Il-FORKA
u
għodda oħra ta’ kastig, twissija u moħqrija
Introduzzjoni
Għall-mijiet ta’ snin, il-forka kienet l-aktar makkinarju u mod effikaċi li bih l-ikkundannati jinqatlu mingħajr tixrid ta’ dmija, u kif jaħsbu ħafna, fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas tbatija għall-akkużat. F’Malta, bħal f’pajjiżi oħra, il-forka damet tintuża għal mijiet ta’ snin, biex tikkastiga lil kriminal, u biex twissi lill-poplu inġenerali biex jobdi l-liġi.
Żmien l-Ordni
Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, l-ikkundannati għal mewt kienu, ġeneralment, jingħataw il-piena kapitali bit-tgħalliq fuq il-forka. Mhux l-ewwel darba jew tnejn li t-tgħalliq kien ikun preċedut b’torturi, kemm waqt il-proċess ġudizzjarju, biex l-imħallef jikseb il-verità, kif ukoll wara li l-imputat jinstab ħati, bħala kastig ta’ natura vendikattiva, qabel ma l-akkużat jingħata l-piena kapitali. Jekk imbagħad, l-ikkundannat ikun xi skjav, l-aktar, Musulman, Lhudi jew Ortodoss, mhux ikkonvertit, il-mewta tiegħu kienet tkun aktar ħarxa, b’torturi jekk mhux ukoll b’mutilazzjoni tal-ġisem. Il-mutilazzjoni tal-ġisem kienet bosta drabi tagħmel parti mir-ritwal ta’ wara l-mewt tal-ikkundannat, biex dan ikun imżeblaħ u ttratt bl-aktar mod degradanti. Il-proċess li bl-Ingliż jgħidulu, ‘hanged, drawn and quartered’ kien ipprattikat f’Malta kemm-il darba.
Hekk ġara lil bosta li kienu involuti fir-Rewwixta tal-Ilsiera, fl-1749. Daqs 150 skjav kienu akkużati b’komplott biex jinqatel il-Gran Mastru Pinto, u jaqa’ l-Ordni mill-poter, ġew pproċessati u sofrew ħruxijiet kbar. Minn dawn l-akkużati kien hemm tmienja u tletin ikkundannati għall-mewt. Dawn kienu ttorturati, kemm waqt il-proċess ġudizzjarju, anki biex jikxfu lill-sħabhom, kif ukoll wara meta nstabu ħatja, waqt li kienu qed jittieħdu lejn il-forka. Mill-ħabs tal-Kastellanja dawn kaxkruhom matul diversi jiem lejn il-Furjana, jew lejn il-Port il-Kbir. Minn kull fejn għaddewhom, dawn kienu mgħajra min-nies u msawta mill-kalzriera b’mod l-aktar krudil. Fl-aħħar, xi wħud minn dawn spiċċaw mgħallqa fuq il-forka. (Robert Thake, 2013). Min minnhom aċċetta li qabel ma jmut ikun mgħammed, dawn kienu mgħallqa, u wara ddekapitati u ġismhom maħruq. Oħrajn li baqgħu iħaddnu r-reliġjon tagħhom sal-aħħar nifs, niżżluhom lejn xatt il-Belt mill-Porta Marina, (Victoria Gate), huma u jitfawlhom il-qatran jagħli fuq il-feriti u jgħasulhom il-ġilda bil-forċipi. Hemm telgħuhom fuq barkun, rabtulhom dirgħajhom bil-ħbula u minn fuq tmien dgħajjes ġebbduhom minn kull naħa sakemm ġisimhom kien żglugat u mqatta’ biċċiet. (Carmelo Testa, 1989).
Fil-ġudizzji kriminali ta’ kuljum, kien hemm ħruxijiet oħra, speċjalment minn imħallef partikulari li kien magħruf għall-kefrija li kien juża mal-imputati. Dan kien Dott. Giulio Cumbo. Matul l-erbgħin sena li dam imħallef, Cumbo bagħat għall-forka xejn inqas minn 120 ruħ. Mhux talli hekk, talli kien jordna li wara li t-tgħalliq, ġisem l-ikkundannat ikun mqatta’ f’biċċiet (bl-Ingliż: hanged, drawn and quartered). Waqt il-proċess ġudizzjarju, Dr. Cumbo kien ta’ spiss jordna lill-imputat li jkun ttorturat, billi jitqiegħed bilqiegħda għal sigħat sħaħ fuq blokka triangolari tal-injam, sabiex l-akkużat isofri l-uġigħ u jkun sfurzat li jgħid dak li jrid jisma’ l-imħallef. Cumbo kien tant magħruf għal dan it-tip ta’ tortura, li bosta kienu jsejħu dan l-apparat tat-tortura, il Cavallo di Cumbo.
