Ħarsa kemxejn qarsa lejn il-karattru Malti
Din il-website ser tagħlaq sentejn. Kull meta ktibt u ppublikajt artikli dawn dejjem kienu dwar l-istorja u l-folklor tal-gżejjer Maltin. Għaldaqstant, aktar iva milli le, dejjem ktibt dwar il-passat, bl-intenzjoni li l-artikli jgħinuna niflu dak li xi darba għadda minna. Biss, il-kultura fis-sens ta’ folklor, dejjem tibqa’ tiżviluppa madwarna minn ġenerazzjoni għall-oħra u ma tiqafx. Ċert li l-mod ta’ ħajja li ngħixu fiha llum, ħamsin sena oħra ser nittrattawha b’għajn folkloristika wkoll.
Ħsibt u rajt li f’dan l-artiklu nittanta nagħmel xi ftit osservazzjonijiet dwar il-karattru tal-Maltin inġenerali – kif naħsbuha u naġixxu lkoll fil-ħajja preżenti, anki jekk b’kemxejn kritika pjuttost niggieża u fl-istess ħin b’laqta umoristika.
Taf xiex? Kultant nieħu gost noqgħod nikkontempla bejni u bejn ruħi dwar l-imġiba tagħna l-Maltin fil-ħajja ta’ kuljum, u anki kif din tipparaguna ma’ dik ta’ nies barranin. Dan minħabba li fis-snin li qattajt naħdem fil-qasam tat-turiżmu sirt aktar konxju ta’ kif naġixxu aħna l-Maltin a paragun mal-barranin. Ngħiduha kif inhi, kull poplu għandu l-mod tiegħu kif jaħseb, jesprimi ruħu u jgħix. Fit-taħlit li kellna u li għad għandna mal-barranin xi ftit minn dawn it-tendenzi forsi ħadniehom mingħandhom wara kollox.
Aqra artikli oħra: https://kliemustorja.com/blog/
Xi żmien ilu, zijuwi rrakkuntali kif darba, waqt li kien l-ajruport ta’ Heathrow, sama’ żewġ Ingliżi li kienu qed jistennew l-istess titjira tiegħu lejn Malta, jiktellmu bejniethom dwar il-Maltin. Mid-dehra wieħed minn dawn kien jaf il-Malta sew u kien qed jgħaddi ftit ta’ kummenti lill-sieħbu dwar il-Maltin kif jafhom hu. Dan qal xi ħaġa jekk: Now when we land at Malta’s airport do not be surprised to see friends and relatives fighting amongst each other. They shout a lot when speaking to one another and often gesticulate wildly with their hands, but they mean no harm – they are just having a friendly argument and simply trying to prove a point, that’s all! Din l-osservazzjoni turi li aħna l-Maltin għandna mit-Taljani u nies oħra Mediterranji, għax biex nitkellmu, ngħollu l-vuċi u nirraġġaw ħafna bl-idejn. B’daqshekk ma fiha xejn – sakemm ħadd ma taqbiżlu waqt l-argument u jibda jfajjar bl-addoċċ.
Maltese Gemgem
Waħda mill-affarijiet li jdejquni fost bosta affarijiet li nosserva, hu l-kummenti pjuttost negattivi u l-atteġġjament ta’ kuljum dwar bosta ċuċati. Kemm neqirdu, Madonna! Flok insibu dak li hu pożittiv, nippreferu naraw l-iswed u mhux l-abjad tal-ħaġa. Ikun għadu kemm sebaħ u ngergru fuq it-temp jekk ikun imsaħħab; anki jekk it-temp ikun xemxi, neqirdu. Neqirdu jekk nistennew f’xi kju – dan nagħmlu jien ukoll. Imma hawn min jibda jonfoħ ukoll jekk fil-quddiesa l-omelija tkun xi ftit itwal mis-soltu! Neqirdu mal-ġara fuq xagħarna jekk dan għandu bżonn qatgħa, bħallikieku ż-żejjed nippretendu li għandu jaqa’ waħdu. Donnu l-atteġġament ta’ tolleranza dwar dak li jdejjaqna hu zero.
