AGRIKOLTURA u TERMINI RURALI

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

ANDAR  Ir-roqgħa art li tintuża mill-bdiewa, biex fuqha jkun jista’ jsir id-DRIS tal-qamħ.  J.A. u E.S.I. iqabblu l-andar mal-qiegħa (bl-Ing. threshing floor). Anton F. Attard jagħmel distinzjoni bejn il-qiegħa u l-andar, għax skont hu, tal-ewwel hi l-art fejn jindires il-qamħ, waqt li t-tieni hu l-ambjent kollu tal-madwar, fejn ix-xogħol ikun organizzat. Fuq l-andar ikun hemm il-ħalel (imniezel pl. ta’ MUNZEL) taż-żara’ (qamħ u xgħir). Ikun hemm ukoll it-tiben wara li jindires, il-karfa, u l-għodod tal-qiegħa. F.Vella (1843) jaqlibha għall-Ingliż bħala, barn floor.

andarr-2

ANNATA   Rif. għal sena jew staġun relatat mat-tkabbir u l-ħsad tal-frott u l-prodotti agrikoli oħra. Ngħidu, b’riferenza għal dan, ‘din is-sena kienet annata tajba’.

APPANNAĠ     Ara: KARNAĠĠ.

BAGĦAR    Ħmieġ tal-baqar jew taż-żwiemel, l-aktar meta dan ikun qed jintuża bħala demel jew biex jinħaraq fl-ifran. Sors: E.S.I.

BAGĦLI     Raba’ li mhux saqwi, imma li tista’ tkabbar fih xi prodotti li ma jridux (bilfors) it-tisqija.  Jissejjaħ bagħli wkoll xi ħaxix tal-borma li jista’ jitkabbar f’raba’ bħal dan: bħal Qarabagħli, Kromba bagħlija.

BĦAJRA    1. Għalqa mimlija bettieħ jew dulliegħ u frott ieħor tal-ilma. 2. Għadira (bħal baħar żgħir fil-magħluq). Idj: ‘Wara li ħadulu l-bħajra għamel l-għarix’ – jiġ., fittex li jipproteġi il-proprjetà tiegħu meta kien diġà misruq.

BINNIJA    Bejta fejn it-tiġieġ ibidu l-bajd. Sors: J.A. Qawl: Fuq il-binnija jidden is-serduq – jiġ. wieħed iħossu żgur u ħieles meta jkun f’daru.  Sors:  Il-Qawl Iqul (P.E.G. 1989).

BIQA     1. Ħabel irqiq li bih jorbtu l-qatet tal-qamħ, silla, xgħir, eċċ. 2. Ħabel irqiq li jintrabat mal-qrun tal-bhejjem tax-xogħol (l-aktar il-baqra) ħalli l-bidwi jkun jista’ jikkontrolla l-bhima waqt il-ħidma.

BIXKILLA    Qoffa tal-qasab bil-għalaq; tkun ta’ ħafna daqsijiet skont l-użu li tkun maħsuba għalih. Tintuża l-aktar biex iġorr fiha x-xirja, imma kien hawn minnhom żgħar għall-ġarr ta’ frott bħat-tut, ċawsli, frawli, jew anke għaċ-ċombini tal-bizzilla. Qawl: Min (jaf) jagħmel bixkilla, jagħmel qartalla,jiġ., min hu kapaċi jħawwad bil-ftit jaf ukoll iħawwad bil-kbir. Sqal. fixkilla. Lat. fiscella. v. bixjek/bexkel:  għamel qfief tal-qasab.

BROKK    Fergħa żgħira li jkollha minn tnejn sa erba’ għejjun, maqtugħa minn siġra tal-frott bħala tilqima tax-xitwa. Din tiddeffes bħal feles fiz-zokk maħsud ta’ siġra selvaġġa, iżda li tkun tal-istess familja biex tal-aħħar tkun imlaqqma ħalli tagħmel il-frott.  Tal. brocca.

brokkd-grafting

BRONJA  Bebbuxu tal-baħar kbir li jilħaq it-30 ċm.  Fl-antik, it-TAĦĦAN kien idoqq il-bronja biex jinforma lill-bdiewa tal-madwar li hu kien lest biex jibda t-tħin tal-qamħ. Dan kien isir meta r-riħ kien ikun qawwi biżżejjed biex idawwar l-antenni tal-mitħna. L-istess meta x-xogħol kien jitlesta, it-taħħan kien idoqq il-bronja biex in-nies jiġu jiġbru l-qamħ mitħun / id-dqiq. It-taħħan kien idoqq il-bronja billi jonfoħ minn toqba li jkun taqqab fit-tarf tagħha.

bronja-variegata

BUQANA    Ara:  QANA.

