LBIES u AĊĊESORJI TRADIZZJOJALI
(u oħrajn mhux daqstant antiki)
u termini relatati
ANTAĊĊOLI L-istess bħal XANTILJUN. Buttuni żgħar tal-metall u jleqqu, li jintużaw bosta drabi fi kwantità, l-aktar fuq l-ilbies, bħala ornament. Illum l-antaċċoli huma norm. tal-plastik. Minn taħt, l-antoċċoli jkollhom toqba biex jinħietu mal-libsa jew aċċessorji oħra fuq id-drapp. Sqal. linticciola. Ing. sequins jew spangles.
AQĊOLI Mikiel Anton Vassalli, (M.A.V.) jittraduċi din il-kelma bit-Taljan fil-Lexicon, (1796) bħala, occhiali. Ara: UCCIALI.
ARBAĠĠ Magħruf ukoll bħala MALLUT. Tip ta’ drapp magħmul mis-suf li kuluru jagħti fl-abjad. Vassalli jiddiskrivi dan id-drapp bħala stoffa ordinaria. Erin Serracino Inglott fil-Miklem (E.S.I.) jgħid li dan id-drapp kien jinħadem biex isiru l-kutri u l-kabozzi tal-patrijiet. Etim. Tal. albagio – tip ta’ drapp tas-suf; albo – M. abjad. Sors: M.A.V. (1796) u Vella (1843).
BAKKALJAWWA Ġlekk / ġakketta bil-kuda, (Ing. tales) li kienet u għadha tintlibes f’okkażjonijiet speċjali. L-iskop oriġinali tal-bakkaljawwa kien bħala kowt li setgħa jinqafel mill-parti ta’ fuq tal-ġisem, waqt li minn isfel kien jibqa’ miftuħ biex il-persuna tkun tista’ tirkeb fuq iż-żiemel b’mod komdu. L-isem jirriferi x’aktarx għal BAKKALJAW billi dan il-ġlekk kien stirat u wieqaf bħal bakkaljaw imqadded. Ara: ĠISTAKOR.
BALENA / BALIENA L-għadma li ddur mat-tarf tal-għonnella biex iżżommha soda meta din tintlibes fuq ir-ras biex din ma tinżilx ’l isfel. Dan il-materjal jinħadem ukoll fil-PANĊIERA biex iżommha soda.
BAMBU Kelma li kienet tintuża fil-lingwaġġ tat-tfal iż-żgħar meta jirriferu għaż-żarbun. Ngħidu, ‘Hi kemm għandu bambu sabiħ!’ Din l-ispjega jagħtiha wkoll M.A.V. (1796).
BARBAZZAL Ġiżirana aktarx tad-deheb, twila u rqiqa li ddur kemm-il darba mal-għonq u tinżel fuq is-sider. Hawn min isostni li t-tul tal-barbazzal għandu jkun speċifikament ta’ 50 ċm. L-istess nom ġieli jirriferi għaċ-ċinga tad-deheb li magħha jiddendel l-arloġġ tal-but. Din però, tissejjaħ ukoll, POLKA. Sqal. barbazzali / varvazzali.
BARJOLA / BIRJOLA Beritta żgħira; berittin bil-ġummiena bħal tal-MILSA.
BIZZILLA Xogħol minsuġ fuq disinn bil-ħajt, bħal rakkmu tal-ħarir. Xogħol li jirrikjedi ħafna tislib ta’ ħajt biċ-ċombini, mehmuża bil-labar fuq trajbu. Dan ix-xogħol kien isir għal bosta oġġetti ornamentali, fosthom, ilbiesi u velijiet tan-nisa sinjuri. Sqalli. Pizzu. pizziteddu. Jista’ jkun li hemm xi konnessjoni bejn ix-xogħol tas-sengħa fiħ innifsu u l-fatt li dan kien iżejjen il-pizz imwaħħal mal-għata tal-mant li n-nisa kienu jilbsu fi żmien is-seklu sbatax. Tal. Pizzo. Sors etim. J.A.
BUTTUN Skont id-Dizzjunarju mill-Malti għall-Ingliż, ta’ Vincenzo Busuttil (1900), din hi misluta.
BUXAKKA / BUXAQQA Terħa wiesgħa, twila tas-satin, ikkulurita li kienet tintlibes l-aktar fil-festa mir-raħħala. Etim. Sqal. fusciacca – terħa simili, ħafna drabi tal-ħarir, li kienet tintlibes min-nies tal-kampanja. Sors: Description of Malta and Gozo ta’ George Percy Badger (1838).
ĊEPPUN Libsa li kienet tintlibes min-nisa. Il-Piccolo Dizionario (1856) jiddiskrivi din il-libsa hekk: […] veste da donna a guiso di busto guarnito ricchamente […]. L-awtur jirrepeti kelma b’kelma dak li kiteb M.A.V. (1796). Ġakketta ta’ mara, Ing. a stomacher; rich spencer. V.B (1900).
