Il-BANDIERA MALTIJA – bejn leġġendi u fatti

Informazzjoni dwar kif inħolqot l-bandiera ta’ Malta matul is-sekli – skont il-kitbiet imxerrda li sibt fuq is-suġġett.  

Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/

Sal-lum, ħafna għadhom jemmnu li l-kuluri tal-bandiera Maltija ngħataw lill-Maltin mill-Konti Ruġġieru, meta dan ġie Malta fl-1091, u ħelisna mill-ħakkiema Għarab-Musulmani. Din l-aneddota li nħolqot bejn wieħed u ieħor f’nofs is-seklu dsatax tirrakkonta kif il-Konti Ruġġieru ppreżenta l-kuluri abjad u aħmar, parti mid-disinn tal-bandiera tiegħu, lill-Maltin meta dawn għamilhom sudditi fidili tar-renju tiegħu. Dan mhu minnu xejn. Din hi waħda minn ħafna stejjer li nħolqu dwar il-miġja tal-Konti Ruġġieru li ħadu l-forma ta’ leġġendi popolari. Din l-istorja intant infirxet aktar meta bdiet tidher fil-kotba tal-istorja, fosthom l-Outlines of Maltese History, ta’ Rev. S. Laspina (1943).

count R 10107_074622
Disinn fil-ktieb Outlines of Maltese History

Dwar din l-aneddotta finta, nibda biex ngħid li għadha qatt ma nstabet tpinġija awtentika tal-perijodu Normann li tikkonferma li l-Konti Ruġġieru kellu l-bandiera jew xi standard b’kuluri kkwadrati ħomor u bojod. Anqas minn hekk, qatt ma nstabet tpinġija jew xi kitba tal-istess perijodu li turi li xi bandiera kienet rikonoxxuta bħala simbolu tan-nazzjon Malti.

Mela, meta u kif inħolqot il-bandiera Maltija? U għaliex għandha l-kuluri aħmar u abjad? Għalissa qiegħed inħalli barra l-George Cross – dan niġi għalih aktar tard. Nibda biex ngħid li għal sekli sħaħ, prattikament sas-seklu għoxrin, il-Maltin qatt ma seta’ jkollhom il-bandiera tagħhom, għaliex Malta kienet dejjem maħkuma bla waqfin minn ħakkiema u potenzi barranin. Dawn żgur li ma kienux ser iħallu l-Maltin ikollhom xi bandiera, simbolu ta’ pajjiż sovran.

polyptic 0108_123259 - Copy
Il-poliptiku b’xeni mill-ħajja ta’ San Pawl, Mużew tal-Katidral, l-Imdina.

Mill-eqdem dokumuntazzjoni – almenu sa fejn nafu s’issa – il-kuluri abjad u aħmar magħqudin flimkien bħala simbolu eraldiku jidhru għall-ewwel darba fuq żewġ pannelli, li jagħmlu parti minn poliptiku ddedikat lill San Pawl, li l-Katidral tal-Imdina kellu mdendel wara l-altar maġġur. Skont l-esperti, il-poliptiku kien magħmul mis-segwaċi ta’ Lluis Borassa, pittur Katalan famuż (1360 – 1424).  Fl-istess poliptiku hemm żewġ armi identiċi fuq kull waħda minn żewġ panelli. Din l-arma tirrepeti ruħa  fuq bosta oġġetti oħra fl-istess Katedral, bħal:

  • Fuq il-fonti tal-magħmudija tal-Katidral.
  • Fuq il-bieb li jagħti għas-sagristija fil-Katidral (1520).
  • Fuq il-faċċata preżenti tal-katidral (1702).
  • Fuq arma tal-injam li hemm fil-Mużew tal-Katidral. Din x’aktarx ġejja minn binja ta’ dar privata fl-Imdina u għad għandha l-kuluri abjad u aħmar fuqha.

Jista’ jkun li dawn is-simboli huma wara kollox, l-arma tal-Katidral. Biss jista’ jkun ukoll li l-arma eraldika tirrapreżenta persuna / familja nobbli influwenti u sinjura li kkumissjonat dawn l-oġġetti ta’ arti għall-Katidral, u kif kienu jagħmlu ħafna, ġiegħlet li titpinġa l-arma tal-familja bħala rikonoxximent. Jista’ jkun ukoll, wara kollox, li kien il-Kunsill (l-Universitas) tal-Imdina li kkummissjona dawn l-oġġetti biex iżejnu l-Katidral u għalhekk il-Kunsill ried li tidher l-arma tiegħu.

