A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
LAQMIJIET
Hekk kif rajtek xebbahtek
Fil-film Snow White, kull wieħed min-nani kellu ismu mqabbel mal-karattru u l-manjieri tiegħu. Hekk insibu lil, Grumpy, (dak li jeqred dejjem) Dopey (il-fidil), Doc (it-tabib?), Happy (il-ferħan), Bashful (il-mistħi), Sneezy (dak li dejjem jagħtas) u Sleepy (dak li dejjem b’ingħas). Attributi ċari aktar minn hekk mhux ser issib.
Fil-ħajja vera, il-manieri ta’ kulħadd biż-żmien jindraw minn dawk tal-madwar u l-kelma tiġri. Il-Malti jgħid, il-bniedem jingħaraf minn għemilu. Bosta nies huma aktar magħrufin b’xi aġġettiv, jew aħjar, b’laqam milli b’isimhom minħabba l-mod kif iġibu ruħhom. Biex nagħti eżempju, kont naf wieħed li kienu jgħidulu s-Sinċier għax bniedem onest, u ieħor li kien magħruf bħala s-Seba’ Snin ta-Għaks, għax kien xħieħ. Mela l-aġġettiv isir laqam li qisu jeħel ma’ dak li jkun għomru kollu. Jgħidu, ‘agħtini l-fama u tfgħani l-baħar’.
Hawn ser nittratta bosta aġġettivi li kienu jing]ataw matul is-snin. Bosta minn dawn saru stereotipi. Xi wħud nafuhom – xi wħud huma pjuttost strambi u mhumiex faċli li tifimhom, l-aktar għax antiki u ntesew. Xi wħud minnhom immarkajthom b’asterisk u spegajthom aktar ’l isfel. Jekk hemm xi dubju dwar oħrajn, dawn tista’ ssibhom fil-paġni tal-enċiklopedija ta’ din il-website skont l-ittra tal-bidu tal-kelma.
Xebh li juri n-natural mill-mod ta’ kif wieħed jippreżenta ruħu
ALAŻMANFUTT* - BABBU - BAĦBUĦ - BALALU - BAŻLOKKU* - BAŻUŻLU* - BEĠEJĠU - BENEPLAĊTU - ĊABATTIN - ĊAĊĊARUN - ĊAKKAR - ĊAFLANGU - ĊAPSA - ĊELLAQ-BIEBU* - ĊEPĦA - ĊUPLAJS / ĊOPLAJS* - ĊUĊ - ĊERĊUR/A* DENDUL* - DERWEX - ERŻIN* - ĠABAS / ĠABSA* - GADAJDU / GADAWDU - ĠAĦAN - ĠIFA* - GEDUDU - ĦAJBU* - ĦORR* - KAĊIĊU* - KUMMARI* - MAŻETTA* - MUSTAĊĊUN* - NAJXU / NAXXU - PAĊOĊĊ/ PAĊOĊĊU - PEJTER*- QLUQI* - QREJWEŻ* - KAJMAN - SANTAFJAKKA - XEWWIEL* - ŻMAJMOĊĊ*.
Xi ħadd li hu stuż jew ta’ karattru ħażin
BANAVAKK* - BUĠĠARRUN - DISKLU - FAKKINAZZ - FERGĦUN - GIDDIBUNAZZ - GIMES* - MALANDRIN -
PERĊIMES - PRINĊIPJANT - QAĦBUNAZZ* - KAFFARI* - MAQTUX* - SANANIKK* - SENTIKKA*
- ŻAGĦKI* / ŻANKA - ŻENNEJ / ŻERRIEKI* - ŻIEMLUNAZZA.