ĊULQANA / ĊILQANA (pl. ċlieqen). Libsa tal-qoton, bħal għonella, iżda mingħajr BALENA, li kienet tintlibes min-nisa tal-irħula, speċ. minn dawk ta’ Ħaż-Żabbar. Il-lewn taċ-ċulqana kien jagħti fuq l-ikħal b’tikek imdaqqsa ta’ kulur bajdani, jew disinji tal-fjuri. Hu probabbli li l-għonella kien addattament miċ-ċulqana. L-istudjuża Taljana Amy A. Bernardy (1880 – 1959), kienet issostni li ċ-ċulqana ġejja miċ-ċzolkana Għarbija jew mil-cefalkana biżantina. V. Busuttil (1900), bl-Ingliż isejħilha, a cotton gown. Sqal. cileccu, abito senza maniche. M.A.V. jgħidilha, ghonella rozza. Sors etim. J.A. Ara: Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pulliċino, p. 151-152.
DEJL (pl. djul) It-tarf tan-naħa t’isfel tad-dublett, jew tal-libsa ta’ taħt tan-nisa. M.A.V. (1796), fost affarijiet oħra, jispjegaha hekk: ‘[…] estremità di una falda; mezza sottana di tela bianca; guazzarone […]’.
DENDULA/I Oġġetti personali li jiddendlu, bħal imsielet jew pendenti. Sors: E.S.I. u Damma.
FALDETTA Hemm geġwiġija ta’ interpretazzjonijiet dwar x’kienet verament il-faldetta. Hawn min jgħid li l-faldetta hi l-istess ħaġa bħall-GĦONNELLA. A. de S. jagħmel distinzjoni bejniethom. Hu jgħid li l-faldetta kellha l-għata, mentri l-għonella ma kellhiex. Jgħid ukoll li l-faldetta kienet bħall-GEŻWIRA b’xi differenzi żgħar. Cassar Pullicino jikkwota lil Laferla u ’l Cremona li jgħidu li l-faldetta kienet speċi ta’ ĊULQANA. Cassar Pullicino jgħid ukoll li fl-antik, il-faldetta kellha kuluri partikolari, eż., aħdar jew abjad. Hu jirriferi għal interpretazzjoni ta’ bosta esperti barranin tal-folklor, l-aktar Taljani, li jinterpretaw il-faldetta b’diversi modi. Hemm minnhom li jsostnu li l-faldetta kienet l-istess bħaċ-ċulqana. Fid-https://dizionario.internazionale.it/ hemm miktub hekk: ‘[…] abbigl. manto di lana o di seta, lungo fino al ginocchio e fornito di cappuccio, tipico delle donne di Malta. Abbigl. largo lembo della gonna del tipico costume femminile corso, usato per coprirsi il capo […]’. Sqal. fadigghia; Tal: faldetta. Sorsi: Studies in Maltese Folklore, ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp. 151 – 153; Peasant Costumes – Insights Into Rural Life and Society, Ed. Kenneth Gambin.
FARBALÀ Kappa li dari kienu jilbsu fuq spallejhom l-imħallfin jew il-kleru. Xalla li kienu jilbsuha l-aktar in-nisa xjuħ. PANTOR ta’ drapp imġiegħed u mdawwar bil-ħjata mat-tarf tad-dublett bħala tiżjina.
FILOXX Tip ta’ drapp qisu xibka ħafifa li jintuża għal bosta raġunijiet, fost affarijiet oħra biex minnu jsiru velijiet u mantijiet, eċċ. Kelma oħra hi, TULL. Oriġ. Għ. filax. Ing. Tulle.
FIMINELLA Ħolqa żgħira tal-metall meħjuta fil-ħwejjeġ, qliezet eċċ, magħmula biex fiha tinqafel il-buttuna. Fiminella ġejja mit-Tal. femmina, għax f’din il-ħolqa tidħol parti oħra li hi ‘maskili’. Sqal. fiminella.
FIRJOL Tip ta’ mantar, norm. iswed u tas-suf, li l-membri tal-kleru kienu jilbsu fuq l-ispallejn, biex jipproteġu l-ħwejjeġ l-oħra ta’ fuqhom. FRAJWEL Mantell żgħir. Sqal. firriolu – M. mantell.
FOSSA Ħaġra prezzjuża li tkun ingastata fiċ-ċurkett. Norm. din hi riferenza għall-ikbar ħaġra fost l-oħrajn li jiddekoraw iċ-ċurkett, jew xi labra jew kullana.
FRAKK Ġlekk imfassal twil minn wara iżda qasir minn quddiem, u li jixbah il-bakkaljawwa. Ġistakor. Tal. frac mill-Fr. froc.
FURFIĊETTA Labra magħmula minn biċċa wajer mgħawweġ fi tnejn u b’żewġt itruf. Il-furfiċetta tintuża biex iżżomm ix-xagħar twil f’postu. Tal. forficetta – M. forċi żgħir; xi ħaġa li għandha l-forma ta’ mqass – Tal. forbici.
FURSETTA Tip ta’ inforra li tinħiet mill-ħajjat biex jagħti s-saħħa minn taħt lid-drapp tal-ilbies, kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Sqal. furzetta.