Arma tal-Imdina 0210108_123414
Mużew tal-Katidral, Imdina

Hu xhinu, jidher li matul iż-żmien, kienet din l-arma li spirat il-kuluri tal-bandiera Maltija. Intant, il-kuluri ta’ din l-arma jidhru għall-ewwel darba fuq bandiera tperper fi tpinġija li Mattia Preti pinġa fl-1688 – din it-tpinġija turi l-attakk li s-Saraċeni għamlu fuq l-Imdina fl-1429. Naturalment, matul iż-żmien li l-Ordni kien jiggverna ’l-Malta, dejjem ittajret biss il-bandiera tal-Ordni fuq il-binjiet u x-xwieni; din kienet bandiera bis-salib abjad fuq sfond aħmar. Dan jindika li l-bandiera kif pinġiha Mattia Preti, bniedem li kien tant qrib l-Ordni, kienet qed tirrapreżenta biss lill-Kunsill tal-Imdina li kellu d-dritt li jtella din il-bandiera fuq is-swar tal-istess belt.

attack on mdina 1492 m preti -close up
Tpinġija ta’ Mattia Preti – innota l-bnadar bojod u ħomor

Meta l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi u ħatfu l-Imdina taħt idejhom dawn tellgħu bandiera bajda u ħamra. Hawn ukoll, il-fatti jindikaw li dawn il-kuluri kienu qed jirrappreżentaw lill-awtorità tal-Mdina li naturalment kienet tispikka fuq kull awtorità Maltija oħra.

Aktar artikli mill-istess awtur  …  https://kliemustorja.com/

Meta Alexander Ball u General Graham ħadu f’idejhom l-imblokk ta’ kontra l-Franċiżi, kienet ittellgħet il-bandiera tar-Re ta’ Napli u Sqallija, għax dak iż-żmien Malta suppost kellha leġittimament tmur lura bi dritt ereditarju għand ir-Re ta’ Napli, ġaladarba l-Ordni kien telaq minn Malta. Skont l-istoriku Carmelo Testa, il-bandiera Ingliża ittellgħet għall-ewwel darba fid-9 ta’ Jannar 1799, fit-trunċieri tal-milizja, qrib il-Għargħur, b’insistenza ta’ Major General Pigot u kontra r-rieda ta’ Ball. Meta sar il-ftehim tal-kapitulazzjoni tal-Franċiżi bejn Pigot u Vaubois, fil-5 ta’ Settembru tal-1800, l-Ingliżi, megħjuna min xi Maltin tellgħu fuq il-Port de Bombes il-bandiera Ingliża biss. Imkien f’dan il-perijodu ma jissemma li l-bandiera bajda u ħamra kienet qed tirrapreżenta l-Malta.

Matul parti l-kbira ta-seklu dsatax, jiġifieri, fi żmien l-Ingliżi, qatt ma ttellgħet xi bandiera Maltija fuq il-bini, la pubbliku u lanqas privat. Kieku sar dan, kien ifisser disprezz lejn il-monarkija Ingliża. Fi żmien meta l-Maltin riedu biss jgħixu trankwilli taħt il-Pax Brittanica, il-poplu qatt ma kellu aspirazzjonijet għall-indipendenza, u wisq inqas xi xewqa għal bandiera li tiddistingwihom mill-bqija tal-Imperu Ingliż.

Mid-dehra, kien lejn l-aħħar tas-seklu dsatax li xi wħud bdew juru interess li Malta għandu jkollha l-bandiera tagħha. Jista’ jkun li din il-konoxxenza ta’ nazzjon Malti kienet qed tikber, kemm minħabba il-kitba dejjem tiżdied bl-ilsien Malti, kif ukoll minħabba l-inkwiet bejn iż-żewġ fazzjonijiet politiċi Maltin, naħa tiġbed lejn il-kultura Taljana u l-oħra lejn il-kultura Ingliża. Jista’ jkun li kien hemm min beda jifhima li Malta kellha bżonn aktar sens ta’ nazzjonaliżmu pur.