Fi żmien l-Ordni, il-forka kienet tintrama’ ta’ spiss, għax ma kontx trid wisq biex wieħed jingħata l-piena tal-mewt. Mhux biss jekk l-imputat ikun akkużat bi qtil, jew feriment, iżda anki jekk wieħed kien ikun akkużat b’serq jew bi ksur ta’ kwarantina. Waħda mill-forok kienet lokalizzata fuq il-blat, fejn il-bokka tal-Port, fejn hemm il-Forti Ricasoli. Dan il-post għadu magħruf bħala Punta delle forche. Din il-forka kienet imqiegħda hemm apposta biex twissi lil kull min jaraha, l-aktar il-barranin li jaslu Malta, li l-Liġi, kienet dejjem lesta li tpattiha lil kull min jazzarda jxellef sebgħu magħha. Intant, apparti din, kienet tintrama’ forka oħra fix-xagħra tal-Furjana. Kien hemm ukoll forka oħra fir-Rabat, li kienet isservi għas-sentenzi mgħoddija mill-Curia Capitanale tal-Imdina. Għad hemm mkien li jissejjaħ ‘Pjazza Forok’. Apparti minn hekk, mhux l-ewwel darba li l-forka kienet tintrama’ fil-belt jew raħal fejn ikun sar id-delitt, biex l-ikkundannat ikun mgħallaq qrib fejn ikun għamel id-delitt. (William Zammit, 2016).
Ir-rewwixta tal-qassisin
F’każijiet meta l-att kriminali kien ikun kontra l-istat, il-ħruxija u l-krudeltà tal-piena kienet tkun immensa kif ġa rajna fil-każ tar-Rewwixta tal-Isiera. Dan narawh ukoll fil-każ tar-Rewwixta tal-Qassisin li saret fit-8 ta’ Settembru tal-1775, fi żmien il-Gran Mastru Ximenes. Bosta mill-akkużati sofrew it-torturi, l-aktar biex jikxfu lill-sħabhom. Biss, f’dan il-każ, tlieta biss inqatlu, għalkemm mhux ċar jekk dan seħħx wara l-proċess ġudizzjarju jew hekk kif inqabdu ir-ribelli mis-suldati, fis-saħna tal-mument. Dawn it-tlieta spiċċaw b’rasu maqtugħa u mwaħħla mal-ponta ta’ lanza. Il-lanez imbagħad twaqqfu fuq il-Kavallier ta’ San Ġakbu, biex jarahom kulħadd. Dawn l-irjus leħqu saru skeletri, għax damu hemm żmien twil u leħaq miet il-Gran Mastru Ximenes; kien il-Gran Mastru De Rohan li kien elett warajh, li ordna li dawn jitneħħew minn fejn kienu. (G. Bonello, 2008).
Inkwiżizzjoni
Apparti l-awtorità u l-ġurisdizzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann, bħala l-istituzzjoni governattiva, f’Malta ta’ żmien l-Ordni, kien hawn istituzzjonijiet oħrajn li kellhom l-awtorita li jarrestaw u jiġġustizzjaw f’dak li kien kompitu tagħhom. Wieħed kien l-Isqof ta’ Malta u l-ieħor l-Inkwiżitur. Dan tal-aħħar, bħala l-mibgħut tal-Papa kellu seta’ daqs dik tal-Ordni, jekk mhux aktar, biex fejn kien jidħol il-ħarsin u l-prattika korretta tar-reliġjon f’Malta kellu ġurisdizzjoni assoluta. Mhux talli hekk, talli in-nies li kienu impjegati miegħu kienu wkoll jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Bosta mill-kastigi li kienu jingħataw lil min jinstab ħati ta’ xi nuqqas fir-regoli tal-Knisja, kienu jkunu pjuttost ħfief sakemm it-trasgressjoni tkun minuri u l-imputat jaċċetta ħtijietu u jwiegħed li ma jerġax. Biss, meta l-imputat kien ikun akkużat b’affarijiet aktar gravi, bħal meta dan ried jibqa’ jipprattika u jxerred it-twemmin li kien kontra dak tal-Knisja Kattolika, dan kien ħafna jispiċċa jqatta’ bosta snin f’waħda miċ-ċelel tal-Palazz tal-Inkwiżitur; rarament kienet tinqgħatalu għall-mewt. Biss dan seħħ. Hekk ġralu il-Franċiż, Don Francesco Gesualdo. Dan kien intbagħat għall-mewt, jinħaraq f’ħuġġieġa, fil-pjazza tal-Birgu. (Cassar Carmel, 2000).