Karattru antipatiku
ASPRU - AŻŻMU - BADBADI - BARDAXXA* - BAŻOKK/A* - ĊAĊU - DANDALUN * -
FANFARUN - FARRAXKA* - FONQLA - FRAXKETTA - GĦAŻŻIENAZZA - ĦALI - INĠAZZ -
INTAMAT - KAKKMU - KORNUT - LHUDI - MQIT - MOQRAN - PALADIN - PAMPALUN -
PEĊLUQ - PITTMA - PUNTILJUŻ - QAJŻ / QAJŻU - QAMMIEL - QAMMIESA - QANŻĦA -
QONSRU - SANSAFIDI / SENSAFIDI - SANTARELLINA -SAPPITUTTU - SIFISENT -
SKAMIĊJAT*- SKAMPLU - SKAPLU - SMAĊTU/SMAJĊ / ŻMAJĊ * SMARĠASS / ŻMARĠASSAT*- STRADIKATUR / STRADIKAJR - STRAFUTTENT* STRAMAN * - TELLERITA - WESWIESI -
- ŻOTKU.
TIFSIRIET TA’ XI WĦUD MINN DAWN L-AĠĠETTIVI / LAQMIJIET
* ALAŻMANFUTT Appel. li kien jingħad fl-Isla, u li jirriferi għal xi ħadd li hu traskurat. Etim. a la + żman(ġat) futt (fotta). Qab. mat-Tal. strafottente. Sors: J.A.

* ALZA-POĠĠA Appel. għal xi ħadd li ħajtu jqattagħha fl-għażż. Bniedem li ngħidulu wkoll ‘manġapassiġġa’. Bniedem li ma għandux x’jagħmel. Sors: J. Aquilina.
* BANAVAKK Rif. għal xi ħadd makakk u brikkun. Fir-rumanz Raġel bil-Għaqal, p.106, Ġużè Galea jgħid hekk: ‘…ta’ makakk li kien dak il-banavakk malajr xamm li seta’ jikseb kemxa ġmielha’.
* BARDAXXA / BARDAXA (pl. bradax) Qaħba. Kelma oħra għall-istess nom hi ‘żagħka’. Bniedem żagħżugħ jew żagħżugħa li jgħix ħajja ħażina mingħajr skrupli; nies ta’ bla mistħija. Etim. Sqal. bardascia li tfisser l-istess.
* BAŻOKK/A Wieħed li f’għajnejn in-nies ikun irid jidher li hu qaddis, biss minn taħt jagħmel affarijiet mhux xierqa. Bniedem ipokrita. Dan l-appel. ġej mit-Tal. bizocche.
* BAŻUŻLU Rif. għal xi tfajjel li jkun maħbub ħafna mill-familja tiegħu. Tifel imfissed. Illum dan it-terminu jintuża b’rif. għal xi ħadd li jkun midħla ta’ xi partit politiku jew inkella li hu megħjun fil-ħtiġijiet tiegħu min-nies fil-poter. Sqal. basusulu – Tal. grazzosetto. Beżużlu, M. tifel grazzjuż. M.A.Vassalli. (1796): carezze per bambini o animali domestici. It. carino, bellino.
* ĊABATTIN Skarpan. Appel. li jirriferi b’mod dispreġġjattiv għal xi ħadd li xogħlu jagħmlu bl-addoċċ u kif ġie ġie. Tal. ciabattino – M. skarpan. (Għad irrid nifhem għaliex meta wieħed jipparaguna xi ħadd li ma jagħmilx xogħol tajjeb iqabbluh ma skarpan – bniedem li jagħmel xogħol ta’ reqqa).
* ĊAĊĊARUN Wieħed li jħobb jiċċaċċra u jgħid ħafna, jew jiftaħar bosta. Etim. Il-kelma ġejja mit-Tal. chiacchiarone.
* ĊAKKAR Persuna daqsxejn lura minn moħħha u li ma tlaħħaqx mal-oħrajn. Bniedem li jilbes żmattat. Bniedem kampanjol. Bniedem li jħobb idaħħaq. Sors: Kalepin (1900). Sqal. Chaccaru; Span. Chaccarero, bniedem li jaħdem fl-għelieqi. Sors etim: J.A.
* ĊELLAQ-BIEBU Bniedem liebes żmattat. Sors: Dizionario Maltese-Italiano-Inglese, B. Falzon (G.B.F., 1845).
* ĊEPĦA Tingħad għal xi ħadd tqil u li mhux kapaċi jiċċaqlaq malajr. Simili għall-kelma ‘ċapsa’. Ara: ĊAPSA.