Polka 5281_3772282302793874_750498590018300531_n
Ritratt ġentilment misluf minn  http://abcmusicmuseum.blogspot.com/

Fl-1890, fuq il-faċċata ta’ xogħol mużikali għall-pjanu intitolat, ‘8 Settembre 1565 – Polka Brillante Per Piano Forte’ tidher il-bandiera, x’aktarx Maltija – id-disinn hu monokromu. Sinjifikanti ħafna hu l-fatt li fuq l-istess disinn hemm miktub li dan ix-xogħol sar bl-intenzjoni li jfakkar l-Assedju l-Kbir bħala ‘festa nazionale’ u hu ddedikat lill-Fervido Patriotta Fortunato Mizzi’ li minkejja is-simpatija tiegħu lejn il-kultura Taljana kien meqjus bħala difensur tan-nazzjonaliżmu Malti.  

B’mod ironiku, setgħu kienu l-Ingliż li, kemm kemm aktar tard, b’mod uffiċjali rawmu l-idea li jekk xejn, għandu jkun hemm arma eraldika li tirrapreżenta l-Malta fuq il-Union Jack biex din il-bandiera tindiki ’l-Malta bħala kolonja Brittanika. Fl-1895, Joseph Sylvester O’Halloran, is-Segretarju tar-Royal Colonial Institute, kien talab lill-Gvernatur Ingliż f’Malta biex jibgħatlu l-arma eraldika ta’ Malta biex din tidher fuq bandiera li kienet ser titqiegħed ħdejn bnadar u armi oħra tal-Imperu Ingliż. L-iskop kien li jispikka mal-Ingliżi aktar is-sens tal-glorja imperjalista. Instab li sa dak iż-żmien ma kienetx teżisti b’mod uffiċjali arma ta’ Malta. Għalhekk bdew jiġu ddisinjati bosta armi, daqqa bis-salib tal-Ordni, u daqqa, tarka maqsuma f’żewġ kuluri, abjad u aħmar.

1024px-Flag_of_Malta_(1875–1898).svg                800px-flag_of_malta_1923-1943-svg

Dan il-ħsieb ġiegħel lill-vessikoloġi (jew dawk entużjasti mill-istudju u l-kreazzjoni tal-armi eraldiċi u bnadar), li joħorġu fid-deher il-ħsibijiet tagħhom ta’ kif għandha tkun il-bandiera Maltija li setgħet tintuża biss għal ċertu okkażjonijiet. Fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin, xi gazzetti lokali issa bdew iġibu rappreżentazzjonijiet tal-bandiera Maltija bajda u ħamra. Dawn kienu aċċettati mill-Ingliżi bħala ‘fancy flags’ jiġifieri, biex jiddekoraw biss il-faċċata tal-gazzetti jew affarijiet oħra. Fost dawn il-gazzetti kien hemm id-Daily Malta Chronicle, il-Malta Herald u l-Bandiera tal-Maltin ta’ Manwel Dimech. Intant, ta’ min wieħed jgħid illi Manwel Dimech kien beda jippubblika l-gazzetta tiegħu b’dan l-isem mill-1898. Fl-ewwel edizzjoni tat-8 ta’ Jannar hu kien ppubblika l-poeżija, ‘Sliem Għalik, Bandiera Tagħna’.

bandiera tal-Maltin Hajr Fr Mark Montebello 068048_n
Faċċata tal-gazzetta ta’ Manwel Dimech. ħajr: Fr. Mark Montebello

Xorta waħda fuq il-bini tal-uffiċċji amministrattivi kienet tittela’ biss il-bandiera Ingliża u xejn aktar. Anki meta kien imut xi ħadd Malti ta’ importanza kbira, bħala luttu, kienet tidher biss il-bandiera Ingliża tperper mezzasta. Herbert Ganado fl-ewwel volum tas-serje tal-kotba tiegħu, Rajt Malta Tinbidel, jgħid li n-negozjant tal-ħanut, A la Ville de Londres, għax simpattizzatur sa ruħ ommu mal-Ingliżi, kien itella’ bandiera Maltija li kienet tinkorpora fin-nofs tagħha l-Union Jack. Waqt l-irvellijiet tas-Sette Giugno (1919), il-folla fir-rabja li kienet fiha daħlet fil-proprjetà ta’ dan l-istabbiliment u qaċċtet il-bandiera bl-arblu b’kollox.