BUR   Art moxa, tajba biss għal MERGĦA. F’Malta hawn bosta nħawi li isimhom jibda bil-prefiss ‘bur’, eż. Burmarrad, Birżebbuġa u Bormla (Bur Mula),  Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands (1300-1800) ta’ Godfrey Wettinger, hemm imniżżla mad-90 post li isimhom jinkludi dan il-prefiss. Ing. meadow.

DIKKIENA / DUKKIENA  Fil-kampanja, din hiblata jew blat li jkun fl-għoli u maqtugħ mill-bqija tal-madwar bħal xkaffa. Blataforma. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands, insibu seba’ inħawi fil-kampanja li għandhom dan l-appellattiv. Hekk insibu, id-Dukkiena tal-Għarbi fl-inħawi ta’ Tal-Qadi, jew id-Dukkiena ta’ Bonan ’lil hinn mis-Siġġiewi. Hemm ukoll id-Dikkiena ta’ Wied iż-Żurrieq.

DRIES    (pl. ta’ dris) Ix-xogħol fi kwantità tad-dris. (pl. kollettiv) Qmugħ jew sbul li jkun diġa’ indires fuq l-andar. Iż-żara’ mitluq fuq il-qiegħa biex jindires jissejjaħ TERRIEĦA. DIRES  v. Farrak is-sbul biex il-qamħ u x-xgħir jinfired għalih. Id-dris kien isir fuq il-qiegħa, u s-sbul kien jitfarrak mis-saqajn tal-bhima jew bhejjem li jduru fuq il-qiegħa. Hekk kif is-sbul ikun tfarrak sewwa, iderruh bil-MIDRA biex il-qamħ jew xgħir jaqa’ għalih waqt li biż-żiffa t-tiben jaqa’ fil-ġenb.

Andar Qiegha ila _0042 (2)

DUGĦ   (pl. dwiegħ)    1. Kelma li tirriferi għal kull tip ta’ reċipjent, bħal btieti jew krietel li fihom seta’ jintefa’ ikel jew xorb. L-aktar li kienu jintużaw id-dwiegħ kien biex jinġabru fihom il-prodotti tar-raba’. 2. L-injam li minnu jkun magħmul il-kartell.

DUQQAJS     1. Bejta tan-naħal li jkun għadu kemm faqqas. Il-qolla li fiha jitrabba n-naħal. Ġabsala. 2. In-naħla l-kbira li madwara jinġabar il-ferħ. M.A.V. (1796) jgħid li dan hu, Il re delle api.  Tingħad ukoll għad-dud li jkun hemm fiċ-ċelel tax-xehda tan-naħal, li n-naħal ikun qed jitimgħu biex jikber u jsir naħal.  Bl-Ingliż brood.

FARRU    Tip ta’ qamħ li llum jitkabbar l-aktar bħala ġwież għall-konsum mill-annimali. Is. xj. Triticum spelta, (Ing. spelt).  Pjanta li fi żmien il-bidu tal-Perijodu Neolitiku, daqs 10,000 sena ilu, ħarġet minn taħlita ta’ żewġ tipi ta’ qmuħ li kienu mkabbra mill-bniedem. Dan it-tip ta’ qamħ baqa’ jitkabbar fl-Ewropa sa żmien il-Medjuevu. Il-farru hu tip ta’ qamħ li billi ma jkunx jista’ jindires sewwa, jinsaħaq jew jintaħan, ħalli l-istonku tal-bhejjem li jikluh, ikun jista’ jġerrgħu (isajru).  Ara: Farro fil-Wikipedia.

