Il-bniedem hu kkondizzjonat mit-temp ta’ kuljum u dak staġjonali aktar milli jaħseb hu.Dan hu minnu, aktar u aktar meta wieħed jgħix fuq gżejjer żgħar bħal ma huma l-gżejjer Maltin, fejn il-bidla tat-temp tinħass tista’ tgħid kontinwament.
Meta nxebbhu il-burdata ta’ dak li jkun, din inqabbluha mat-temp; kemm jekk wieħed ikun qam f’burdata tajba kif ukoll jekk bil-geddum. Ngħidu, ‘dak illum riħ fuq’ jew inkella ‘donnu riħ isfel’. Ir-riħ fuq jindika riħ li ġej normalment mill-Punent jew mill-Majjistral, riħ frisk u pjaċevoli; ir-riħ isfel hu dak tan-Nofsinhar u li bih tħossok skomdu jekk mhux imdejjaq ukoll.
Kemm il-bdiewa, is-sajjieda u l-mara tad-dar meta trid tonxor fuq il-bejt, dejjem jagħtu każ tat-temp u l-aktar l-irjiħat. L-irjieħ kienu ta’ importanza kbira, l-aktar għall-baħħara, qabel aktar mil-lum, meta l-bastimenti kienu għadhom tal-qlugħ, kemm minħabba n-navigazzjoni b’aktar ħeffa kif ukoll biex ikunu evitati l-perikli ta’ xi maltempata.
Hawn ser nagħti ġabra ta’ termini marbuta mat-temp li jien sibt u li ppublikajt fl-Enċiklopedija ta’ din il-website. Fl-ispjega mhux qiegħed nillimita ruħi biss għat-tifsira tal-kelma bħala fattur tat-temp, iżda anki bħala mod ta’ kliem fil-konversazzjonijiet l-aktar fil-kuntest folkloristiku.
Il-lista tat-termini hi mqiegħda b’mod alfabetiku biex iżomm mal-istil tal-Enċiklopedija tal-website.

*
BEWL IL ĦMIR A. de S. jiktibha […] Bewl el hhmir: ’[…] nebbia dal Cielo caduta, da se stessa dannosa che guasta ed annorba la solla, essendo ancora in terra verdeggiante […]’. Sors: Damma.


GĦARAJJEX Sħab irqiq fl-ajru li normalment jidher min-nofs Awwissu ’l quddiem. Magħrufa wkoll bħala l-‘Għarajjex ta’ Santa Marija’ għax dan is-sħab jibda jidher għall-ħabta ta’ din il-festa li taqa’ fil-15 ta’ Awwissu. Dan jagħti wieħed x’jifhem li wasal iż-żmien li l-ajru jibda jiffriska xi ftit.

NAR TA’ SANT’IERMU Dan hu fenomenu tan-natura li jseħħ meta sajjetta tolqot xi oġġett fuq l-art, jew xi arblu tal-bastiment u tipproduċi enerġija tal-elettriku. L-isem, Nar ta’ Sant’Iermu ngħata minħabba li Sant’Iermu kien meqjus bħala l-qaddis protettur kontra l-maltempati, l-aktar fuq il-baħar. L-istorja ta’ dan il-qaddis tgħid li darba minnhom, hekk kif dan kien qiegħed jipprietka, faqqgħet sajjetta u din għal ftit ma qatlitux. Sant’Iermu jew Sant’Erasmus (bit-Tal. Sant Elmo) kien isqof ta’ Formiae, l-Italja. (miet fis-sena 303 W.K.)

PROVENZATA Agius de Soldanis, fid-dizzjunarju tiegħu, Damma tal Kliem Kartaginis mxerred fel fom tal Maltin u Għaucin (ċ. 1750 – 1768), jgħid hekk: Tempesta, temporaccio. […] cosí chiamata viene ogni tempesta che viene dalla parte occidentale. Riefnu. Nassumi li din hi wkoll rif. oħra għall-Majjistral li jonfoħ mill-‘wied’ tal-Mistral fi Provenza, Franza. Nafu kemm dan ir-riħ jista’ jkun qawwi u jġib miegħu temp frisk fir-rebbiegħa, u bard kbir jekk jaħbat jagħmel fix-xitwa.
QARŻUT Tip ta’ riħ qawwi.
QIERAĦ Tingħad l-aktar biex tesprimi l-kundizzjoni ta’ temp kiesaħ jew temp sħun ħafna. Ngħidu, ‘is-sajf il-qieraħ’ – jiġ., l-eqqel tas-sajf, jew, ‘fil-qieraħ tax-xitwa’.