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
FUTJANA M.A.V. (1796) jiddeskrivi din il-kelma bħala turban li kien jintlibes imdawwar mar-ras, magħmul minn drapp twil. Skont M.A.V. dan kien jintlibes l-aktar mir-raħħala u miż-żgħażagħ. Biss, id-dizzjunarju ta’ F. Vella (1843) jispjega l-futjana b’dan il-mod: […] striscia vergata di panno lino o cotone che i contadini maltesi portano sulle spalle […]’.
ĠANKULINA (J.A.) / ĠANKERLINA (E.S.I.) Tip ta’ kowt li fl-antik kien jintlibes fuq ilbies ieħor biex jilqa’ kontra l-kesħa. Sqal. giaccalina. (Damma) […] Specie di pallio quasi caputto ma sena capoccio […].
ĠARRETTIERA Il-qafla li żżomm il-kalzetti twal (tights) marbutin sew mal-kuxxtejn. Ara: HONI SOIT QUI MAL Y PENSE. Ing. Garter.
ĠAŻRA Ħajt magħżul mill-għażel qabel ma jkun mogħti l-kulur. Sorsi: M.A.V. E.S.I. u J.A.
ĠISTAKOR / ĠUSTAKOR Tip ta’ ġakketta twila li kienet tintlibes min-nobbli jew sinjuri fis-seklu sittax u sbatax. Din kienet tkun marsusa mal-ġisem u tinqafel bil-buttuni minn quddiem. It-tarf tagħha minn wara kien ilaħħaq sal-irkoppa. Sqal. giustacori. Tal. giustacuore / gustacuor. Fr. justacorps. M. magħfus preċiż mal-ġisem.
GALAXXINT Kullana b’fossa kbira li kienet tintlibes għal xi okkażjoni speċjali. Etim. dubjuża, biss jista’ jkun li l-kelma ġejja minn: gala (prob. mitTal. gola – M. għonq), u xint, jiġ. ‘xintilli’ (Tal. scintillare). Jew, xint mit-Tal. cinto – M. ċirku.
GAMEW Ornament li jintlibes min-nisa bħala pendent mal-għonq jew b’labra fuq il-pavru tal-ġakketta. Il-gamew norm. jikkonsisti minn ħaġar ta’ ċertu valur, bħall-avorju u ambra, iddisinjat u mnaqqax, u kultant imħallat ma’ materjal ieħor. Etim. Gr. komma – M. inċiżjoni, jew Gr. kamaton – M. xogħol iebes u artiġjanali. Tal. cammeo.
GANZA / RGANZA / ORGANZA Tip ta’ kurdiċella, norm. magħmula mill-ħarir, ta’ xeħta pjuttost trasparenti u mġiegħda, qisha bizzilla li tinħiet fil-bordura tal-ilbiesi biex dawn jingħataw dehra attraenti. Illum, il-ganza ssir ħafna drabi min-nylon jew mill-polyester u tinxtara biex biha ssir kull tip ta’ dekorazzjoni fuq id-drapp. Isiru wkoll fjuri minn dan il-materjal għall-ilbiesi eleganti u l-ilbiesi tat-tieġ. Il-kurdiċella tal-ganza tintuża wkoll biex tagħti xeħta dekorattiva lid-drapp tal-purtieri. Tal. organza.
GEŻWIRA A. De S. jiktibha DGEŻWIRA 1. A. de S. jgħid li dan kien kostum bħall-faldetta, li però ma kellux għata, u li kien jintlibes biss fid-dar. Dublett tal-għażel li fl-antik in-nisa kienu jilbsu fuq ħwejjiġhom biex jagħmlu x-xogħol tad-dar. A. de S. ikompli jgħid li dan kien magħmul mill-qoton, u kien ta’ kulur kaħlani b’ċintura bajda. Kien jintlibes min-nisa tal-kampanja. faldetta, zinale. Qawl: ‘B’mitt sena ħsieb ma traqqax geżwira’.
GRANSPINAT Katina tad-deheb maħduma b’mod artiġjanali tal-aqwa kwalità li tintlibes bħal kullana tal-barbazzal. Dan ix-xogħol fin fid-deheb kien jintlibes kemm min-nisa kif ukoll mill-irġiel, tal-aħħar biex idendlu l-arloġġ tal-but. Din il-katina kienet tintlibes ukoll mill-kanonċi u magħha kien ikun imdendel salib. Etim. Tal. grano spinato – M. żerriegħa bix-xewk.
GĦAŻEL Tip ta’ drapp li jinħadem mill-kittien. F’Malta l-għażel ilu jinħadem għal eluf ta’ snin. Dan anki jissemma minn Ċiċerun, fl-akkużi tiegħu kontra Caius Verres, (70 Q.K.), meta dan tal-aħħar kien seraq fost affarijiet oħra, kwantitajiet kbar ta’ dan id-drapp minn Malta. L-għażel hu materjal addattat biex jintlibes għax hu drapp ħafif u fl-istess ħin b’saħħtu. Biex l-għażel jibda jinħadem, għall-ewwel tinħaddem ix-XOQQA bil-ħjut infilsati ma’ xulxin bi ħjata forma ta’ gradilja. Maż-żmien, il-kelma ‘għażel’ bdiet tirreferi anki għal tessuti ta’ materjal ieħor li jinħadem bl-istess mod. Tip ieħor ta’ għażel huwa l-FUSTAN. Ara: NEWL u XOQQA. Ara: Kienet fuq il-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt pp. 221-253.