* ĊERĊUR Bniedem li jċerċer fit-toroq; tallab. ĊERĊURA Norm. dan l-appel. jingħad għal xi mara ħamalla. Tal. mendicante (M.A.Vassalli 1796).
* DENDULA/I Rif. għal xi ħadd li jħobb jintelaq fil-mod kif jilbes. Ċerċur/a. Persuna li tilbes żmattata u tkun maħmuġa. Mara minn soċjetà baxxa u ta’ moral ħażin. Qaħba. Sors: E.S.I. u Damma.
* ERŻIN Appellattiv għal xi ħadd modest. (Damma.)
* FARRAXKA Appel. għal xi mara li tkun ta’ karattru li bih iddejjaq in-nies. Xi ħadd li jħobb jiftaħar b’rixu u jħobb juri dak li għandu. Etim. dubjuża. Sors: J.A.
* ĠABAS / ĠABSA Xi ħadd li hu tqil u goff fis-sura tiegħu u li jsibha diffiċli biex jiċċaqlaq. Bniedem li jaqa’ mix-xejn. Espr. ‘Donnu ġabas’. Qab. Għ. ġabus – M. bniedem li ma jiswa għal xejn. Sors: J.A.
* GIMES Bniedem li jilħaqlu ħafna. Laqam ieħor għax-xitan; moħħ imxajtan. A. de Soldanis. jagħti l-espr. ‘Aħżen int minn gimes!’ L-oriġinal aktarx huwa participju attiv: giemes, giemsa, gemsin. M.A.V. jgħidlu gimeż, ‘aħżen int mill-gimeż, uomo astuto; uomo singolare per malizia.
* ĦAJBU, Il- Laqm għal xi ħadd li jiġġerra mat-toroq, ħafna drabi maħmuġ u bi ħwejġu żdingati. Qabb. il-kelma bl-Ing. hobo li x’aktarx ġejja minn Hoe Boy, appellattiv li beda jintuża fl-Amerka, fin-naħa ta’ Kalifornja, madwar l-aħħar tas-seklu dsatax, biex jirreferu għal dawk in-nies li kienu jiġġerrew minn post għall-ieħor ifittxu x-xogħol. Idj: ‘Dak dejjem qisu l-Ħajbu – rif. għal xi ħadd li ma għandux fejn joqgħod u li dejjem jiġġerra ’l hawn u ’l hinn. Din il-kelma kienet tintuża biex ibeżżgħu lit-tfal – eż. ‘Ara ġej il-Ħajbu għalik’. Mas-snin jidher li kien hemm diversi individwi li kienu jgħidulhom il-Ħajbu, wieħed minnhom minn Bormla, ieħor minn Ħaż-Żabbar u ieħor minn Ħal Għaxaq. Ara: Snajja’ u Xogħol il-Maltin, It-Tieni Volum, ta’ Paul P. Borg, pp. 260-262, fejn hemm artiklu fuq il-Ħajbu ta’ Bormla.
* ĦORR Aġġ. li jirriferi għal xi ħadd liberu, bniedem ħieles. A. de S. iżid li din il-kelma sservi ta’ appellattiv għal bniedem ta’ unur, jew bniedem nobbli. Skont M.A.V. (1796) dan hu appel. li jgħodd għal xi ħadd tal-affari tiegħu u onest.
* KAĊIĊU / KEĊIĊU Appel. li jingħata lil xi ħadd li għandu xeħta ta’ xi wieħed belhieni. Etim. Kalabriż caciciu li tirriferi għal xi ħadd li għandu għajnejh marradin u li dejjem idemmgħu. Bil-Kalabriż din hi rif. wkoll għal xi ħadd li ma jarax sew.
* KAFFARI Bniedem kiefer.
* KUMMARI Pl. kummarijiet. 1. Ġara li dejjem lesta li tgħin lil ħaddieħor. 2. Qabla. Sqal. cummari, donna che tieni altrui. Sors: J.A. Temi Zammit juża din il-kelma fl-istorja, ‘Pina’, ‘[…] qajmuni mas-sebħ inġib il-kummari għal Tonina tal-Gadraj.