Digital StillCamera

FOSDQA / FOSDOQ     Ġewża jew qoxra ta’ barra taż-żrieragħ, pereż., tal-ful u l-karawett. Miżwed tal-ful. 2. Magħlaq tad-dud tal-ħarir. idj: ‘daħal ġo fosdqa’ – daħal f’qoxortu. v. FESDAQ . Ara:  ĦALĠ.

ĠANDAR   1. Il-frott tas-siġra tal-balluta. 2. Din il-kelma tintuża wkoll bħala aġġ. biex tispjega li l-frott li jkun għadu ma sarx, għax ikun għadu iebes u aħdar. Ngħidu, ‘it-tuffieħ għadu ġandar’ – jiġ. għadu iebes, għadu ma sarx.

Ġandar tal-Ballut Annalise Falzon

GABILLOTT    Fl-antik, il-gabillott kien dak li jieħu ħsieb jiġbor il-qbiela (pl. ta’ qabala Għ. Gabala, Tal. ghabella) mingħand il-bdiewa għan-nom tas-sidien fewdali u proprejtarji li ġew warajhom. Illum, din il-kelma saret aktar tirriferi għal bidwi. Sqal. Gabbillottu. Lat.  Gabellariu.  Għ. qabala. M. taxxa. Qbl. ma’ QBIELA.

ĠABSALA     Bejta tan-naħal. Sors: E.S.I. uV. Busuttil (1900).

ĠARDA   L-azzjoni jew l-istat meta s-siġra tinża’ mill-weraq tagħha jew tkun ħielsa mill-frott; meta l-annimali jaqgħalhom is-suf jew meta n-nagħaġ ikun imġiżż.

girna Anfalzon
Ħajr: Annalise Falzon

GIRNA    Kamra żgħira mibnija b’ġebel tas-sejjieħ ta’ kobor li jista’ jinħakem bl-idejn, u li jitpoġġa f’postu fuq xulxin mingħajr ma jitkaħħal. L-istruttura tal-binja tifforma għamla tonda, li finalment tingħalaq minn fuq bħal koppla. L-iskop ta’ din il-kamra hu li tagħti daqsxejn ta’ kenn lill-bidwi, mix-xemx u x-xita. Fl-istess ħin din il-kamra sservi biex fiha jitqiegħdu l-għodda tar-raba’. Dawn il-giren jinsabu l-aktar fil-Majjistral ta’ Malta. Fil-preistorja, mill-ftit fadlijiet li nstabu, nassumu li n-nies kienu jgħixu f’giren bħal dawn.

GORBOĠ  / GIRBEĠ     (pl. griebeġ)    1. Maqjel tal-majjali jew post fejn jinżammu l-fniek. 2. Dar żgħira u ta’ mingħajr kumdità. Dar magħmula minn ftit ġebel u xejn aktar.  3. Kamra żgħira mibnija bil-ġebel tas-sejjieħ biex il-bidwi jkollu fejn iżomm l-għodda jew jistkenn minn xi ħalba xita.

GĦAQBA   Ħotba jew tumbata; għolja żgħira. Jeżistu diversi mkejjen f’Malta li għandhom dan l-isem. Eż., Tal-Għaqba, fin-naħat ta’ Ħal Qormi, l-Għaqba f’Birkirkara, Il-Mitħna tal-Għaqba in-Naxxar, u bosta oħrajn. Fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands c. 1300-1800 hemm imsemmija għaxar inħawi li jinkludu dan l-isem.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

GĦARIX      (pl. għerejjex).   Kamra tal-qasab, tinda jew dwejra fil-kampanja fejn il-bidwi jista’ jsib il-kenn kif ukoll anki jorqod hemm biex jieħu ħsieb li ħadd ma jidħollu fl-għalqa biex jisraq. Qawl: Għamel l-għarix wara li ħadulu l-BĦAJRA.

