marrittimi oħra fil-Mediterran anki, fl-Imperu Ottoman. Xi wħud mill-imriekeb ta’ daqs żgħir kienu ġieli jappartjenu lil sidien Maltin. L-ismijiet tal-bastimenti huma mniżżla b’mod alfabetiku skont il-kategorija tagħhom. Dan jikkumplimenta l-iskop ewlieni ta’ din il-website. Kull tifsira hi pjuttost qsajra u bi ftit dettalji. Ħafna mid-deskrizzjoni f’kull paragrafu hi ġenerika għaliex kull tip ta’ bastiment kien ivarja skont il-pajjiż fejn inbena, kif fid-dettalji kien ikun hemm tibdil minn perjodu għall-ieħor. Aktar dwar dan is-suġġett jinsab fis-sezzjoni enċiklopedika tal-website.
*
BRIGANTIN Tal. brigantine – Ing. barquentine, brig.
- Storja: Xini żgħir li kien jintuża l-aktar fis-seklu 17 u 18 għall-ġarr tal-merkanzija, bħal, inbid u ikel ta’ kull tip impurtat minn Sqallija, biss kien jintuża wkoll għas-sibi bħala awżiljarju mal-flotta. Il-brigantin kien ta’ ċerta ħeffa.
- Tul: 13 – 20 m.
- Tagħbija: Kien jiflaħ sa’ 40 tunellata f’merkanzija.
- Navigazzjoni: L-aktar bi qlugħ latin – ġieli bi tnejn. Kien jivvjaġġa wkoll bl-imqadef.
- Ekwipaġġ: 30 – 36 (minnhom 20 – 30 qaddiefa).
- Armamenti: 2 petrieri (kanuni żgħar li jduru fuq il-fus (Ing. swivel guns) mqiegħda fuq il-pruwa.
- Karatteristiċi oħra: Il-Gran Mastru Vilhena (1722-1735) għażel li jkollu brigantin bħala mirkeb ċeremonjali kull meta ried jaqsam il-Port il-Kbir. Dan il-brigantin partikolari kellu l-qlugħ latin, kellu wkoll 9 imqadef kull naħa.
*
FELUGA / FELUKKA Tal: feluca.
- Storja: Mirkeb żgħir użat l-aktar biex iġorr il-merkanzjija, u li kien jintuża l-aktar fis-seklu 17 u 18. Kien jagħmel vjaġġi żgħar, l-aktar mal-kosta, jew bejn Malta u Sqallija. Bosta felukki kienu ta sidien Maltin. Dan il-mirkeb kien anki jintrama għas-sibi biex jgħarrex għall-bastimenti tal-għadu, għax fiċ-ċokon tiegħu ma kienx jagħti wisq fil-għajn.
- Tul: 13 m.
- Tagħbija: Il-kbar kienu jesgħu bejn 30 – 50 tunnellata ta’ merkanzija.
- Navigazzjoni: Qlugħ wieħed tal-latini u aktar tard anki tnejn, u pollakkun; ġieli 3-5 imqadef kull naħa.
- Ekwipaġġ: Bejn 6 u 12-il qaddief.
- Armamenti: Meta jintrama għall-piraterija kien ikollu 2 kanuni u mat-30 petrier.
- Karatteristiċi oħra: Kien ukoll jintuża mill-KAPITANA tal-flotta bħala awżiljaru biex jintbagħtu messaġġi u xogħol ieħor ta’ skariġġ.
*
FREGATA Tal. fregata.
- Storja: Bastiment li kien jixxiebah mal-vaxxell, biss iżgħar. Kien hemm diversi tipi ta’ fregati. Kultant id-differenza kienet tidher l-aktar bejn dawk li nbnew fis-seklu 17 u tas-seklu 18. Magħmul apposta għall-ġlied u biex jakkumpanja ġfien ikbar minnu. Bosta drabi dan il-bastiment kien ukoll jeskorta bastimenti tal-merkanzija biex jipproteġihom mill-piraterija.
- Tul 10 – 33 m.
- Toqol: Sa 300 tunnellata.
- Tagħbija: 350 tunnellata.
- Navigazzjoni: 2 qlugħ kwadri jew latini. Sa tmien imqadef fuq kull naħa.
