Il-FLUS ta’ ŻMIEN L-ORDNI ta’ SAN ĠWANN

 

Wara ftit li l-Ordni wasal Malta fl-1530, beda jaħseb biex jibda jintroduċi l-muniti tiegħu bħala valuta legali fil-gżejjer Maltin. Iz-zekka bdiet tintuża għall-ewwel darba fil-Forti Sant’Anġlu, fl-1534, jiġifieri, fi żmien il-Gran Mastru Pietro Del Ponte. Imbagħad meta l-Ordni telaq mill-Birgu dan l-istess makkinarju nġarr lejn il-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta. Wara ċertu żmien, iz-zekka ttieħdet f’binja fit-triq li llum ġġib isimha – Triq iz-Zekka, u fl-1778 fl-aħħar spiċċat fil-Conservatorio, binja fejn illum hemm il-Bibljoteka.

Ordni kien stabbilixxa l-valur tal-muniti fuq l-istess tip ta’ muniti li kienu jiċċirkulaw fi Sqallija, jiġifieri, iz-zekkin, l-iskud, it-tari u l-grano (il-ħabba). Kien hemm oħrajn, l-picciolo, munita tar-ram, li damet fiċ-ċirkolazzjoni sa l-1697. Wara ġew anki mitbugħa ċ-ċinkwina u l-pattakka. L-akbar valuta kien iz-zekkin. Imbagħad kien hemm l-iskud tal-fidda. Għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-Maltin kienu jħallsu bil-ħabbiet.

Il-valur tal-munita minn waħda għall-oħra kien ġeneralment stabbiliti hekk:

Munita         Tiswa

Zekkin                  4 skudi u 3 tari

Skud                    12-il tari (jew 240 ħabba)

Taro                       2 karlini (jew 20 ħabba)

Karlin                    2 ċinkwini (jew 10 ħabbiet)

Ħabba                   6 piccioli / dinier

Fi żmien il-Gran Mastru Pinto kienet introdotta l-aktar munita b’saħħita – il-pezzo, oncia d’argento, jew uqija – kif iġib isimha, din kienet tal-fidda.

Informazzjoni dwar il-muniti  

zekkin vilhenaZEKKIN   Munita tad-deheb. Din kienet l-ikbar denominazzjoni mill-muniti kollha Maltin. Kienu jeżistu zekkini b’muniti ta’ valur ta’ 12, 10, 4, 2, u 1 zekkin. Meta finalment l-Ingliżi kienu ġabru l-aħħar muniti taz-zekkin miċ-ċirkolazzjoni (1886) il-valuta tagħha kienet tissarraf ma’ 6 xelini, erba’ soldi u tliet kwarti ( 6s.4¾d).

 

SKUD / SKUT  Munita li kienet tiswa 12-il tari. Kien hemm fiċ-ċirkolazzjoni skudi tad-deheb tal-20, 10 u 5 denominazzjonijiet. Meta finalment l-Ingliżi kienu ġabru l-aħħar skudi miċ-ċirkolazzjoni (1886) din kienet saret tiswa’ 1s.7d. Anki aktar tard meta l-iskud ma baqax fiċ-ċirkolazzjoni – sa nofs is-seklu għoxrin, xorta bosta Maltin kienu baqgħu jikkuntjaw biha – billi kienu jqabblu il-valur ta’ skud max-xelin u tmien soldi 1s. 8d.

skudo de rohan13664_2

TARO  Din il-munita minnha kien hemm kemm tar-ram kif ukoll tal-fidda: munita tal-fidda tas-16-il tari, u dawk tar-ram: tal-4, 2 u 1 tari. Erba’ rbgħajja jew erba tari ifissru l-istess. Taro wieħed jagħmel daqs żewġ karlini, jew għoxrin ħabba.

tari quattro de paulemage00175

KARLIN  (pl. karlinijiet, karnijiet) F’Malta ta’ żmien l-Ordni il-karlin kien jiswa 10 ħabbiet.  Din il-munita baqgħet tisssemma anki sas-sittinijiet tas-seklu għoxrin, l-aktar bħala, tliet karnijiet (suppost: karlinijiet) li kienu l-ekwivalenti għal żewġ soldi u nofs.