GĦARMA  / GĦORMA    (pl. għaram / għorom).   1. Gods ta’ uċuh tar-raba’, bħal-qamħ; ġwież, jew affarijiet oħra, eż., bebbux, qasab, ħamrija jew ramel. L-għorma tal-qiegħa hu dak il-munzell li jinġabar fil-ħsad. 2. Għaram tar-ramel, eż. bħalma hemm ir-Ramla l-Ħamra, Għawdex. (Ing. dune). GĦARREM  v. ħażen jew ġabar. F. Vella (1843).

għarmagozo-ramla-bay-02

ĦABEL RABA’    Miżura mhux daqstant idenfikabbli li li biha jitkejlu l-għelieqi, ħafna drabi li jkunu ġejjin fit-tul. Parti minn għalqa li tkun imkejla b’ħabel ta’ ċertu tul. Ħafna għelieqi huma mkejla bħala ‘ħabel art’.

ĦABEL TEWM  / BASAL    1. Filliera miżrugħa bit-tewm jew basal. 2. Tewm, basal jew prodotti simili mdendla bi spaga eċċ f’għanqud wieħed. E.S.I. u J.A.

ĦAMEL   / ĦEMEL   Ammont ta’ tiben, li jsarraf daqs għaxar qattiet. Munzell tas-silla tal-ħuxlief jew tax-xewk miġburin gods wieħed. Skont D. Miége (1841), dan jgħid li ħemel hu, mucchio, li jiżen daqs 39.5 kilo. Kull ħemel ikollu diversi qatet (bejn tmienja jew għaxra). F’kull qatta jkun hemm erba’ għamriet (pl. ta’ għamra jew għomra). Sors: Nismagħhem jgħidu…eċċ, ta’ Paul P. Borg, p. 134, 158.

ĦAMMIELA    (pl. ħmiemel). Għalqa jew biċċa art fejn jitħammlu x-xtieli biex dawn jaqbdu u wara jittieħdu post ieħor biex jikbru. Ing. nursery.

ĦARKUSA     1. Sbula tal-qamħ.  3. Fig. Dak kollu li hu żgħir. MĦARKEŻ  Appellativ għal xi ħadd (jew xi ħaġa) li ma kibirx kemm kellu jikber.

ĦATBA   Zokk jew għasluġ maqtugħ minn siġra.Injama ħoxna. Qawl: Għal kull ħatba hawn il-mannara – għal kull problema hawn soluzzjoni.Ġieli din il-kelma tintuża bħala appel.

ĦEMMESIJA / ĦEMSIJA  / ĦEMŻIJA     Qasam fejn jikber il-ĦOMMOS.  Raba’ tajjeb għall-ful, ċiċri, piżelli, eċċ. (Ing. pulses).

ĦARĠA   Agius de Soldanis jagħti t-tifsira ta’ ‘ħarġa ful’ bħala, Quantità di fava ancora nella terra. Espr. simili tinsab fil-kitba ta’ Gużè Galea, ‘Il-frawli ta’ San Ġwann’ fejnl-awtur jgħid hekk: ‘[…] ħarġa frawli li kienet tħawlet meta […]’.

ĦAWLI    Art xotta u sterili fejn ma jikber xejn. Post lest biex jinżera’ mill-ġdid. Fuq il-Ħawli – isem ta’ art għolja barra ’lBirgu li tagħti lejn is-swar tal-Kottonera u fuq il-wied qrib il-kulleġġ tad-De la Salle. L-oppost ta’ għammiel.

ĦAŻŻIENA    Rif. għall-ħażżiena tal-bir, bħal konka li fiha jinħażen l-ilma fil-qiegħ. Temi Zammit fil-kitba tiegħu, ‘L-Ilma li nixorbu’, jgħid hekk: ‘[…] Jekk issir ħofra fit-tafal, jew ħażżiena, fejn l-ilma jista’ jżomm, l-ilma ma jaqta’ qatt […]’ Ara: Ġabra ta’ Proża għat-Tfal, ta’ R. Vella Tomlin, p. 103.

konka

ĦESREM     Aġġ. għal xi xtieli u frott, bħall-għeneb li għadu aħdar, jew xi frotta jew ħaxixa li tkun għadha ma saritx u għalhekk tkun anki qarsa.  Ngħidu ‘miet ħesrem’ – miet qabel żmienu.