- Ekwipaġġ: 20 ruħ. 12 – 20 qaddief.
- Armamenti: Fregata żgħira: 4 – 6 kanun; fregata kbira: 20 – 40 kanun.
*
ĠIFEN Terminu pjuttost ġeneriku għal bastimenti kbar biex anki jiddistingwihom mix-xwieni li kienu iżgħar fid-daqs – idjaq u biż-żaqq aktar baxx. Fil-ktieb tiegħu, Il-Flotta ta’ L-Ordni ta’ San Ġwann, Joseph Muscat, jgħid li dan it-terminu jinkludi bastimenti bħal, VAXXELLI, GALJUNI, Il-KARAKKI, FREGATI u oħrajn.
*
GALERA (Ing. galley).
- Storja: Terminu pjuttost ġeneriku, għax kien hemm diversi tipi minnu. Bastiment kbir u b’saħħtu li l-Ordni ta’ San Ġwann juża għall-ġlied. Il-galera kien mirkeb twil u baxx, bil-gverta taħt il-murata tal-bastiment. Norm. L-Ordni kien ikollha ħamsa, biss kien hemm żmien, lejn l-aħħar tas-seklu 17, meta l-Ordni kien jippossedi skwadra ta’ tmien galeri. Verżjonijiet iżgħar ta’ dan il-bastiment kienu l-GALEOTTA (20 m.) u l-FUSTA.
- Tul: 45 m.
- Navigazzjoni: Diversi qlugħ latini. Kien ibaħħar ukoll bl-imqadef.
- Ekwipaġġ: 500 – 600. Galera norm. kellha 156 qaddief, 168 jekk PADRONA u 186 jekk KAPITANA.
- Armamenti: 5 kanuni fil-pruwa, xi petrieri fil-ġnub u armamenti żgħar oħra.
- Karatteristiċi oħrajn: Kull galera kellha takkumpanjaha kajjik u fregatina, it-tnejn bil-qlugħ u bl-imqadef .
- Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
GALJAZZA Tal. galeazza.
- Storja: Fost il-ġfien, il-galjazza kienet akbar mill-galera u akbar mill-galjotta. Kienet żviluppata lejn l-1550 f’Venezja u dehret l-ewwel darba fil-battalja ta’ Lepanto (1571).
- Tul: 50 m.
- Tagħbija: Aktar minn 50 tunellata.
- Navigazzjoni: Tlett iqlugħ kwadri u imqadef.
- Ekwipaġġ: 500 ruħ. 40 – 50 mqadef kull naħa.
- Armamenti: 36 kanun.
- Karatteristiċi oħra: Kien kapaċi jsalpa għal xhur sħaħ għax kien ikun fornut b’kollox.
*
GALJUN Tal. grosso galeone. Ing. Galeon.
- Storja: Tip ta’ bastiment b’diversi gvieret, li żviluppa mill-karakka f’nofs is-seklu 16 u li baqa’ jintuża sa nofs is-seklu 17. L-aktar li għamlu użu minn dan it-tip ta’ bastiment kienu l-Ispanjoli, il-Franċiżi, il-Portugiżi, il-Venezjani u l-Ordni ta’ San Ġwann. Għalkemm kellu l-iskop li jattakka, kien jintuża wkoll għall-ġarr tal-merkanzija.
- Tul: Galjun żgħir: 25 – 30 m; galjun kbir: 44 m.
- Toqol: 500 tunnellata.
- Tagħbija: Bejn 2,000 u 5,000 salma f’merkanzija.
- Navigazzjoni: Tliet jew erba’ arbli armati bil-qlugħ. Xi wħud kienu wkoll armati bl-imqadef.
- Ekwipaġġ: Norm. xi ftit aktar minn 120 – 340. Biss kien jista’ jgħabbi mijiet ta’ suldati.
- Armamenti: 30 kanun u aktar ta’ diversi kalibri.
- Karatteristiċi oħra: Il-galjun kien eħfef mill-karakka u aktar manuvrabbli. Billi l-galjun kien ikbar mill-galeri l-oħrajn, dan kien iservi wkoll bħala l-Kapitana tal-flotta. L-aktar magħruf fosthom kien is-San Giovanni.