Maċomen
La qed nitkellmu fuq l-intolleranza … mela xi tgħid għal fehmiet politiċi tagħna? Lanqas biss irrid nibda fuq dan. Ħa ndur fuq il-fehmiet u x-xaqlib tagħna fil-futbol. Dejjem tagħna l-aqwa. ‘Irbaħna ta! Intom ma għandkom xejn!’ Nibda ngħid, dawn għandhom xi tim f’idejhom u qed iħallsuhom il-miljuni? Imbagħad xi ngħidu għall-festa tal-qaddis tar-raħal jew belt. ‘Kemm kellna nar Man hux! L-oħrajn ħdejna lanqas biss jibdew!’ Is-sens ta’ kburija personali u l-unur immaġinarju f’dawn l-affarijiet hu inspjegabbli: ‘jekk ma taqbilx miegħi – mela int tellief u jien rebbieħ’.
Anki l-mod kif nimxu fit-triq – qed ngħid għall-irġiel. Jekk dak li jkun, irid juri kemm hu importanti jimxilek b’sidru ppuppat ’l quddiem u bi spalltu qisu xi Schwarzenegger fl-aqwa tiegħu. Anki saqajh jiftahom b’mod li meta jimxi jkun qisu arloġġ li jaqra l-10 u 10, għax il-ponot taż-żarbun jimmarkaw waħda lejn il-Grigal u l-oħra lejn ix-Xlokk, biex bħallikieku jrid jokkupa l-bankina għalih. Jekk ikun xi wieħed qsajjar, dan ukoll jitħajjar jiġġebbed ’l fuq kemm jiflaħ biex jidher aktar, bħallikieku qed jgħid, ‘isma mhux imbilli jien żgħir, ħadd ma jagħmilli bżieq fuq imnieħri!’ Mhux b’ċajt imma niltaqa’ ma’ nies bħal dawn. Niftakar, darba mort naħdem f’post mal-Gvern u fejn dħalt, l-ewwel ġurnata sibt il-persuna inkarigata tilqagħni – raġel qsajjar u qisu pespus. Dan kien ħdejn it-taraġ, u biex juri li hu importanti u li hu jikkmanda, qabel ma qalli bonġu tela’ fuq l-ewwel tarġa biex ilaħħaq miegħi (allavolja jien m’iniex twil). Meta niftakar f’din ix-xena allavolja għaddew tant snin nibda nittbissem.
Anki fis-sewqan, ukoll nindunaw kemm hawn nies macho jiġru mas-saqajn. Pereżempju, ħafna, forsi daqs ħamsin fil-mija – probabbilment aktar, is-sewwieqa tal-vetturi, meta jduru l-kantunieri qatt ma jixegħlu l-indicators – jien naħseb li b’hekk dawn ikunu qed jibagħtu messaġġ li huma għala l-bubun, għax inkella jekk jixegħlu l-indicator jibżgħu li jidhru li huma pussies f’għajn is-sewwieqa l-oħra.
La bonġu u lanqas saħħa
Ħaġa oħra li tagħtini f’għajni hi li aħna l-Maltin ma tantx inħobbu nsellmu ħlief lil ta’ ġewwa, u ftit nieħdu b’idejn xulxin. (Tħarriġna tajjeb kif inżommu d-distanza f’dan iż-żmien tal-Pandemija). Mhux qed ngħid għal meta nkunu f’xi triq iffullata. M’hemmx għalfejn tagħmel bħal Papa meta jkun fuq il-Popemobil u xxejjer lil kulħadd inti u miexi fit-triq. Lanqas trid tkun bħal xi MP, li meta jkun miexi fit-triq ixejjer u jitbissem lil kulħadd anki lil dawk li ma jafx, biex ikun żgur li ma jitlifx xi vot. Ħadd ma jagħmel hekk. Imma, ġieli konntu għaddejjin waħedkom minn xi sqaq dejjaq u kwiet u tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ xi ħadd li ma tafux u tgħid, dan ser insellimlu jew le? Jew tagħmilha tabirruħek li ma rajtux, anki jekk dan ser jgħaddi nkaxxat miegħek. Inħoss li lil dan il-proxxmu, anki jekk ma tafux minn Adam, trid tgħidlu bonġu biex tirrikonoxxih li hu bniedem u mhux nemusa. Dik li ma ssellimx f’sitwazzjoni bħal din hi stramberija tal-Maltin. Ħa ngħidha kif inhi, jien ġieli kont f’sitwazzjoni bħal din meta nkun għaddej min ħdejn xi turist, u ninħasad meta dan allavolja ma jafnix, isellimli.