ĦLIEFA    Il-qoxra tal-qamħ, jew tal-frott, eż, tal-għeneb. Il-qoxra / rita rqiqa ħamra li tiksi l-karawetta, u li tisseparaha mill-fosdqa / il-qoxra ta’ barra. Qawl: Ħa l-qamħ u ħalla l-ħliefa – jiġ., ħa l-aħjar għalih u ħalla l-agħar għall-ħaddieħor.

hliefa

ĦORR    Art ta’ bla piżijiet, art li ma hi ta’ ħadd. L-inħawi fejn inbena ċ-ċimiterju tal-Addolorata huma magħrufa bħala Tal-Ħorr. TAMAR TAL-ĦORRA  Tamar li jintgħażel separatament u li mhux artab jew magħqud bħal taċ-ċappa. Sors: E.S.I.

INDANA     Filliera, ringiela ta’ siġar jew dwieli li jkunu mħawla apposta b’dak il-mod. Tal. andana – M. passaġġ bejn is-siġar.

indana xx

INSOL/JA   Tip ta’ għenba jew dielja li tieħu ħafna ismijiet skont fejn tkun qed titkabbar; eż., insolja ta’ Burnaħħala, insolja tal-Ġnejna, eċċ. Oriġ. tal-kelma ġejja mill-isem ta’ tip ta’ għenba magħrufa bħala Inzolia, għenba li titkabbar l-aktar fil-Punent ta’ Sqallija u li minnha jagħmlu l-Marsala. Fit-Toskana din l-għenba hi magħrufa bħala Ansonica. Dan l-għeneb jagħmel inbid abjad jew safrani, kemm ħelu kif ukoll ‘dry’. Isemmiha wkoll M.A.V. (1796).

KAGĦBUR/A    1. ll-ħara tan-nagħaġ. Bħalma r-redus hu l-ħmieġ tal-mogħoż u l-fniek, il-bagħar hu l-ħara tal-baqar, ħmir, u żwiemel. Dan il-ħmieġ żgħir jinkesa bit-trab għax ikun gerbu l-ħanfus. 2. Frott li jibqa’ ma kibirx u li meta jinxef jaqa’ mis-siġra u ma jinġabarx. Qbl. ma’ ‘kagħbar’ – jiġ., gerbeb fit-trab.

KARMA     Mill-verb KOROM, jikber. Raba’ għammilija. KORMI Rif. għal xi annimal li juri li qiegħed jikber.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

KARNAĠĠ    Ħlas mill-bdiewa lis-sid tal-għelieqi li jaħdmu fihom; Il-qbiela li huma obbligati jħallsu. Flok flus, il-bdiewa fl-antik kienu jippreferu jħallsu bil-ħxejjex, tjur u l-annimali tal-irziezet. Tal. carnaggio.

KONKA   Ħofra fil-ħamrija magħmula madwar is-siġar jew pjanti biex it-tisqija bl-ilma żżomm sew. Tal. Conca.

LENZA RABA’      L-istess bħal, ħabel raba’, term. li jintuża fil-kejl tal-uċuh tar-raba’.

LUĦ     Speċi ta’ pala bil-marloġġ  twil, biex ilewħu l-qamħ jew ix-xgħir bih ħalli jifirduh mill-ħliefa u mis-sifa.

MABQAR     Merħla kbira ta’ baqar. Razzett tal-baqar. M.A.V. (1796) jittraduċi din il-kelma bħala, mandra di buoi.

MAĊĊ     Inħawi fejn jikbru ħafna siġar; bosk żgħir. Rif. għal art li tkun mimlija bil-bajtar tax-xewk. Maċċ qasab – żona, norm. fil-widien, fejn jikber il-qasab b’mod li jiksi l-qiegħ kollu tal-wied.

MAGĦLEF     (pl. mgħalef). 1. Kamra fejn jintrefa’ l-għalf għal bhejjem. 2. Xkora jew ċurniena li titqiegħed madwar il-geddum tal-bhima biex din tiekol l-għalf miġbur fiha.Il-maxtura fejn jintgħalfu l-bhejjem (F.V. 1831)  3.  L-għalf innifsu jissejjaħ hekk ukoll.