*
KAPITANA
- Storja: Imsemmi hekk għax il-Kaptan-Ġenerali kien imexxi l-flotta waqt l-operazzjoni navali minn fuqu. Kien ikun dejjem l-akbar bastiment tal-flotta tal-Ordni. Il-Kapitana kien galera, biss ikbar minn oħrajn). Fil-protokoll il-Kapitana kien igawdi l-aqwa stima, meta jkun fuq xi missjoni, jew f’xi port, anki ma’ bastimenti oħrajn barranin.
- Karatteristiċi: Il-bastiment kien jiżżejjen b’mod li jispikka mill-galeri l-oħrajn. Kien hemm żmien li kienet jinżebagħ aħmar – mill-1625 ’il quddiem, il-kulur sar iswed. Mal-Kapitana kien ikun hemm felukka takkumpanja, iddekorata lewn id-deheb.
- Navigazzjoni: Tliet arbli bi qlugħ triangolari. Bejn wieħed u ieħor kien ikollha 300 qaddief.
- Ekwipaġġ: 700 – 900.
- Karatteristiċi oħra: Mill-flotta kollha, il-Kapitana biss kien iġġorr l-istandard tal-Ordni.
*
KARAVELLA
- Storja: Tip ta’ bastiment kbir li kien jintuża għall-ġarr tal-merkanzija. Beda jintuża għall-ewwel darba fl-1441, u baqa’ jintuża sas-seklu 17. Kien b’dan it-tip ta’ bastiment li Cristoforo Colombo qasam l-atlantiku biex skopra l-kontinent Amerikan.
- Tul: 57 m (ma’ wiċċ l-ilma 50 m.)
- Toqol: Bejn 50 u 150 tunellata.
- Tagħbija: 200 – 400 tunellata.
- Navigazzjoni: Dan il-bastiment kellu 3 arbli bil-qlugħ latini.
- Ekwipaġġ: 500 – 600.
- Karatteristiċi oħra: Il-karavella kienet popolari ħafna mal-Portugiżi, fi żmien li dawn kienu jagħmlu vjaġġi twal biex jesploraw ibħra u artijiet ġodda. Eventwalment, dan il-bastiment kien żviluppat f’tip ta’ karrakka u wara anki f’galjun.
*
KARRAKKA
Storja: Tip ta’ bastiment li fis-sekli 15 u 16 kien wieħed mill-akbar li kienu jinnavigaw fil-Mediterran. L-Ordni kien bena l-ewwel karrakka tiegħu fl-1407, f’Rodi u wara bena oħrajn. F’Malta l-Ordni kien wasal b’żewġ karrakki – is-Santa Maria, li oriġ. kienu ħaduha minn taħt idejn it-Torok, u s-Sant’Anna li nbena fi Franza fl-1523, wara li l-Kavallieri telqu minn Rodi. L-iskop ewlieni ta’ dan il-bastiment kien li jġorr il-merkanzija.
- Tul: 45 m.
- Toqol: 1,000 tunellata.
- Tagħbija: 9,000 salma (1,500 tunnellata sa 14,000 slama (2,000 tunnellata).
- Navigazzjoni: Tlett iqlugħ kwadri u qlugħ latin.
- Ekwipaġġ: 1000 ruħ jew aktar skont il-bżonn.
- Armamenti: Kanuni u kolumbrini.
- Karatteristiċi oħra: L-arblu majjistru kien tant oħxon illi sitta minn nies bilkemm kienu jħaddnuh mid-dawra tiegħu tan-naħa t’isfel. Il-karrakka kellu 7 gvieret bi tnejn minnhom taħt l-ilma. Is-Sant’Anna kellu kisja taċ-ċomb mil-livell ta’ wiċċ il-baħar ’l isfel biex ma jinfiltrax l-ilma ’l ġewwa u fl-istess ħin jippriserva l-injam. Bħala awżiljari kienu jsalpaw miegħu, kajjikki, fregatini jew brigantini.