Żmien il-Franċiżi
L-istorja ta’ Dun Mikiel Xerri turina li għalkemm il-Franċiż f’pajjiżhom kienu jiddilettaw bil-qtugħ ir-ras taħt il-giljottina, dan il-makkinarju ma ntuża qatt f’Malta. Meta nkixfet ir-rewwixta ta’ Dun Mikiel Xerri u sħabu, dawk kollha kkundannati għall-mewt, 49 b’kollox, ġew iffuċillati minn skwadra ta’ suldati, fi gruppi żgħar, f’jiem differenti, mall-ħajt tal-Palazz, fi Pjazza San Ġorġ. Intant, ta’ min wieħed ikun jaf li l-aħħar darba li ntużat il-gilljottina fi Franza kien fl-1977.
Żmien l-Ingliżi
F’Malta, mill-1800 sa l-1971, il-piena tal-mewt ingħatat 170 darba, għalkemm, sitta u ħamsin minn dawn is-sentenza inbidlu f’waħda ta’ ħabs. (Eddie Attard, 2004). Fi żmien l-Ingliżi il-forka kienet l-istrument principali li biha l-ikkundanati kienu jingħataw il-mewt bl-aktar mod ‘uman’ biex l-ikkundannat ibagħti mill-inqas sakemm imut. Biss, nafu b’każi, fil-bidu tas-seklu dsatax meta l-awtoritajiet kienu jagħmlu aktar minn hekk.
Biex nagħti eżempju, meta ċertu Ġiuseppi Camilleri kien instab ħati ma’ erba’ kompliċi oħra bil-qtil ta’ Dun Alwiġ Deċelis, qassis min-Naxxar, fi Frar tal-1806, Camilleri ngħata l-mewt bit-tgħalliq fix-Xagħra tal-Furjana. Bħala l-perċimes tal-grupp, Camilleri, wara l-mewt bil-forka, kien dikapitat, u rasu tpoġġiet fuq kolonna tal-ġebel ħdejn il-post fejn kien sar id-delitt in-Naxxar. (Eddie Attard 2004). Dan l-aġir mill-awtoritajiet kien qed juri lill-poplu li l-ġustizzja saret biex tpatti għal qtil; biss, fl-istess ħin, l-awtoritajiet Ingliżi kienu qed iwissu li ħadd ma għandu jikser il-liġi għax il-konsegwenzi kienu serji.
Ta’ min wieħed isemmi l-każ tas-suldati barranin tar-Reġiment Froberg li fis-7 ta’ April tal-1807, numru kbir ta’ suldati stazzjonati fil-fortizza tar-Rikażli rvellaw kontra l-uffiċjali tagħhom. F’din ir-rewwixta żammew l-uffiċjali tagħhom għal xi żmien bħala ostaġġi. Meta fl-aħħar ir-ribelli ċedew, dawn intefgħu il-ħabs u għaddew qorti marzjali. Ħamsa u għoxrin minnhom ġew ikkundannati għall-mewt. L-eżekuzzjoni saret fix-xagħra tal-Furjana. Il-Kmandant ġiegħel li l-ewwel ħamsa minn dawn jkunu mgħallqa fuq il-forka minn ħamsa oħra li kienu sħabhom stess. Imbagħad it-tieni grupp ta’ ħamsa, kienu wkoll mgħallqin minn sħabhom oħrajn. Imbagħad dawk li kien fadal, daqs ħmistax-il suldat, kienu ffuċillati minn skwadra ta’ suldati Ingliżi.