GĦONNELLA (pl. għenienel) Libsa sewda tal-ħarir li tintlibes minn fuq ir-ras u tinżel sal-għekiesi. Biż-żmien kienet bdiet tinħiet b’mod li parti mid-drapp kien imtawwal biex jittella’ ’l fuq u jgħatti r-ras. L-għonnella wara bdiet tinħadem b’mod li tinżamm b’id waħda, bħal speċi ta’ arkata tad-drapp, biex tkopri u tipproteġi r-ras mix-xemx. Dan kien isir billi d-drapp jinħiet fuq BALIENA. Il-kelma għonella ġejja minn gonnella, jew gonna, li bit-Tal. tfisser dublett komuni. A. de S. jagħmel distinzjoni bejn l-għonella u l-FALDETTA, waqt li oħrajn jgħidu li dawn kienu l-istess ħaġa. A. de S. jgħid li l-faldetta kellha l-għata, mentri l-għonella ma kellhiex. Tal. fadigghia jew faldetta. Ara: Studies in Maltese Folkore, ta’ Joseph Cassar Pulliċino, pp. 151-153.
ĦANNIEQA Kull oġġett li wieħed idendel jew idawwar ma’ għonqu bħala ornament personali. Kullana, kullar, katina jew BARBAZZAL.
ĦATEM Ċurkett; siġill. Is-saba’ tal-ħatem, is-saba’ li fih jintlibes iċ-ċurkett taż-żwieġ.
ĦOŻŻA Ċinga jew qafla li tintrabat madwar il-qadd biex jinqafel il-qalziet, l-aktar dak ta’ taħt. Idj. beda jerfa’ ħożżtu – jiġ., beda jagħmel ta’ rasu u ma baqax jisma’ milli jgħidulu. Ngħidu, ‘donnu ħożoż’ – jiġ.; liebes żmattat. Qawl: Mhux kull ħożża tistor il-bażwa. Sors: Idjomi Maltin ta’ Karmenu Fenech.
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
ĦŻIEM 1. Drapp twil li jdur mal-qadd biex iżomm il-qalziet magħfus sewwa. Speċi ta’ terħa. Tip ta’ ċinturin tad-drapp. 2. Ġlekk ta’ taħt tan-nisa li jintlibes biex iżomm is-sider sod. Kurpett. 3. Il-qadd innifsu tal-ġisem ma’ fejn jintrabat il-ħżiem. Għ. ħiżam – M. ċinturin.
INĊIRATA Mantell jew simili magħmul minn drapp impermeabbli li jintlibes jew jintefa’ fuq ir-ras u l-ispallejn biex jilqa’ kontra x-xita. L-isem antik għar-raincoat. Tal. incerata, impermeabile per marinai.
IXXI Kull tip ta’ tlellix. Ilbies li wieħed jiddandan bih għall-okkażjoni. Kelma simili hi XEJXI. Il-kelma tingħad ukoll b’mod dispreġġjattiv, bħal meta wieħed jgħid, ‘Dak il-bniedem kollu ixxi’. – jiġ., kollu ħmerijiet jew fittaġni żejda.
KABOZZA Mantell, li kien jintlibes mill-bdiewa meta joħorġu jaħdmu filgħodu kmieni fl-għelieqi biex jipproteġu ruħhom mis-sirda. Dan il-mantell li kellu wkoll barnuża, kien ta’ materjal oħxon, magħmul mis-suf tan-nagħaġ u l-qoton. Sa nofs is-seklu għoxrin il-kabozza kienet għadha tintlibes mill-bdiewa tal-Għarb u dawk ta’ San Lawrenz f’Għawdex. Ħaġa kurjuża hi, li din il-kabozza kienet tintlibes ukoll fil-funerali, biss minn taħt fuq, jiġ., il-ġewwieni tal-kabozza jidher fuq barra. Ara: Mill-Ħajja ta’ l-Imgħoddi ta’ Anton F. Attard, pp. 52, 53. Sqal. cappucciu.
KAĊAWRU Tip ta’ kappell jixbah ’il-LOBBJA, biss bil-faldi kbar. Sqal. caciuolo. Sors: E.S.I.
KAFTAN Libsa, bħal tunika twila li tasal sal-art u bi kmiem wesgħin li jwasslu sew sal-polz. Kultant il-kaftan jista’ jkollu wkoll barnuża u anki jinżamm mal-ġisem bi ħżiem madwar il-qadd. Il-kaftan jintlibes f’diversi pajjiżi Għarab, l-aktar mill-irġiel u n-nisa li jżommu mat-tradizzjoni Musulmana u Għarbija. F’Malta, bosta Musulmani li jattendu l-Moskeja fl-Għid ir-Ramadan jilbsu l-kaftan. Id-drapp tiegħu jkun ħafna drabi magħmul mill-ħarir, mill-qoton jew mis-suf. Għ. kaftan.