MAGĦSAR / MAGĦSRA Makkinarju li jagħsar jew li bih ikun ippressat il-meraq tal-frott, eċċ. Minn dawn insibu, il-magħsar tal-għeneb, u l-magħsar li jippressa l-polpa taż-żebbuġ biex joħroġ iż-żejt.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

MANDAR  / MANDRA   Post fejn jieklu l-annimali. MNAJDRA  Diminuttiv ta’ mandar. Post żgħir fejn jinżammu l-annimali. Ngħidu, ‘biex kilt għamilt kullimkien mandra’.

MANSAB        L-ambjent fejn jitqiegħed ix-xbiek biex wieħed jonsob għall-għasafar.

Mansab (Victor Falzon)
Mansab (ħajr: Annalise Falzon)

MARBAT   Ħolqa ma’ fejn jintrabtu l-bhejjem. Fl-antik dawn il-ħoloq kienu magħmulin mill-ġebla nfisha li tkun ingastata fil-ħajt u mtaqqba b’mod biex tagħmel forma ta’ ħolqa. Biż-żmien il-marbat beda jsir minn ħolqa tal-ħadid.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

MARĠ     (pl. imraġ).   Marġ hi art fejn jikber ħafna ħaxix u l-bhejjem ikunu jistgħu jirgħu.  Dan għaliex il-post ikun maqgħad, u fix-xitwa jimtela bl-ilma. Tixbah lill-BUR.

MARLOĊĊ   Il-bastun twil li jservi ta’ maqbad għall-għodda tal-għelieqi. Ras il-marloċċ tiddeffes f’ħolqa kwadra tal-ħadid, tal-mannara, zappun, mgħażqa, eċċ.  Sqal. marruggiu.

MASRI  Kelma li tirriferi għall-kittien jew għall-qoton li kien ikun impurtat mill-Eġittu. Agius de Soldanis jgħid ‘[…] bejjiegħ tal-masri, venditore di lino […]’. p. 59. Kienu jgħidu: Għadu l-masri fil-biedja u n-nissieġa ġa tħajru għalih’. Hawn naraw li l-masri hu sinonimu ukoll mal-qoton imkabbar f’Malta. Misr hu l-isem bl-Għarbi għall-Eġittu – Misri hu Eġizzjan. (D.)

qoton xx

MAXTURA      Kontenitur tal-ġebel jew  injam li fih jitpoġġa l-għalf għall-bhejjem biex dawn jieklu minnu.

maxtura xx

MELL      Diversi tipi ta’ mard, fosthom il-ġlata, li jista’ jolqot ’l-uċuħ tar-raba’ jew lis-siġar tal-frott. Sors: J.A. v. TMELL  Tobgħod jew tismerr xi ħaġa.

MEZZA    (pl. mezez).  1. Tip ta’ qoffa, b’forma ta’ ċilindru, magħmula mill-qasab, li tintuża biex jitqiegħed il-frott fiha. Din il-qoffa hi kkunsidrata wkoll bħala miżura biex ikunu kkwantifikati l-uċuh tar-raba’. Mezza tesa’ daqs 25 ratal. Ħames wiżniet. 2. Bettija kbira tal-inbid.  Ara: BIXKILLA.

MIDRA   (pl. imdieri). Speċi ta’ furkettun tal-injam li jintuża mill-bdiewa biex jgħollu t-tiben fl-ajru ħalli permezz tar-riħ jisseparawh mill-qamħ jew mix-xgħir (v. iderru). Dan ix-xogħol isir fuq il-QIEGĦA wara l-ħsad biex il-qamħ jew ix-xgħir jissepara mit-tiben.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

MIEĠI     Ilma salmastru, tingħad mal-frażi ‘ilma mieġi’.  Ara: SALMASTRU.