* MAQTUX Bniedem makakk. 2. Bniedem li jaf ikun pjaċevoli u li jiġbdek bil-manjieri tiegħu.
* MAŻETTA Tingħad għal xi ħadd li ma jkunx kapaċi f’xogħlu. Bniedem injurant u li jgħid ħafna ħmerijiet. Oriġ. etim. dubjuża. Fr. massette – M. mazza li tintuża fil-barrieri, eċċ. Wieħed jista’ forsi jqabbel din il-frażi ma’ oħra fis-sens li tingħad: ‘tkunx tuba!’ Fr. mazette personne sans capacité.
* MUSTAĊĊUN Attribut għal xi ħadd ta’ esperjenza kibra. Ngħidu, ‘raġel mustaċċun’.
* PEJTER Ngħidu, ‘Qisu pejter’, qisu ġabas. Bniedem mitluq u li jsibha bi tqila biex jitħarrek. Etim. dubjuża.
* QAĦBUNAZZ Appel. għal min ifittex in-nisa biex ikollu x’jaqsam magħhom sesswalment. Fig. bniedem li jfittex il-ħażen; bniedem makakk; bniedem li mhux ta’ min jafdah.
* QLUQI (D.) Bniedem instabbli u li ma jafx joqgħod f’post wieħed. Bniedem li jivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor; annimal li jimigra minn post għall-ieħor. Xi ħadd li jbiddel ħsiebu ta’ spiss. Qawl: Ġurdien qluqi qatt ma sar far. Sors: E. Serracino Inglott.
* QREJWEŻ Appel. mogħti lil xi tifel żgħir imqarqaċ. Xitan żgħir. Kelma li x’aktarx ġejja mill-verb ‘qarweż’ – jiġ., qata’ x-xagħar bil-mus, tant li dak li jkun jispiċċa qargħa basila. Sors: E.S.I.
* SANANIKK Laqam mogħti lil persuna li tkun pjuttost qsajra u li moħħha jilħqilha sew. E.S.I. jgħid li din il-kelma semagħha tingħad fil-Birgu fis-snin għoxrin. Carmena Chetcuti ta’ 94 sena mill-Birgu, tgħid li dan il-laqam kien jingħad fil-femminil, jiġ., SANANIKKA, rif. għal kull min iseksek fuq in-nies.
* SMARĠASS / ŻMARĠASSAT Bniedem minfuħ bih innifsu. Bniedem fanfru. Wieħed li jħobb jagħmilha tal-bravu. Appel. li jintuża minn Herbert Ganado fl-ewwel ktieb tiegħu Rajt Malta Tinbidel, p. 78: ‘[…] Spiru kien ġuvni ta’ 30 sena, twil u smarġass […]’, u f’paġna 135: ‘[…] il-vuċi xterdet, bi nkejja ta’ dawk l-ismarġassati kollha li kienu jiftaħru […]’. Etim. Tal. smargiasso. Oriġ., Gr. margos – M. miġnun.
* STRAFUTTENT Bniedem li jaqa’ u jqum minn kulma jiġri madwaru. Bniedem li ma jimpurtah xejn minn ħaddieħor. Tal. strafottente.
* STRAMAN Aġġ. Raġel ta’ waħdu, li ma jitħallatx man-nies. Bniedem li jgħix xi mkien għar-rasu.
* XEWWIEL Bniedem li jiġġerra ‘l hawn u ‘l hinn. Vagabond.
* ŻAGĦKI/A Appel. ieħor għal ‘qaħba’. Qawl: Kull żagħka għandha ’l ġakkha (min jipproteġiha). Ara: ĠAKK. ŻAGĦKI Bniedem ta’ ħażen kbir; bniedem li jgħix mal-konkubina tiegħu. Ara: BARDAXXA. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 144.
* ŻMAJMOĊĊ Tifel imqareb; bniedem b’temperament instabbli u li taqbiżlu malajr. Tal. smammuccio.
* ŻOTKU Persuna ta’ natural vulgari, żorr u rozz. Etim. Tal. isolata. Sors Etim: J.A.
* * *
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