*
PETAKKJU (Tal. petacchio)
- Storja: Kien mibni oriġ. biex jgħasses il-portijiet. Bastiment pjuttost żgħir u baxx, li kont issibu kemm għand il-Venezjani kif ukoll għand it-Torok u oħrajn. Kien jintuża kemm biex iġorr il-merkanzija kif ukoll biex jieħu sehem fis-sibi. Kien mirkeb tajjeb għal kwalunkwe skop għax kien ta’ ħeffa kbira. Baqa’ jservi sal-aħħar tas-seklu 17.
- Tul : Kellu l-prim ta’ 64 pied.
- Tagħbija: 180 tunnellata.
- Navigazzjoni: Żewġ arbli bi qlugħ kwadri. Ġieli bl-imqadef.
- Ekwipaġġ: Norm. kien jaħdem b’20 ruħ, biss għal ġlied kien ikollu anki mal-100 ruħ.
- Armamenti: Norm. 10 kanuni (4 fuq il-gverta).
- Karatteristiċi oħra: L-Ordni qatt ma kellu aktar minn petakkju wieħed fl-istess żmien. Kienu jgħinuh fregatina u kajjik biex iġorru l-ilma u l-merkanzija mill-art sa fuqu.
*
POLLAKKA (Tal. pollacchone)
- Storja: L-isem ġej mit-tip ta’ qala’ ta’ quddiem li bil-Malti hu magħruf bħala, flokk – Ing. gib). Tip ta’ bastiment merkantili li kien jintuża bejn il-bidu tas-seklu 17 u s-seklu 18. Ġieli kien jintuża wkoll għal ġlied. Utili ħafna minħabba l-ħeffa tiegħu. Fl-1755 l-Ordni armat żewġ pollakki. Xi sidien Maltin kellhom tagħhom. Dawn ukoll kienu jużawhom għall-piraterija.
- Toqol: 150 – 250 tunnellata.
- Navigazzjoni: Qlugħ – xi wħud latini, fuq tliet arbli u l-pollakkun fuq il-pruwa. Kienu wkoll jintużaw l-imqadef.
- Ekwipaġġ: Madwar 15 sa 18-il ruħ.
- Armamenti: 2 jew 4 kanuni u petrieri, apparti armamenti oħra.
- Karatteristiċi oħra: Kultant, dan il-bastiment kienu jirreferu għalih bħala ‘bark’ jew ‘pinku’, kultant anki bħala ‘tartana’. Kemm l-Ordni kif ukoll xi sidien Maltin kellhom dan it-tip ta’ bastiment. Kellu miegħu kajjik ta’ 12-il moqdief
*
TARTANA
- Storja: Bastiment żgħir li kien jintuża ħafna fis-sekli 17 u 18 fi Spanja, Malta, l-Italja u Franza. Oriġ. dan kien jintuża għas-sajd iżda mbagħad kien żviluppat biex iġorr il-merkanzija, l-aktar dik goffa bħall-qamħ u injam. Bħall-ixprunara, kien jivvjaġġa ta’ spiss bejn Malta u Sqallija kif ukoll lejn Lisbona. Ġieli intuża għall-piraterija.
- Tul: 16 -25 m.
- Tagħbija: 800 qantar (64 tunnellata).
- Navigazzjoni: Jekk żgħir: Qala’ wieħed tal-latini jew b’wieħed kwadru u bil-flokk (pollakkun). Jekk kbir: 3 arbli bil-qlugħ latini.
- Ekwipaġġ: 20-25 ruħ. Jekk jkun armat għas-sibi ma’ dawn kien ikollu daqs 40 suldat.
- Armamenti: Meta jkun armat għas-sibi – sa 10 kanuni żgħar fuq il-ġnub – Il-kbar ġieli kellhom 18-il kanun u petrieri (Ing. swivel guns).
- Karatteristiċi oħra: Kien ikun akkumpanjat minn kajjik ta’ 20 moqdif u fregatina.
- Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
*
VAXXELL (Tal. vascello. Ing. ship-of-the-Line jew Third Rate.)
- Storja: Bastiment li oriġina mill-galjun biss kien jixbah il-fregata, għalkemm akbar. Kien jintuża kemm fis-seklu 17 kif ukoll fis-seklu 18. Fl-1701, l-Ordni iddeċida li jibni 4 vaxxelli, u aktar tard matul is-seklu tmintax bena oħrajn.