Aqra artikli oħra: https://kliemustorja.com/blog/
Li ninjoraw lil xulxin hi normali wkoll meta nidħlu fil-ħwienet jew stabbilimenti oħra. Il-klijent ħafna drabi, ma jsellimx lill-bejjiegħ tal-ħanut kif jidħol, u jibqa’ għaddej imur jifli l-vetrini – qisu l-bejjiegħ hu xi manekin. Jinjorawh kompletament. F’pajjiżi fl-Ewropa, dawk iċċivilizzati, kulħadd isellem f’sitwazzjoni bħal din. Biss, biex ngħid kollox, hawn Malta lanqas il-bejjiegħa bosta drabi ma jitħajru jsellmu lill-klijent. Jekk ma jħarisx lejk b’ħarsa ċassa (poker face) u ta’ wiċċ Laskri qisu jrid jgħidlek, ‘xi trid ħi? Iddumx għax għandi x’nagħmel!’ Il-fatt li tal-ħanut ma jilqgħekx bi tbissima jew b’bonġu tagħtini f’għajni. Mur ifhimhom dawn l-użanzi.
Daħk ħamallu
Ambjent ieħor li narana differenti minn oħrajn hu fejn jidħol l-umoriżmu. Hemm ħafna modi kif wieħed iddaħħak u għaliex bniedem jidħak, u ċertament il-Maltin mhux neqsin mill-umoriżmu u d-daħk. Biss, donnu l-umoriżmu tagħna mhux dak sottili – dry jokes – għax dan ma nifhmuħx. Meta nkunu f’xi udjenza, waqt programm komiku, donnu nidħku aktar bil-personalità goffa jew nieqsa tal-karattru milli biċ-ċajt li jgħid. Dan sa ċertu punt hemm raġuni valida, għax il-kariżma tidħol f’kollox. Biss, biex il-Maltin jidħku żgur, il-komiku jrid ħafna drabi jagħmilha jew ta’ ħamallu, ta’ xiħ għakka, jew liebes ta’ mara. Fuq il-palk l-attur irid ikun akkumpanjat minn attur ieħor f’xi skeċċ, fejn wieħed dawn jagħtu botta u risposta lil xulxin, donnu kollox ippjanat u xejn spontanju. Donnu l-umoriżmu ta’ żmien it-teatrini baqa’ magħna. Standing comedian liebes normali ma tantx idaħħak. Jekk dan imbagħad jitfa’ xi ċajta vulgari, hemm l-udjenza tidħak żgur. Biss, dwar din tal-aħħar ili ninnota li l-istand up comedians, kemm dawk Ingliżi u dawk Amerikani, jekk ma jdaħħlux l’f’ word ma kull ċajta ma jkunux huma u l-udjenza tidħak. Imma fejn jidħol l-umoriżmu kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu u ma nlum lil ħadd.
Superstizzjonijiet u qima lejn dawk tal-Purgatorju
Fis-superstizzjonijiet, forsi aħna l-Maltin mhux esaġerati daqs it-Taljani. Ħlief meta nagħtu xi kumpliment. Hawn trid toqgħod attent meta tfaħħar lil xi ħadd – għax malajr dak li għadek kemm faħħart jagħmillek il-qrun minn taħt biex ma tgħajnux. Jekk tkun għaddej fit-triq u tiltaqa’ ma’ xi omm b’tarbija u tikkumplimentaha dwar is-sbuħija tat-tifla jew tifel tagħha trid tara kif tpoġġi l-kliem. L-aħjar li meta tikkumplimentaha żżid ‘Alla, jbierek’, u mal-kumpliment tagħti koċċ barkiet – ‘jalla jżomm idejh fuqha din it-tifla xi ġmiel!’ Jekk ma tgħidx xi ħaġa hekk tista’ taqa’ taħt suspett li l-intenzjonijiet tiegħek huma ulterjuri. L-istess meta xi ħadd jixtri karozza ġdida u dak li jkun jikkumentalek fuqha – minflok dan jgħidlek, ‘prosit kemm hi sabiħa!’ dan irid jgħidlek ‘ir-risq!’ Bħallikieku jekk ma jgħidlekx hekk hemm xi ċans li jkun qiegħed jagħmillha xi magħmul, u kif issuqha titfarrak appena ddur il-kantuniera.
Aqra artikli oħra: https://kliemustorja.com/blog/
Ħa nsemmi stramberija oħra tagħna l-Maltin – dik li nsemmu l-erwieħ għal kull ħaġa ta’ xejn b’xejn. Hekk kif nixorbu tazza ilma rridu kull darba ngħidu ‘għall-erwieħ’. Jekk nieklu ikla tajba, l-istess, ‘għall-erwieħ, kemm kilt tajjeb’. Biss anki jekk wara nitfewqu jew nitilqu xi waħda goffa, din ukoll noffruha lill-erwieħ. Flok ngħidulhom xi talba ħej!