 

karlin2

Il-ĦABBA  (pl. ħbub). Din kienet munita tar-ram, imsejħa wkoll grano, li kienet introdotta bħala valuta legali f’Malta fi żmien il-Gran Mastru Hughe Loubens de Verdalle (1582-94), u li baqgħet valuta legali anki fi żmien l-Ingliżi. Fl-1608, jiġifieri, fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt, ġew mitbugħa anki l-muniti tan-nofs ħabba.

habba jew grano39

PATAKKA   Agius de Soldanis jgħid li din il-munita kienet tiswa daqs erba’ rbgħajja, (E.Serracino Inglott jgħid din li kienet issarraf daqs tliet tari. Tal. Patacca. Fr. Pataque; Sp. Pataca. Oriġ. din il-kelma x’aktarx ġejja mill-Għ. batakka. Wara l-Assedju l-Kbir din kienet munita li ħarġet biex tpatti għall-muniti oħrajn (munita ta’ fiduċja) li kienu nieqsa fiċ-ċirkulazzjoni.

Aktar dwar l-istorja u t-tradizzjonijiet Maltin: http://www.kliemustorja.com.

Flus Barranin li kienu jiċċirkulaw f’Malta fi żmien l-Ordni

Matul il-perijodu tal-Ordni f’Malta, xorta kien hawn jiċċirkolaw u aċċettati ħafna muniti ta’ renji u pajjiżi barranini, l-aktar minħabba l-kummerċ li l-Ordni kellu ma’ barra. Giacomo Cappello, il-mibgħut speċjali mir-Repubblika ta’ Venezja f’Malta (fl-1716) jirrapporta li kien hawn:

DUBLUNI  ta’ Spanja   = 11 skudi u 4 tari.

TALLERI  ta’ Spanja   = 10 tari.

PJASTRI   ta’ Spanja (magħruf ukoll bħala pistole)

ZEKKINI   ta’ Venezja

ZEKKINI   tat-Turkija

LOUIS D’OR  ta’ Franza   =  6 skudi 3 tari u 10 ħabbiet

Dawn il-muniti kollha kemm huma baqgħu fiċ-ċirkolazzjoni, kemm fi żmien il-Franċiżi (1798 – 1800) kif ukoll matul l-ewwel deċennji ta’ żmien l-Ingliżi.

Fl-1825, l-Ingliżi stabbilew b’mod uffiċjali l-valuti tagħhom f’Malta. Minkejja dan, xorta waħda l-muniti tal-Ordni baqgħu għal żmien twil fiċ-ċirkulazzjoni. Kien finalment fl-1886 li l-aħħar muniti tal-Ordni kienu miġbura. Biss, kważi mitt sena wara kont għadhekk tiltaqa’ ma’ xerrejja u bejjiegħa li meta jikkurdaw il-prezz kienu għadhom isemmu l-flus tal-Ordni, bħal l-iskud, it-tliet karnijiet u l-ħabba.

X’kont tixtri bihom

Bis-saħħa tal-istudjużi tal-istorja soċjali ta’ Malta, insibu bosta informazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ bosta oġġetti li kienu jinbiegħu kemm għall-użu ta’ kuljum, bħall-ikel u oġetti oħrajn essenzali, kif ukoll ta’ prodotti oħra. Mill-kitba li qrajt sibt u għażilt xi informazzjoni dwar dan ir-rigward. (Ara l-biblijografija fl-aħħar ta’ dan l-artiklu). Ħafna mill-prezzijiet ikkwotati huma dawk tal-bidu tas-seklu sbatax. (Bejn wieħed u ieħor 1610 – 1630).

Nibda biex insemmi l-prezz tal-ħobż, l-aktar ikel bażiku li mingħajru ma kien jgħix ħadd. Dan kien jitla’ u jinżel skont kemm kien ikun skars il-qamħ u dqiq, u skont kemm ikun imħallat bix-xgħir u prodotti oħra (mischiato). Ħobża kienet tiswa bejn 3 – 5 ħabbiet skont iż-żmien ikkwotat. Tużżana bajd kienu jiswew 14-il ħabba. Nagħġa bejn skud u 8 tari sa 2 skudi u 4 tari. Ħaruf bejn 4 tari sa skud.