Għall-parti l-kbira tas-seklu dsatax, it-tgħalliq bil-forka baqa’ jsir fil-pubbliku. Kien hemm żmien illi l-forka kienet tkun armata barra l-Belt Valletta, bejn wieħed u ieħor, fejn illum hemm il-Monument tal-Gwerra. Għadek sal-lum tisma’ lil min juża’ l-espressjoni, ‘dak imisshom jagħlquh fuq ix-Xgħara tal-Furjana!’ Meta nbena l-ħabs ta’ Kordin fl-1850, it-tgħalliq beda jsir fuq ix-xagħra, barra il-ħabs, biex in-nies ikunu jistgħu jattendu. Din id-drawwa waqfet fl-1878 (William Zammit, 2004). Fl-Ingilterra din l-użanza kienet twaqqfet għax snin qabel. (Charles Duff). Il-forka imbagħad bdiet tintrama ġewwa l-ħabs, f’sala għaliha. Preżenti għat-tgħalliq kien ikun hemm l-uffiċjal inkarigat mill-ħabs, tabib tal-Gvern, il-Kummissarju tal-Pulizija, u l-kappillan tal-ħabs. Wara li l-ikkundannat jgħallquh, ġismu kien jindifen fiċ-ċimiterju tal-ħabs stess.
Ir-Rożarjanti
Qabel l-eżekuzzjoni, l-ikkundannat kien jitqiegħed f’ċella għalih u kien ikollu żewg patrijiet Kapuċċcini miegħu lejl u nhar biex jikkonfortawh. L-aħħar tlett ijiem kien ikun hemm ukoll membri tal-konfraternità tar-Rożarjanti tal-knisja tal-Porto Salvo tal-Belt, jitolbu miegħu fil-kappella, bi preparament għall-eżekuzzjoni.
Kemm fi żmien l-Ordni kif ukoll fi żmien l-Ingliżi, kien hemm l-użanza li hekk kif il-ħabsi tinqatgħalu għal mewt, membri tal-Konfraternità tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann, ossija, tar-Rożarjanti, kienu joħorġu fit-toroq tal-irħula u l-bliet jiġbor il-flus għall-quddies li jsir għal ruħ il-mejjet kif ukoll għall-familja tal-ikkundannat. Dawn il-konfrati kienu jkunu lebsin il-kunfratija u bil-kabozza fuq rashom. Fuq il-bott tal-ġbir kien ikun hemm santa li turi l-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista. (Spiteri Charles B., 1995).
L-aħħar darba li ngħatat l-forka f’Malta kien fil-każ ta’ żewġ aħwa – Carmel u Ġużeppi Zammit fil-5 ta’ Lulju tal-1943, wara li nstabu ħatja li kienu qatlu raġel. Fl-1963, ingħatat l-aħħar sentenza kapitali, iżda din wara nbidlet mill-Gvernatur għal għomor il-ħabs. Il-piena tal-mewt ġiet abolita b’liġi li għaddiet fil-Parlament fl-4 ta’ Ottubru tal-1971 u b’hekk il-forka saret parti mill-folklor tal-passat. Madankollu l-piena kapitali f’pajjizna baqgħet f’każijiet ta’ tradiment, spijar, rewwixti jew amutinamenti fil-Qawwiet Armati ta’ Malta. Din il-liġi kapitali ukoll tneħħiet, fis-sena 2000.
Martin Morana
17.09.2021
Kitba u pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur … https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Bibliografija
Attard Edward, Delitti f’Malta - 200 sena ta’ Omiċidji 1800 - 2000. Book Distributors Ltd. 2004. Bonello Giovanni, ‘The failed priests’ uprising of 1775’, The Sunday Times of Malta, March 15, 2008. Cassar Carmel, Society, Cluture and Identitiy in Early Modern Malta. Mireva Publications. 2000. Gambin Kenneth, Torture and the Roman Inquisition. Heritage Books. 2004. ‘The History of Hanging’, Duff Charles. https://www.historic-uk.com/HistoryUK/HistoryofBritain/The-Art-of-Hanging/ Mizzi Paul, ‘The Rising of the Priests’, Heritage - Encyclopedia of Maltese Culture and Civilization, Vol. 1. Montanaro Edgar G., ‘The Archconfraternity of the Holy Rosary in the parish church of the Porto Salvo’, Heritage Encyclopedia of Maltese Culture and Civilization, Vol. 2. Pullicino Philip, Froberg’s Regiment’, Heritage Encyclopedia of Maltese Culture and Civilization, Vol. 2 Spiteri Charles, Tifkiriet ta’ L-Imgħoddi. Pubblikazzjoni Indipendenza (PIN). 1995. Testa Carmelo, Maż-Żewħ Nażat tas-Swar, Klabb Kotba Maltin. 1980. Testa Carmelo, The Life and Times of Grand Master Pinto (1741 - 1773). Midsea Publications. 1989. Thake Robert, Patriotism, Deception and Censorship. BDL Publishing. 2013. Zammit William, Kissing the Gallows. BDL Publishing. 2016.