Il-Malti qalbu f’idu
Biex nispiċċa b’nota aktar pożittiva irrid ngħid li l-Maltin jagħtu każ ħafna ta’ xulxin – le mhux jilħqu salib xulxin – ma tarax! Apparti ċ-ċajt – il-Maltin jafu jħossu għal xulxin u lesti biex jgħinu lil min hu fil-bżonn. Dan hu hekk, kemm minħabba r-reliġjon u l-etika morali tagħna, kif ukoll minħabba li Malta hu pajjiż żgħir u kulħadd jaf lil xulxin. Biżżejjed tara kemm jinġabru flus għall-karità. Hemm tara s-sens ta’ simpatija li għandna lejn min hu batut.
Biss kultant nesaġeraw – bħal meta naraw xi inċident – jekk bniedem jaqa’ fl-art immorru niġru biex ngħinuh. Barra minn Malta, jekk bniedem iħossu ħażin u jaqa’ fl-art, l-aktar fl-ibliet il-kbar bħal Londra jew Ruma, ħadd ma jersaq lejh. Xi ħadd iċempel l-ambulanza u din tiġi biex tieħdu l-isptar – forsi jilħaq imut qabel ma din tasal. Hawn Malta mhux hekk – jekk xi ħadd jagħtih ħass ħażin f’nofs Triq ir-Repubblika, malajr tinġema’ madwaru ġgajta nies biex tara xi ġralu. Kulħadd jibda jsaqsi ta’ min hu. Kulħadd jibda jagħti tort il-ħofra li tfixkel fiha, u b’mod ta’ hekk jeħlu tal-Public Works li ma jridu jagħmlu xejn. Kulħadd jibda jagħti s-suġġerimenti kif flimkien jistgħu jqajmu l-vittma mill-art ħalli ma jħammiġx il-ġlekk. Kulħadd jibda jitkaża kemm se ddum biex tasal l-ambulanza (allavolja ħadd ma tkun ġietu f’rasu jċempel biex din tiġi). Tant tikber ir-rassa ta’ nies madwar dan il-povru li faċli jaqtgħulu ċ-ċirkolazzjoni tal-arja friska ta’ madwaru – b’konsegwenza li dan il-povru tagħtih aċċessjoni u jmut bil-qtugħ tan-nifs – hekk kif l-ambulanza tkun waslet wara l-kantuniera!
Wara dak kollu li għedt, nispera li ħadd ma ħa għalih. Wara kollox ma tista’ qatt tittimbra poplu sħiħ b’dak li jagħmlu xi wħud biss. Tifhmu wkoll li dak li għedt għedtu b’laqta umoristika, anki jekk dan jista’ jitqies ukoll bħala qrid min-naħa tiegħi. Imbilli kultant niġbdu widnejn xulxin – kulħadd jaf li meta Alla tana par widnejn, dan għamlu biex dak li nisimgħu, minn waħda jidħol u mill-oħra joħroġ!
– Forsi nkompli darb’oħra –
Martin Morana
29.01.2021
Aqra artikli oħra: https://kliemustorja.com/blog/
Forsi jinteressak ukoll li taqra dan il-ktieb:
Fittex fuq xiex jittratta billi tikklikkja hawn: https://sites.google.com/site/kliemustorja/home/titlu/introduzzjoni/dwar-l-awtur/a.
Dan il-ktieb issa jinsab ukoll għall-bejgħ bħala ebook fuq Amazon – Kindle
Ikklikkja hawn:
Prosit.Ray
LikeLike
Prosit. Artiklu helu hafna.
LikeLiked by 1 person
Punt wiehed jekk joghgbok.
“aħna l-Maltin ma tantx inħobbu nsellmu” ? Din haga li qieghdin nidraw mill-barranin …..Meta mort l-ahhar darba Londra fuq L-Undergorund inti? L-aqqas biss eye contact ghax jahsbuk xi mignun u jekk tghid xi-haga anki jekk dik il haga hija “Bongu” qiesek offendejtilhom l-ommom! .
inveci insib meta nigi lura pajjizi kulhadd jitbissem u jekk tghid bongu jirrispondewk…….
M’Ahniex perfetti l’anqas, imma jiena kburi pjuttost li jienma Malti u nospera li inzommu it-tradizzjonijiet taghna hajjin u ma nitilqux nghagglu “down the slippery slope” sabiex naslu fejn waslu pajjiz ohrajn ;o)
Sahha “siehbi”! .
LikeLiked by 1 person