Aktar dwar l-istorja u t-tradizzjonijiet Maltin: http://www.kliemustorja.com.

Is-Salarji

Issa dawn il-prezzijiet trid tqabbilhom mas-salarji ta’ dak iż-żmien – naturalment hawn trid tikkunsidra li x-xogħol ta’ eluf ta’ nies ma kienx garantit is-sena kollha – iżda kien staġjonali jew xogħol li l-ħlas tiegħu ikun ta’ darba. Biex nagħti eżempju, bosta kienu jaqilgħu x’jieklu biss meta jagħmluha ta’ ġabbara fl-għelieqi fi żmien il-ħsad tal-uċuh tar-raba’, l-aktar tal-qoton. Dawn kienu jaqilgħu sa 2 tari għal kull jum li jaħdmu. In-nisa fl-impieġ tal-produzzjoni tal-qoton kienu jaqilgħu inqas u ġieli xejn għax ikunu tal-familja. Xi wħud mill-ġabbara kienu jippreferu jitħallsu b’għotja ta’ qamħ jew xgħir, flok bil-flus. Imbagħad kien hemm in-nies ingaġġati bħala baħħara mal-flotta tal-Ordni jew ma dawk li kienu jinvestu fis-sibi. (piraterija). Dawn kienu jaqsmu bejniethom skont il-qabda li jagħmlu minn fuq il-bastimenti jew tal-għadu Ottoman. Ix-xogħol ta’ bosta baħħara kienu ikun l-aktar fis-sajf u xhur oħra meta l-baħar ikun għadu galbu. Fix-xitwa ftit li xejn kienu jbaħħru. Baħrin ingaġġati fuq ix-xwieni tal-Ordni kien jaqla’ mat-3 skudi fix-xahar. L-istess il-ħaddiema tas-sengħa kienu jitħallsu daqs 3 skudi fix-xahar. Ħaddiem mingħajr xi abbilità speċjali (labourer) kien jitħallas sa 4 tari kuljum. Intant, fuq in-naħa l-oħra tal-miżien, Agius de Soldanis jgħid, li meta f’Għawdex ġie stabbilit fi żmienu (nofs is-seklu 18) l-uffiċju tal-avukat difensur disponibbli għal dawk li ma setgħux iħallsu, dan l-avukat kellu salarju ta’ 60 skud fis-sena mogħti mill-Ordni ta’ San Ġwann.

Aktar artikli dwar l-istorja u l-tradizzjonijiet Maltin: http://www.kliemustorja.com.

Alison Hopper tgħid illi l-bumbardiera li kienu jgħassu fil-maħras (it-torri tal-kosta, magħrufa l-aktar bħala tad-De Redin), kienu jitħallusu tliet skudi fix-xahar, waqt li ż-żewġ għassiesa li kienu jkunu miegħu kienu jitħallsu 2 skudi kull wieħed fix-xahar. Jidher għalhekk illi s-salarju medju fis-seklu sbatax kien ta’ 24 – 30 skud fis-sena. Intant, Fr. Bonnici jgħid li l-ispejjeż għal manteniment ta’ bniedem għal sena kienu jitilgħu mas-36 skud.

Hopper tgħid ukoll illi id-dħul finanzjarju kollu tal-Ordni ta’ San Ġwann kien ilaħħaq maż-żewġ miljun skud fis-sena.

Fl-istudju estensiv tiegħu, Slavery in the Islands of Malta and Gozo 1000 – 1812, apparti l-prezzijiet tal-iskjavi li kienu jvarjaw bejn 20 skud jekk mara, sa 150 skud jekk raġel b’saħħtu, Godfrey Wettinger jagħti xi ammonti ta’ salarji ta’ nies li mhux skjavi, bħal ngħidu aħna:

Il-ħabbież prinċipali tal-Ordni li kien jieħu ħsieb il-fran tal-Belt kien jitħallas 10 skudi fix-xahar. Nies oħrajn li kienu jaħdmu miegħu fl-istess qasam ta’ xogħol kienu jitħallsu bejn 3 u 5 skudi. Il-ħaddiema komuni kienu jitħallsu 30 gran kuljum.