Għal din l-istess dimostrazzjoni li saret bħala solidarjetà mal-Assemblea Nazzjonali li dakinhar kienet qed tiltaqa’ il-Belt, u bi protesta kontra l-amministrazzjoni Ingliża, bosta fil-folla kienu telgħu l-Belt bil-bnadar bojod u ħomor’ min imdawra ma’ għonqu, min iżomm id-drapp f’idu. Fost dawn kien hemm Ġiuseppe Bajada, u Lorenzo Dyer li nqatlu mis-suldati Ingliżi. Waqt l-istess dimostrazzjoni xi feruti ddaħħlu fil-każin, Giovine Malta fi Triq Santa Luċija fejn kienet qed issir il-laqgħa tal-Assemblea. Hawn xi ħadd b’mod simboliku u kommoventi xarrab il-maktur abjad tiegħu fid-demm tal-feruti u għajjat: ‘Viva Malta – Din hi l-bandiera Maltija!’

Sette Giugno
Pittura li għamel l-artist Ganni Vella li kien preżenti fis-seduta u ra l-inċident.

Imbagħad, malli fl-1921, Malta kellha l-ewwel Gvern Awtonomu, il-bandiera Maltija bdiet tittellgħa fuq il-bini pubbliku matul il-jiem ta’ festi biss, flimkien u qrib il-bandiera Ingliża.

Fl-eqqel tal-attakki mill-ajru tat-Tieni Gwerra Dinjija, fil-15 ta’ April, 1942, ir-Re Ġorġ VI onora ’l-Maltin bil-George Cross bħala rikonoxximent għall-kuraġġ u tenaċità li l-Maltin kienu qed juru matul il-Gwerra. B’deċiżjoni li ttieħdet fit-28 ta’ Diċembru tal-1943, li l-George Cross issa beda jidher fuq il-bandiera ta’ Malta fuq sfond kaħlani.

20210108_120755

Finalment, il-George Cross kien inkorporat b’mod uffiċjali u kostituzzjonalment fil-bandiera Maltija fl-1964, meta Malta saret indipendenti. L-istess kuluri tal-bandiera u l-George Cross jidhru wkoll fuq l-arma eraldika ta’ Malta indipeneni  u fuq it-tieni intepretazzjoni tal-arma ta’ Malta Repubblika (1988).

Minkejja li għedt dan kollu, inħoss li għad hemm bżonn aktar riċerka biex l-istudju jkun komplut. Jekk taf b’xi informazzjoni oħra nieħu gost jekk taqsamha magħna.

Martin Morana

9 ta’ Jannar 2021

20200526_092344
Bandiera ta’ Malta marbuta ma’ gallarija ta’ dar fi żmien il-pandemija tal-Covid-19 (2020) bħala turija ta’ solidarjeta’.

Ħajr lil Fr. Mark Montebello tar-ritratt tal-ġurnal il-Baniera tal-Maltin u tal-poeżija ta’ Manwel Dimech, li tidher fil-ktieb ta’ Jessica Micallef, Dimech Poeta.

Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/

Bibliografija

Bonello Giovanni, 'Malta's three National Emblems since Independence, What's behind them?'
1964'. Times of Malta, 8 May, 2011.
https://timesofmalta.com/articles/view/malta-s-three-national-emblems-since-
independence-what-s-behind-them.364316
Borg Cardona Anna, ‘The Anna Borg Cardona Music Museum’, 
http://abcmusicmuseum.blogspot.com/
Camilleri J.C. ‘Maltese National Symbols: The National Colours’, Heritage -
An Encyclopedia of Maltese Culture and Civilization, Vol. V. Midsea Books Ltd.
Dalli Charles, Malta The Medieval Millenium, Midsea Books Ltd. 2006.
Frendo Henry, ‘Manwel Dimech - A Biography’. Heritage - An Encyclopedia of 
Maltese Culture and Civilization, Vol. 1. Midsea Books Ltd.
Galea Michael, Sir Alexander John Ball and Malta, Peg Publication, 1990.
Ganado Herbert, Rajt Malta Tinbidel, Vol. I. Interprint. 1977.
Laspina S., Outlines of Maltese History, Aquilina. 1943.
Micallef Jessica, Dimech Poeta, Sensiela Kotba Soċjalisti, 2014.
Testa Carmelo, Maż-Żewġ Naħat tas-Swar, Klabb Kotba Maltin. 1979.
Vella Charlene, The Mediterranean Artistic Context of Late Medieval Malta, 
1091 - 1530, Midsea Books. 2013.
Diversi awturi li kitbu fil 'Il-Bandiera Maltija', (fuljett li ħareġ fin-
Notte Bianca tal-2012). Uffiċju tal-Prim Ministru, Stamperija tal-Gvern.