- Tul : 43 – 53 m.
- Toqol : L-akbar vaxxell kien ikun ta’ 300 tunnellata.
- Tagħbija: Bejn 2,500 – 3,000 salma.
- Navigazzjoni: Kellu tliet arbli bi qlugħ kwadri.
- Ekwipaġġ: 100 – 300.
- Armamenti: 40 – 64 kanun. Dawk b’anqas kanuni kienu magħrufa bħala KORVETT.
- Karatteristiċi oħra: Bosta mill-vaxxelli ma kienux tal-Ordni imma ta’ kavallieri u kursara mqabbda mill-Ordni. Fuq il-moll, qrib il-Maċina, Bormla, għad hemm l-imħażen fejn kienu jkunu merfugħa l-attrezzaturi ta’ dawn il-vaxxelli..
*
XALUPPA (Tal. scialuppa)
- Storja: Fis-sekli sbatax u tmintax, kienet tintuża l-aktar biex iġġorr xi tabija.
- Skop: Din kienet tintuża norm. fi vjaġġi ta’ distanzi qosra matul il-kosta.
- Tul: 9 m jew aktar.
- Navigazzjoni: Bejn 2 u 5 ħames imqadef kull naħa.
- Armamenti: Kien iġorr bejn 12 u 40 kanuni żgħar.
- Karatteristiċi oħra: Kien jeskorta l-vaxxelli fis-sibi.
*
XANBEKK / XAMBEKK (Tal. sciambecco. zambecco. Fr. chebec. Għ. xabak)
- Storja: Ix-xambekk jaf l-oriġini tiegħu bħala mirkeb kbir tas-sajd fid-dinja Għarbija, (xambek / xibek ġejja minn xbiek). Imbagħad beda anki jintuża biex iġorr il-merkanzija. F’nofs is-seklu 17 dan kien żvilluppat f’forma akbar, mill-Alġerini għal skopijiet ta’ piraterija. L-Ordni bena tliet xambekki, l-ewwel wieħed fl-1743. Dan kien jixbah, għalkemm f’forma iżgħar mill-galera u l-galeotta Venezjana. L-Ordni għamel użu minnhom kemm għall-ġarr tal-merkanzija kif ukoll għas-sibi. Ix-xambekk ġieli kellu l-inkarigu li jgħasses il-bokka tal-Port il-Kbir.
- Tul: 25 m. – 40 m.
- Tagħbija: 150 – 300 tunellata.
- Navigazzjoni: Qlugħ latini fuq tliet arbli kif ukoll pollakka. Ġieli kienu jintużaw l-imqadef.
- Ekwipaġġ: Xambekk żgħir kien jaħdem bi 12-il ruħ. Il-kbar kien ikollhom ekwipaġġ li jleħħaq sa 150.
- Armamenti: Ix-xambekki tal-Ordni kellhom 4 kanuni. Oħrajn ġieli kellhom 14.
- Karatteristiċi oħra: Kien iġorr fuqu kajjiek b’24 moqdief. Kien magħruf bħala l-aktar bastiment veloċi fil-Mediterran. Simili ħafna għal dan il-bastiment kien hemm il-PINKU.
*
XINI Isem ġeneriku għal mirkeb pjuttost żgħir. Fil-ktieb tiegħu Il-Flotta tal-Ordni ta’ San Ġwann, Joseph Muscat jiddefinixi dan il-bastiment bħala twil u dejjaq bi qlugħ latin jew inkella triangolari. Dan it-terminu jista’ jinkludi l-GALERA, l-BRIGANTIN u x-XAMBEKK, it-TARTANA, il-FELUKKA u l-IXPRUNARA fost oħrajn.
*
XPRUNARA (Tal: speronara)
- Storja: Bastiment żgħir li nbena għall-ewwel darba f’Malta fis-seklu 16, u mbagħad mas-sekli inbew li sas-seklu 20 kellhom żvilupp gradwali. Dan kien jintuża kemm għas-sajd kif ukoll biex iġorr il-passiġġieri. Biss l-ixprunara kienet tintuża ukoll għall-ġarr tal-merkanzjia. Imsejjaħ hekk minħabba l-ixprun fuq il-pruwa.