MIĠBĦA      (pl. mġiebaħ). Post b’serje ta’ qolol tal-fuħħar jew ħofor fil-blat jew ħajt, fejn jitrabbew in-naħal bl-iskop li dawn jipproduċul-għasel. Il-qololtal-fuħħar jew il-kaxex tal-injam fejn in-naħal jipproduċi l-għasel.

migbhaDSCF0098

MINĠEL   Għodda tal-biedja b’xafra milwija nofs qamar użata l-aktar biex taħsad il-qamħ, ix-xgħir, u s-silla.  MINĠLA  Bħal minġel, biss li jidħol f’ħolqa mwaħħla mal-ħajt bix-xafra tħares ‘il fuq. Dan jintuża biex il-bdiewa jqattgħu s-silla jew il-magħlef magħha. Din l-għodda tissejjaħ ukoll RANĊILA.

mingel322

MODD    Miżura li tintuża biex titkejjel l-art tar-raba’, l-aktar fejn jikber il-qamħ u ċereali ieħor. Term. ieħor għal din il-kelma hi SALMA. Modd wieħedfih 16-il tomna u jkopri 810 metru kwadru. Modd jesa’ wkoll l-istess daqs ta’ 4,096 qasba kwadra jew, daqs 4 wejbiet. (Ing. 4,444 acres). Fil-kejl tal-użin modd jagħmel daqs erba’ xkejjer tat-Toskana. Ara wkoll: WEJBA.  Sorsi: E.S.I. u J.A.  Il-kelma tintuża kemm bħala volum u kemm bħala erja. Fiż-żewġ każi, il-modd hu erba’ wejbiet.

KEIL tal-Ghelieqi
Hajr: MERILL Rural Network

MIĠRA / MOĠRA     (pl. mġar). Mogħdija fejn jiġri l-ilma fuq il-blat (water course). Temi Zammit fil-kitba tiegħu, ‘L-ilma li nixorbu’, li ppubblika f’Il-Malti, jgħid hekk: ‘[…] Il-kelma mġarr ġejja minn ilma ġieri […]’.

MONDELLU     Kejl li bih il-bdiewa kienu jkejlu l-prodotti tar-raba’. Kull mondellu kien jagħmel daqs 5 litri. Sors: L’Histoire de Malte (1841) u J.A. Etim. munneddu (Kalabriż).

MOST    Mhux misjur, rif. għal frott li jkun għadu ma sarx. Inbid li jkun għadu ma qagħadx V. Busuttil (1900) jispjega din il-kelma hekk: ‘new wine pressed from the grape but not fermented’.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

MTIRA    (pl. mtajjar) Sinjal, bħal kanal fil-ħamrija, li jindika fejn tkun se tinżera’ ż-żergħa. L-imtajjar ikunu mmarkati b’mod parallel fl-għalqa, qabel wieħed jiżra’ l-qamħ jew ix-xgħir. Norm., l-ispazju bejn mtira u oħra jkun wiesa’ skont kemm il-bidwi jkun jista’ jwassal iż-żerriegħa meta jxerridha biex din taqa’ bejn imtira u oħra.  Ngħidu, ‘il-bidwi jmattar l-għalqa’. Sors: Dr. Joe Borg.

MUXI   Aġġ. li jingħata fil-maskil għal kull tip ta’ art moxa. Art li ma tinħadimx għal skopijiet ta’ tkabbir tal-ħxejjex tal-borma. Art mitluqa u li bilkemm hi tajba biex jirgħaw il-bhejjem, għax hi art blatija u ta’ ftit ħamrija, bħalma naraw fix-xagħri.

NEWB     (pl. nwieb)  1. Bidla li ssir f’waqtha skont it-temp tal-istaġun.  2. It-tibdil taż-żahar fis-siġar minn stat ta’ fjuri għal-lewż. NEWWEB v. Biddel iż-żargħa tal-għelieqi minn sena għal oħra (bl-Ingliż: crop rotation). Qawl: Kull siġra tagħmel f’newbitha – ifisser li l-problema tista’ tissolva biż-żmien u f’ħinha.

NUĦĦALA    1.  Il-qoxra ta’ barra taż-żerriegħa tal-qamħ (GRANZA). Għ. nukħala. Idj: ‘Rama’ d-dqiq u ġabar in-nuħħala’ – għażel dak li jiswa l-inqas u injora dak li hu l-aktar importanti. Ing. bran. 2. Tip ta’ ġebel żgħir.