KAMBRAŻINA (Damma) Drapp fin tas-satin li jintlibes min-nisa bħala velu.
KAPPUN Libsa bil-parti li tgħatti r-ras imwaħħla magħha. Kappa li biha wieħed jista’ jgeżwer it-tarbija hekk kif titwieled. Skufja. Barnuża.
KARPAS Beritta x’aktarx tal-ħarir jew tal-bellus, bil-ġummiena li kienu jilbsu ir-raħħala. Berritta simili għal-MILSA li kienet tintlibes wkoll sas-seklu 19. Anki De Soldanis isemmiegħha. Il-karpas isemmiegħa wkoll Gian Anton Vassallo, fil-poeżija tiegħu ‘Cliem tal-Poplu – (Sibt il-Carnival)’, fejn jgħid li xi maskerati kienu jduru bil karpàs u bil-fanal’. (Ħrejjef u Ciait, 1863.) Berrettin tal-qassisin. Sorsi oħra: E.S.I. Etim. x’aktarx mill-Grieg.
KAŻAKKA 1. Skont J.A., il-każakka hi tunika jew dublett. 2. Skont E.S.I. din hi tip ta’ libsa li tkun meħjuta norm. sħiħa biex tintlibes fuq kollox, bil-qliezi, u tinqafel mill-għonq sa isfel nett. Tip ta’ ġagaga. Il-każakka tkun ta’ materjal b’saħħtu li jiflaħ sew għax-xogħol manwali. Tal. casacca. Ħwejjeġ meħjuta fil-wisa’, eż. xi qmis jew ġlekk ta’ tul varju, li ġieli jinqaflu bil-buttuni mill-ġenb. Ing. cassock. KAŻAKK Il-buttuni jew iż-żipp tal-qalziet li llum ngħidulu kużakk.
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
KOTNINA Xoqqa tat-tajjar, drapp li minnu jsiru bosta ħwejjeġ tan-nisa. Tal. cotonina.
KUDA Ara: BAKKALJAWWA.
KURKETT (pl. krieket). Speċi ta’ ganċ li jitqabbad ma’ ieħor, norm. meħjut fuq wara tal-libsa biex din tinqafel minn wara. Kurkett ikun magħmul minn parti li tissejjaħ kurkett mara, (il-parti tal-ħolqa) u kurkett raġel (il-parti tal-ganċ). Sqal. crucchettu. Sors: J.A.
KURPETT (pl. kriepet). Libsa li tintlibes minn taħt ħwejjeġ oħra biex iżżomm it-tronk tal-ġisem marsus. Sqal. curpettu, Tal. carpetto. Ing. corset jew bodice.
LANKЀ / NANKIN 1. Tip ta’ drapp fin u ħafif magħmul minn tajjar / qoton isfar ħamrani. Dan id-drapp kien popolari ħafna u minnu kienu jsiru il-ħwejjeġ, l-aktar qliezet għas-sajf. Id-drapp kien jissejjaħ hekk għax kif jgħidu, oriġina fil-belt ta’ Nanking fiċ-Ċina. Fil-verità dan id-drapp tal-qoton kien impurtat ukoll mill-Indja. Ing. Nankeen. 2. Tip ta‘ qoton li kien jitkabbar f’Malta fis-seklu tmintax. Tal. Nanchino.
LAZZ 1. Tip ta’ kurdiċella jew kurdun, norm. magħmul minn ħjut mibruma ma’ xulxin. 2. Il-gallun li jilbsu l-uffiċjali fl-armata biex jiddistingwu l-awtorità tagħhom minn oħrajn.
LIBSA TAL-BTALA (Damma.) […] Veste di solennità […].
LOBBJA Kappell, forma ta’ ċilindru qsajjar, li min-naħa ta’ fuq ikun mbuzzat ’il ġewwa. Dan it-tip ta’ kappell kien popolari ħafna sas-snin sittin. In-nom ta’ dan it-tip ta’ kappell kien ispirat minn inċident li seħħ fl-Italja fl-1869. Cristiano Lobbia kien deputat parlamentari Taljan. Dan inqatel f’Firenze, bi tliet daqqiet ta’ sikkina u daqqa ta’ oġġett iebes li qala’ fuq rasu. Bid-daqqa, il-kappell li kien liebes tgħattan. Wara dan l-inċident, disinjatur u produttur Taljan, forsi b’umoriżmu krudili, beda jsejjaħ il-kpiepel li kien jipproduċi b’forma mdeffsa ’l ġewwa, bħala ‘a LaLobbia’. Fid-dinja Anglo-Sassona dan it-tip ta’ kappell jissejjaħ Homburg, għaliex kien stil mibdi f’Bad Homburg, il-Ġermanja. Tal. lobbia. .
MANIKOTT Tip ta’ borża maħduma f’forma ta’ tubu, mimlija bit-tajjar li tintlibes min-nisa biex din iżżommilhom idejhom sħan. Ing. muffens. Muffettee. Tal. manicotti – M. idejn sħan. Kelma oħra li tfisser l-istess ħaġa hi MANXÒ. Jista’ jkun li din il-kelma ġejja mill-Franċiż, mains chaudes, li tfisser, idejn sħan.