- Tul: 13 – 16 / 25 6 m – 12 m.
- Tagħbija: Bejn 3 – 20 tunnellata.
- Navigazzjoni: Oriġin., l-ixprunara kellu qala’ waħda fuq quddiem u kien mgħejjun mill-qdif. Kien hemm xprunari li kellhom arblu wieħed bi qlugħ latin, oħrajn kellhom żewġ arbli b’qala’ latin / u ieħor tarkija.
- Ekwipaġġ: 6 – 8.
- Karatteristiċi oħra: Bastiment bl-aqwa karatteristiċi Maltin li kont issib kwantità kbira minnhom fil-Port il-Kbir anki fis-seklu 19. Id-dgħajsa msejħa tal-latini, jew ta’ Għawdex, kif ukoll il-firilla u l-luzzu, għandhom karatteristiċi kbar meħuda mill-ixprunara. L-ixprunara kellu kuluri jgħajtu.
* * *
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/

Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Bibliografija li rriferejt għaliha Abdilla Joseph, Diversi kitbiet fuq Heritage Encyclopedia: ‘The Galleon’, Vol. 4 p. 1086; ‘The Felucca’, Vol. 5 p.1464; ‘The Frigate’, Vol 4, p.1307; ‘The Chebec’, Vol 5, p.1484; ‘The Tartana’, Vol 4, p. 1240. Abdilla Joseph & Joseph Muscat, Ships of the Order of St. John – The Caracca Bono Salvatore, ‘Naval Exploits and Privateering’, Hospitaller Malta - 1530 - 1798. (Ed.) Mallia Milanes, Mireva Publications. 1993., Borg Isabelle, The Maritime Ex-Voto - A Culture of Thanksigiving in Malta. Heritage Books. 2005. Dauber Robert L., Die Marine des Johanitter-Malteser-Ordens. H. Weishaupt Verlag, Graz. 1989. Cutajar Dominic & Cassar Carmel, ‘Malta’s Role in Mediterranean Affairs: 1530 - 1798’. Malta - Studies of its Heritage and History. Mid-Med Bank Limited. Dauber Robert, ‘A Rediscovery of the first contemporary and authentic picture of the Great Carrack Sant’Anna of Malta (1535)’, in Sacra Militia. issue no 4,2004. Grima Joseph, ‘Rowers’, Melita Historica Vol XIII, no 2. Grima Joseph, ‘ ‘‘Gente di Capo’’ on the Galleys of the Order in the first half of the 17th Century’, Hyphen Vol II, 1979. Grima Joseph, Mainetenance of the Order’s Galley, The Sunday Times of Malta, July 19, 2020. Grima Joseph F., ‘Galley Replacements in the Order’s Squadron’, Melita Historica, Vol. VIII. The Historical Society Malta. 1980. Muscat Joseph, Il-Flotta ta' L-Ordni Ta' San Ġwann, (Pubblikazzjonijiet Indipendenza, Malta).2000. Muscat Joseph , The Carrack of the Order. Muscat Joseph, The Maltese Vaxxell, (1999). Muscat Joseph, ‘Le xprunara - un bâtiment traditionnel maltais’. Neptunia, no. 185. Les Amis du Musée de la Marine, France. Muscat Joseph, ‘The Maritime History of Malta’, Malta Roots of a Nation. Ed. Gambin Kenneth. Heritage Malta. 2004. Prins A.H.J., In Peril on the Sea, Said International Ltd. Quintano Anton,The Maltese Hospitaller Sailing Ship Squadron 1701-1798. Testa Carmel, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books. 1989. Vassallo Carmel, Trade in 18th century Malta, The Sunday Times of Malta, June 12, 1994. Wismayer J.M. Captain, ‘The Privateers of Grand Master Pinto (1764)’. Malta Year Book, 2006. Wismayer J.M. Captain, ‘The war galleys of the Order of St. John’, The Sunday Times of Malta, November 8, 1992. Hajr lil Joseph Abela, uffiċjal inkarigat mill-mudelli tal-bastimenti fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, u President tas-Socjetà Storika tal-Isla, għall-għajnuna tiegħu. * * *
Fantastic very interesting.
LikeLike