RIĦ IL-ĦAMSIN Riħ li hu magħruf sew għat-trab ħamrani u fin li jkaxkar miegħu mid-deżert tas-Saħħara. Dan ir-riħ, magħruf sewwa fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, kultant jilħaq anki lill-gżejjer Maltin kif ukoll l-Ewropa, u jikkawża maltempata tar-ramel li tagħmel il-viżibiltà ħażina. Ġieli ngħidulu, ‘xita tar-ramel’. Fid-dinja Għarbija dan ir-riħ hu magħruf bħala Riħ il-Kħamsin għaliex dan idum jippersisti għal 50 jum, biss, f’Malta dan ir-riħ norm. idum biss jum jew tnejn.
RWIEGEL (pl. ta’ regola) Fil-folklor Malti l-irwiegel kienu ‘ir-regoli’ li bihom kien jitbassar it-temp tas-sena waqt l-aħħar 12-il ġurnata ta’ qabel il-Milied. Il-bdiewa kienu josservaw u jippruvaw ibassru t-temp tas-sena l-ġdida bis-saħħa tal-irwiegel. Dan kien isir billi kienu josservaw it-temp ta’ kull jum ta’ bejn it-13 u l-24 ta’ Diċembru. Skont it-temp ta’ kull ġurnata kien jitbassar it-temp ta’ kull xahar tas-sena l-ġdida. Eż., jekk l-ewwel jum tal-irwiegel, jiġ., dak tat-13 ta’ Diċembru, jinzerta xita, dak kien ifisser li Jannar kellu jkun temp bix-xita wkoll. L-istess stima tingħata lil kull xahar tas-sena skont it-temp ta’ kull jum li jinzerta matul l-irwiegel.
TRAVERSIJA Kull tip ta’ riħ li jonfoħ għal ġewwa l-port.
VUNGLU Terminu li jużaw l-Għawdxin għal riħ li jkun ġej mil-Lbiċ. Riħ kontinwu li jġib miegħu sħab fl-għoli li jersaq lejn il-Grigal. L-Għawdxin jgħidulu wkoll, riħ ivvinglat. Il-kelma ġejja mit-Taljan, vincolo, li tfssier rabta, u x’aktarx mill-Isqalli vinculu. Dan għaliex it-temp qisu jibqa marbut mal-istess direzzjoni.
XMIL / XMIEL Riħ mit-tramuntana; riħ li ġej minn fuq il-baħar. Oriġ. Għ. شمال (pronunzjata xamal) li tfisser Tramuntana.
ŻINŻIFRU Riħ mill-Majjistral li jxoqq il-għadam. Riħ li jinħass dieħel minn barra għal ġewwa, kultant minn bejn ix-xquq ta’ xi tieqa jew bieb. Kurrent kiesaħ tar-riħ li jdejjaq lil dak li jkun. Sqal. zenzifaru. A. de S. u M.A.V. Sors: E.S.I.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
ŻENŻLA (pl. żnieżel) Agius de Soldanis jispjega din il-kelma semitika bħala: ‘saetta, ciocciola, folgore. Ara: ŻILŻA.
Fuq il-baħar, hemm nomenklatura hi differenti u suġġettiva għall-pożizzjoni tal-mirkeb kif ukoll tal-għajn tal-baħħar innifsu. Dawn huma xi ftit termini meħuda mill-ktieb ta’ Joseph Caruana, Termini Nawtiċi u Tagħrif Marittimu Lokali:
Riħ impruwa – riħ li ġej minn quddiem tal-bastiment.
Riħ impoppa – riħ li ġej min wara l-mirkeb.
Riħ furan – fewġa riħ li tonfoħ minn fuq il-baħar.
Riħ l-art – riħ ta’ filgħaxija li jkun ġej minn fuq l-art.
Riħ skaċċent – riħ li ġej imġenneb mill-pruwa tal-mirkeb.
Riħ ħażin – riħ li ġej mill-kuntrarju u li ma jħallix il-qoxra tal-baħar timxi.
Il-qawwa tal-irjieħ huma klassfikati fuq l-iskala Beaufort kif ġej.
FORZA Mili nawtiċi TIP tar- RIĦ
0 0 Kalm 1 1-3 Riħ ħafif ħafna 2 4-6 Żiffa ħafifa 3 7-10 Riħ ħafif 4 11-16 Riħ moderat 5 17-21 Riħ pjuttost qawwi 6 22-27 Riħ qawwi 7 28-33 Rih qawwi ħafna 8 34-40 Riefnu (Ing. gale) 9 41-47 Riefnu qawwi 10 48-55 Riefnu qawwi ħafna 11 56-63 Riefnu vjolenti 12 64+ Urugan
Martin Morana
11 ta’ Settembru 2020
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
Sorsi ta’ informazzjoni li rriferejt għalihom:
Aquilina J.A., Dizzjunarju Malti - Ingliż. Midsea Books Ltd. 1987.
Attard Anton F., Mill-Ħajja ta' L-Imgħoddi - Tagħrif Folkloristiku minn
Għawdex. Stampat A+M. Printing, Għawdex. 1991.
Busuttil Kalepin - (Damm il-Kliem Malti Ingliż). St Joseph Printing Press. 1941.
Caruana Joseph, Termini Nawtici u Tagħrif Marittimu Lokali. BDL. 2019.
Cassar Pullicino Joseph , Studies in Maltese Folklore. Malta University
Press, 1992.
Ġużi Gatt, Qiegħda fil-Ponta ta’ Lsieni. Klabb Kotba Maltin, 2005.
Agius de Soldanis, Damma tal Kliem Kartaginis mxerred fel fom tal Maltin u
Ghaucin. (Ed. Rosabel Carabott. (Diversi pubblikaturi flimkien). 2017.
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. 1974 - 1989.
Vella Tomlin: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, R. Vella Tomlin.
Ħajr lil Joe Morana għal bosta informazzjoni li għaddieli.