Dawk li kienu jaħdmu bħala ħassiela u xogħol ieħor manwali fl-isptar tas-Sagra Infermerija (dejjem mhux skjavi) kienu jitħallsu kuljum 30 gran u erba’ ħobżiet tat-tip scacciato.

Dak li kien jieħu ħsieb il-funtani – (fil-Belt kien hemm mat-tmintax minnhom) dan kien jitħallas 6 grani u tliet ħobżiet kuljum.

Fl-1610 it-tabib Giuseppe Cosentino it-tabib tal-ħabs ingħata żieda fis-salarju tiegħu – minn 60 skud issa beda jitħallas 120 skud [fis-sena?]. Jidher li kien hemm min kien jitħallas 100 skud. Fl-1780 kien hemm tobba li kienu jitħallsu mal-150 skud.

Imbagħad kien hemm il-kirurgu (jew barbiere) u l-barberotto tal-ħabs. Fl-1702, dan tal-aħħar kien jitħallas 56 skud fis-sena.

F’nofs is-seklu sbatax, it-trumbettiera ta’ fuq ix-xwieni tal-Ordni kienu jitħallsu skud wieħed fix-xahar u naturalment jingħataw jieklu kuljum.

Idjomi u Espressjonijiet

Ċerti espressjonijiet u idjomi kaxkarnihom matul is-sekli sal-lum. Sa ftit ilu kienu kont tisma’ lil min jgħid:

  • Ma’ għandix ħabba ta’ dirwan. Tingħad meta dak li jkun, ikun nieqes mill-flus; xott għal kollox. Dirwan tirrfeferi għall-Gran Mastru De Rohan. Dan għaliex fi żmien meta dan Il-Gran Mastru kien jirrenja (1775 – 1797), kien hawn f’Malta ħafna ħbub foloz li kienu ġejjin minn Sqallija.
  • Ma jiswix karlin jew ma jiswix patakka Oġġett jew bniedem li ma jiswa xejn.
  • Għal ħabba jqaxxar qamla; għal ħabba bżar titlef il-borma’; dak ħabba ħażina; Dawl ta’ qamar tara ħabba; oġġett tal-ħabba gozz.

Martin Morana

22.01.2021

Sorsi ta’ informazzjoni fuq is-suġġett li rreferejt għalihom

Bonello Giovanni, ‘The other side of the coin’, The Sunday Times of Malta 
December 23, 2001.
Bonnici Alexander, ‘Maltese Society under the Hospitallers under the light 
of the Inquisition documents’. Hospitaller Malta, Ed. Victor Mallia Milanes,
Mireva Publications. 1993.
Bonnici Alexander, Gozo - Ancient and Modern - Religious and Profane - De 
Soldanis 1712 -1770. Media Centre Publications. 1999.
Cassar Carmel, Society, Culture and Identity in Early Modern Malta. Mireva 
Publications. 2000.
Catania Paul, People of the North, 1546 - 1610. Midsea Books.2015.
Gatt Ġużi, ‘Flus Maltin, Kejl u Qisien’, Folklor, ed. Guido Lanfranco. Klabb
Kotba Maltin, 2004,
Hopper Alison, ‘Military Priorities and Social Realities in the Early Modern
Mediterranean: Malta and its Fortification’. Hospitaller Malta, Ed. Victor 
Mallia Milanes, Mireva Pulbications. 1993.
Mallia Milanes Victor, Descrittione di Malta Anno 1716. Bugelli Publications. 
1988.
Sammut Joseph ‘The Story of the Maltese Ħabba or Grano’, Heritage Vol 1. pp
92 - 96 & 154-157.
Sammut Joseph, ‘Coinage in Malta’, Treasures of Malta no 35, Easter 2006,
Vol XII, no 2.
Sammut Joseph, ‘Withdrawal and disposal of the coins of the Order’. The 
Sunday Times, December 3, 2000.

Ara aktar dwarl-istorja ta’ Malta, tradizzjonijiet u kultura:  http://www.kliemustorja.com.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s