Għall-aktar artikli fuq l-istorja u l-kultura ta’ Malta kklikkja hawn: https://kliemustorja.com/blog/

Għall-suġġetti oħra u kliem antik ara l-paġni tal-Enċiklopedija:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 

Aktar dwar pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

4 Comments

  1. nahseb li kieku wiehed janalizza ftit skond dan il rakkont l’awtorita ta l’imdina kellha bandiera bajda u hamra, u il kavalliri kellhom il bandiera hamra kollha bis-salib abjad fin -nofs, u f’era ingliza wara il gwerra ghamilna il george cross fil kantuniera fuq l’abjad,
    jien tal femha li il -bandiera ghandha tkun bajda u hamra ,imma il-george cross isier fin nofs tal kulur abjad, u u salib abjad tal kavalliri fin -nofs tal kulur ahmar,
    wara kollox il kavalliri hallewlna patrimoju kbier ,u linglizi ukoll hallew xi marki storici sbieh f’MALTA.
    B’hekk l’uliedna jibqghuw jiftakru minn xix ghadda pajjizna.
    grazzi.

    Liked by 1 person

    1. Jien għalija inħalluha kif inhi għaliex fil-waqt li it-tnejn huma barranin, il-George Cross ingħata għall-qlubija ta’ missierijietna fl-aħħar gwerra. Għalhekk il-GC għandu preċedenza fuq is-Salib tal-‘Mercanti di Amalfi’. Fil-fatt Amalfi kienet waħda mill-erbat ibliet marittimi fl-Italja li huma kollha irraprezentati fuq il-bandira tal-Qawwa Navali Taljana inkluz dak li insejħulu s-salib tal-Kavalliri/Salib ta’ Malta. Dan ma ingħatax lill-Maltin bħal ma ingħata il-GC. Ta’ min jiġbed l-attenzjoni li l-GC ma għadiex tinkiteb wara l-isem Malta. Iġifieri Malta GC.

      Like

  2. Meta kont alliev il-Liċeo tal-Ħamrun lejn tmiem is-snin ħamsin, konna nirreferu għall-ktieb ta’ Laspina bħala “Fairy Tales of Maltese History” għax kien mimli b’tagħrif imxaqleb sfaċċatament lejn il-ħakkiema Ingliżi. Iż-żmien tal-Franċiżi trattat b’mod meskin u l-aħħar Granmastru – li kien Ġermaniż – għal ftit ma pinġieħx bħala xi beżżiegħ! Is-seħem tal-Maltin waqt l-imblokk ma jingħatax importanza. Ma jsemmix li ebda Ingliż ma ta ħajtu fit-taqbida, eċċ., eċċ. Rigward it-tqegħid tal-George Cross fuq il-bandiera, jidhirli li din kienet deċiżjoni tal-Gvernatur Gort; il-Maltin ma kellhom xejn x’jaqsmu. Tħalla hemm fl-1964 (indipendenza) u fl-1974 (republika) mhux għax il-Maltin rieduh iżda għax il-gvernijiet ta’ dak iż-żmien beżgħu li jitilfu l-voti. Tant hu hekk li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid li l-kuluri abjad u aħmar huma ‘entrenched’ u jistgħu jitneħħew biss b’votazzjoni ta’ żewġ terzi fil-Parlament filwaqt li l-George Cross ma jgawdix minn l-istess protezzjoni u jista jitneħħa b’maġġoranza sempliċi. Kien jaf x’qed jagħmel il-Prof J.J.Cremona… ma kinitx b’kumbinazzjoni li ħalla din it-tieqa.

    Like

    1. nahseb li rigward il kuluri abjad u ahmar kull malti u ghawdxi jaqbel li dawn ghandhom jibqghuw kief inhuma ,rigward is slaleb kemm dak tal kavallieri u il goerge cross. huma zgurr diskututbli jekk inhallux kollox kief inhu jew inzidux jew inehhu kollox.
      pero naqbel ma decissjoni li ha il habriki Prof J,J, Cremona li halla dik it-tieqa fil kustituzzjoni fil kass li il quddiem ikun hawn generazzjoni li jidhirla mod iehor ghal fini ta slaleb.
      grazzi.

      Like

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s