MILSA Beritta li fl-antik kienet tintlibes mir-raħħala Maltin. Il-parti tawwalija tal-milsa tintelaq la ġenba fuq naħa waħda tar-ras. Tal. milza. Sq. melsa.
MLEFF Xall jew velu tal-ħarir jew tas-suf, li jintlibes min-nisa billi jdawruh ma’ rashom u għonqhom biex ma jħossux il-bard.
MUSTAXIJA (pl. msaxet). Velu li fl-antik kien jintlibes min-nisa biex jgħattu wiċċhom. Velu tal-crêpe trasparenti. Drapp imdawwar mal-lobbja tal-bekkamorti, jew mad-driegħ. Din kienet tintlibes bħala sinjal ta’ luttu lejn il-mejjet għal bosta żmien wara mewtu.
NANKIN Ara: LANKЀ.
ORGANDIN Drapp tal-qoton jew tal-ħarir, kemxejn ileqq, irqiq u ħafif, li jintuża l-aktar għall-ilbiesi tan-nisa. Tal. organdi. Qabb. ma’ RGANZA.
PANĊIERA Materjal tal-lastku li tintuża biex tiddawwar maż-żaqq norm. biex iżżomm iż-żaqq ‘il ġewwa, jew id-dahar f’pożizzjoni dritta u soda biex jitnaqqas l-uġigħ. Ing. body-belt jew corset.
PANTOR (pl. pnatar) Strixxa drapp meħjuta mat-tarf tad-dublett biex iżżejjen. Din tista’ titħalla tperper jew inkella tkun bil-ġmigħ. Ing. flounce.
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
PARKAN (pl. praken). Drapp oriġ. magħmul mill-ġild tal-mogħża. Ċamlott. Norm. dan kien jintuża billi jitpoġġa fuq is-saqajn meta wieħed jivvjaġġa bil-kaless, biex ma jħossx il-bard. Tal. barracano. Sors. E.S.I. Damma.
POLKA 1. Ġakketta żgħira li kienet tintlibes min-nisa daqs mitt sena ilu. 2. Katina rqiqa, norm. tad-deheb, li magħha jiddendel l-arloġġ tal-but meta dan jitqiegħed fil-but ta’ ġewwa tal-ġlekk jew tas-sidrija.
PUNTETTA 1. Ħjata fit-tarf tal-kalzetti li tgħatti s-swaba’ tas-sieq.
QLEJBA Drapp ħafif li jitpoġġa fuq il-ħarqa biex din ma tisloħx il-ġilda tarja meta ddur madwar il-ġisem tat-tarbija. Ġieli dan id-drapp kien ukoll jintuża biex jitpoġġa fuq l-ispalla biex jekk it-tarbija ittella’ xi flat, din tilqa. Ara: FISQIJA.
QORQ (pl. qrieq) Sandli, karkura. Skont G.P. Badger (1838), dan kien ikun magħmul mill-ġild tal-barri u miżmum mas-saqajn b’żewġt iqfiel maħduma mill-istess materjal. Kienu jgħidu, ‘Islifni wiċċek ħa nagħmel qorq!’ It-tnejn jingħadu għal xi ħadd li jkun wiċċu tost.
RGANZA Ara: GANZA.
SANNAKK / SANNAKKU Tip ta’ għonnella li A. de S. jgħid li kienet magħmula minn drapp ikkulurit li n-nisa kienu jilbsu fuq rashom u fuq spallejhom. Etim. il-kelma ġejja mill-Isqalli u mill-Kalabriż. Sqal. sannaccu jew Kalabriż sunnaccu – velu li s-sorijiet ta’ Kalabrija u Messina kienu jilbsu madwar għonqhom. M.A.V. (1796) jagħti t-tifsira ta’ din il-kelma bħala mezza camicia. Biċċa jew nofs qmis. A. de S. fid-Damma jagħtiha bħala: Abito femminile gala. L. Anabolagium. Sorsi oħra: V. B. (1900) u Kalepin (1941). Etim. Metatesi ta’ succanu (Sq.) ‘[…] Velo o panno che per lo più le suore portano sotto la gola […]’ sors: Nuovo Dizionario Siciliano Italiano (1853), ta’ Vincenzo Mortillaro.
SARWAL / SARWAN (pl. sriewal jew srawan). Qalziet imfassal b’mod miftuħ bħal dawk tradizzjonali tat-Torok u tal-Griegi jew taz-zingari. Illum tara bħalhom l-aktar fl-Asja, eż. fl-Indja u l-Pakistan. Bl-Ing., il-qalziet tas-sarwal jissejjaħ Punjabi trousers. Kienu jgħidu, ‘kemm int imsarwal illum?’ – jiġ., kemm int liebes b’mod traskurat? LABRA TAS-SARWAL Labra li torbot il-qalziet minn fuq biex iżżommu marsus sew mal-qadd.
SETAKRUDA Tip ta’ drapp tal-ħarir li jinħadem l-aktar għal ilbies eleganti, eż., għal xi libsa intera, jiġ., ġlekk u qalziet, l-aktar tas-sajf. Dan il-ħarir ma jkunx inżebagħ u allura jżomm il-kulur kannella, il-kulur naturali tal-ħarir.
SKUFJA Kappa li tintlibes billejl. Din il-kappa kienu jlibbsuha lit-trabi biex tipproteġihom mill-kesħa. Kappa tas-suf jew tal-għażel maħduma b’mod li tagħfas mar-ras minn fuq u b’żigarella tinżel mal-għonq u tinqafel ma’ taħt il-geddum. Din tintlibes ukoll min-nisa u għaldaqstant tkun iddekorata mit-tarf bil-bizzilla. Tintlibes ukoll mis-sorijiet.
SOGOLLU Drapp bħal għażel li jkun imdawwar ma’ għonq is-sorijiet. Tal. soggollo. Ing. wimple.
STAMINA Drapp tal-ħwejjeġ tan-nisa magħmul mis-suf, pjuttost ħafif u kkulurit; drapp tas-suf fin u mħallat bit-tajjar jew bil-ħarir li kien jintuża biex isiru l-għenienel. Għonella ħafifa, kaħla bit-tikek bojod li kienet tintlibes l-aktar mill-bejjiegħa tal-kampanja. Ara: ĊULQANA; GĦONNELLA. Sors: E.S.I.
SULETTA Feles f’qiegħ iż-żarbun magħmul apposta biex il-qiegħ tas-saqajn jkunu ppożizzjonati aktar komdi. Tal soletta.
SURTUN (pl. srajten). Ġlekk li jintlibes fit-tiġijiet eċċ. Fl-antik is-surtun kien jintlibes ukoll f’diversi okkażjonijiet oħra, bħal pereż., fil-funerali u f’okkażjonijiet fejn wieħed għandu jippreżenta ruħu b’mod dekoruż u eleganti. G.B.F. (1845) jgħid: soprabito, a surtout, a frock-coat.
TAKKALJA Biċċa drapp, bħal żigarella li tintuża biex jintrabtu l-kalzetti mal-pexxul jew it-tights mal-koxox. Sqal. […] Taccaghu / taccaghia, fettucia di seta, cuoio o altro loccio con cui si legano le calze […]. Sors etim: J.A. Ing. garter. Attaccagghia: nastro per attaccare. Ara: HONI SOIT QUI MAL Y PENSE.
TERĦA (pl. trieħ). Drapp norm. tal-ħarir, maqtugħ fit-tul li kien jintlibes mill-irġiel bħal faxxa madwar qaddhom. Tip ta’ ħżiem.
TEWJA / TIWJA Tixmira fil-qalza ta’ qalziet twil.
TRESPIKOS Kappell imsejjaħ hekk għax kellu forma triangolari. Fl-antik l-Għawdxin kienu jsejħulu wkoll ‘musbieħ’ minħabba x-xebh tiegħu. Dawn il-kpiepel kienu jintlibsu mill-qassisin u mill-uffiċjali tan-Navy. Sors: Ward ta’ Qari Malti (1945), nota f’paġna 140. Sors ieħor: E.S.I.
TREVIRA Drapp sintetiku qisu krimplin biss ta’ kwalità ifjen.
TRIZZA, KAPPEL TAT- Kappell li kien ikun magħmul mit-tiben immaljat b’mod fin. Kien hemm żmien li dan it-tip ta’ kappell kien jinħadem hawn Malta. Il-kpiepel tat-trizza kienu l-aktar popolari fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin u kien jintlibes l-aktar fis-sajf. L-Ingliżi isejħu dan it-tip ta’ kappell bħala Sennet Hat g]aliex il-materjal kien dak ta’ pjanta b’dan l-isem li tikber fil-Paċifiku. Fl-antik il-Maltin, l-aktar is-sajjieda kienu jgħidulu kappell tar-rizzi. Sqal. trizza – M. imaljat. Trizzare bit-Tal. tfisser timmalja.
TULL Ara: FILOXX.
UĊĊALI Kelma li fl-antik kienet tintuża flok nuċċali. UĊĊALI TAL-MOLLA, pins-nez. Sorsi: G.B.F. (1845) u V.B. (1900). UĊĊALI TAL-MOLLA pins nez
VAJGUNA Tip ta’ drapp tas-suf imħallat bit-tajjar, qisu taħlita ta’ moħer u ħarir. L-isem ta’ dan id-drapp ġej mill-isem ta’ annimal, speċi ta’ llama, li jgħix fil-Muntanji Andes, fl-Amerika t’Isfel. Minnu jittieħed is-suf ta’ kulur kannella ċar jew abjad li hu pprestiġġjat ħafna u għaldaqstant għoli fi prezzu. Biex isir id-drapp għal ġlekk wieħed, hemm bżonn jitqaxxar is-suf minn madwar 20 jew 30 minn dawn l-annimali. Fi żmien is-seklu għoxrin dan is-suf kien ferm popolari f’Malta u kien meqjus bħala drapp tal-aqwa kwalità. Oriġ. S. Amerikan iżda tingħad ukoll bl-Ing. vicuña.
XABO’ Tarf jew keffa iddekorat/a tad-dublett jew tal-għonq tal-qmis bil-ġmigħ. Eż. ieħor ta’ xabò hu dak id-drapp tal-bizzilla li għandu xeħta ta’ maktur li jintlibes taħt l-għonq mill-imħallfin. Fr. jabot- M. frill.
XALPA / SARPA Biċċa drapp, norm. tas-suf jew tal-ħarir li tintlibes madwar l-għonq. Tal. sciarpa.
XANTALJUNI Ara: ANTAĊĊJOLI.
XEDD (pl. xdud) 1. Kull tip ta’ lbies li l-bniedem ixidd fuqu. 2. Kull tip ta’ oġġett neċessarju li bih ikunu attrezzati l-bhejjem tal-irfigħ u tal-ġarr.
XERFIJA Libsa li antikament kienet tintlibes min-nisa. A. de S. fid-Damma (1750 – 1759) isejħilha ‘gamurra’. M.A.V. (1796) jsejħilha ‘gonella’. Magri jikteb ‘xirfija’ – ċulqana. Għonnella – dublett tal-imbrukkat li parti minnu setgħet tintrafa’ ’l fuq biex tgħatti r-ras. Ara: ĊULQANA u GĦONNELLA.
XIFILQANA Il-kelma x’aktarx ġejja minn ċfulqana. Parti mid-dublett li jintefa’ minn wara fuq ir-ras. Ara: ĊULQANA.
XINTILL Tip ta’ kullana b’ħaġar prezzjuż. Tal. scintilla.
XOQQA (pl. xoqoq) Drapp maħdum fuq in-newl (Ing. cloth, linen). Ara: GĦAŻEL.
ŻARDA Parti mid-drapp li tinħall mill-bqija tal-ħjata. Dik il-parti tal-ħjata li tiżżarrad.
Bibljografija u riferenzi l-aktar użati Erin Serracino Inglott, Il-Miklem Malti, Volumi 1-10, ta' Erin Seraccino Inglott, (1989). Vella Francis, Maltese Grammar for the Use of the English, (1831). Vella Francis, Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese ta' F.Vella, (1843). Falzon Giovann Battista, Dizionario Maltese, Italiano, Inglese, ta’ (1845). Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, (1987 & 1990) Vassalli Mikiel Anton, Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., MDCCXCVI, ta' Mikiel Anton Vassalli, (1796) Agius de Soldani Damma Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghaucin, ta' Gianfrangesku Agius Sultana, (circa 1757 – 1769). Buzuttil Vincenzo, Dizzjunarju Malti-Ingliż, ta' V. Busuttil, (1900).
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
Dwar il-kelma “Trizza”
Il-kpiepel kbar li kiemu jintlibsu, l-aktar mis-sajjieda u min jaħdem fuq barra, biex jilqa l-qawwa tax-xemx konna nsejħulhom “kappell tar-rizzi” u kont naħseb li minħabba l-konnessjoni mal-baħar. Dawn jidhirli li jinħadmu minn strixxi maqtugħin mill-weraq tal-palm li huma aktar sodi mit-tiben. Allura, nistaqsi, din ta’ “kappell tar-rizzi” kienet sempliċiment tagħwiġa tal-kelma ‘trizza’ jew kienet xi ħaġa oħra? Biex niftehmu, qed nirreferi għal kappell li kien bir-ras pjuttost ġejja għal ponta u bil-faldi wesgħin, speċi forma ta’ ‘sombrero’ żgħir.
Nirringrazzjak bil-quddiem u nsellimlek.
Wally Vella-Żarb.
LikeLiked by 1 person
Hello Wally … kummenti interessanti tiegħek dwar il-kappell tar-rizzi…Tbissimt kif rajtu għax fil-warrani ta’ moħħi ftakart f’din il-kelma li l-antiki …is-sajjieda kienu jgħidu tar-rizzi flok tat-trizzi. Il-kelma bit-Taljan hi trizzare iġifieri, kwalunkwe oġġett immaljat … il-materjal tal-kappell normalment kien ikun magħmul mit-tiben jew pjanti simili. L-Ingliżi għamlu żmien jaħdmu dawn il-kpiepel għal baħrin tan-Navy Ingliża …naħseb fis-seklu dsatax M’iniex ċert jekk dan ix-xogħol kienux ukoll jordnawh min-Malta. L-Ingliżi isejħu dan it-tip ta’ kappell bħala Sennet Hat. Sennet ġejja mill-isem sennit li hi tip ta’ pjanta li tikber fl-Oċean Paċifiku; tikber l-aktar fuq il-gżejjer Samoa.
LikeLike
Nirringrazzjak tat-tweġiba. Il-kitbiet tiegħek dejjem insibhom interessanti u napprezza x-xogħol li tagħmel.
LikeLiked by 1 person
Hi Wally … tant għoġobni il-kumment tiegħek dwar il-kappell tar-rizzi li nkuldejtu mat-tifsira .. grazzi tal-kontribut tieghek … tislijiet Martin
LikeLike