NWAR    Il-fjuri rġiel li ma jagħmlux frott, imma jservu biex l-insetti jdakkru minnhom iż-żahar nisa, u miż-żahar nisa joħroġ il-frott. Sors: Ġużi Gatt. Ara: http://www.ilmiklem.com/xoghol-il-bidwi-fapril-tal-1849/

QALEB   Qoffa żgħira li fl-antik kienet tkun magħmula mill-pjanta tas-SIMAR, biex iżżomm il-ġbejna fiha biex tinxef. Idj: ’tilef il-qaleb u l-ġbejna’: jiġ., flok tilef kwistjoni jew oġġett żgħir, tilef xi ħaġa ta’ importanza ikbar; tilef kull ma kellu.  Ara: Mill-Ħajja ta’ L-Imgħoddi, ta’ Anton F. Attard. pp. 4-9.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

qamhIMG_7087QAMĦ    Il-qamħ kien u jibqa’ ċ-ċereali l-aktar ikkunsmat f’Malta. Mill-qamħ toħroġ erba’ prodotti: id-DQIQ, is-SMID, is-SMIDA u n-NUĦĦALA. In-nuħħala u s-smida kienu jagħtuhom lill-annimali; illum, in-nuħħala hi ingredjent għall-ħobż ismar. Idj: ‘Malta qatt ma rrifjutat qamħ’,dan jurikemm kien importanti l-qamħ għax dejjem jaqta’ l-ġuħ tal-popolin. Fi żmien l-Ordni, il-qamħ kien impurtat minn Sqallija, waqt li fi żmien l-Ingliżi ħafna qamħ kien ikun impurtat mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll mill-Eġittu.Ara: Histoire de Malte, ta’ Dominique Miège (1841).

QANA   Kanal jew gandott imħaffer fil-blat biex imexxi l-ilma min-naħa għall-oħra fl-għelieqi. Hemm ukoll il-qana tal-bir, bħal ħofra ċatta ħdejn il-bir biex l-ilma tas-sieqja jinżel l-ewwel ġo fiha. Anton F. Attard jgħid li l-vokali ta’ din il-kelma huma qosra bħal f’qata’. BUQANA  Lokalità bejn l-Imtarfa u l-Imdina. Sors prinċipali: Anton F. Attard.

qana mx

QANNEB   Is. xj.  Cannabis sativa.  F’Malta il-qanneb kien jintuża ħafna fil-produzzjoni tal-ħbula. Ing. hemp. QANNEBUSA. Iż-żerriegħa tal-qanneb li tingħata bħala għalf lill-għasafar.

qanneb1

QANNIĊ     1. Tilar magħmul mill-qasab biex fih jitqiegħdu l-ġbejniet biex jinxfu. 2. Armar ta’ lqugħ magħmul mill-qasab li jinbena madwar l-għalqa biex iservi ta’ kenn għall-uċuħ tar-raba’.

qannniċ

QANNOTTA   Jeżisti Wied Qannotta, li jinsab bejn iż-Żebbiegħ u Burmarrad. Kelma li ġejja mill-Isqalli, cannuta, post fejn jikber il-QASAB.

QARABOĊĊ / QARAMBOĊĊ   (pl. kollettiv qara’). Is. xj. Sorghum vulgare.Pjanta li ż-żerriegħa tagħha tingħata bħala għalf lit-tjur.Hemm varjetà oħra li għandha żerriegħa ħelwa u tajba biex tittiekel mill-bniedem. Oriġ. tal-kelma ġejja mill-Għ. qara’, u mill-Isqal. boccia (Sq).  Ing. millet.  durrah.

qara bocc

QARTALLA     Qoffa kbira biss pjuttost ċatta, tal-qasab li kienet tintuża biex fiha jinġarru l-ħxejjex u l-frott mill-għelieqi. Qawl: min jagħmel bixkilla jagħmel qartalla.– jiġ., min jasal biex jagħmel ħaġa żgħira daqstant ieħor jaf jagħmel ħaġa li tkun bil-wisq aktar serja.

QASBA     Is. xj.  Arundo donax.  Pjanta perenni li tikber l-aktar fil-widien fejn jinġabar l-ilma. F’Malta tintuża l-aktar biex isir xogħol artiġjanali, bħal qofof żgħar jew kbar, ħsajjar u ħafna affarijiet oħra. Ing. reed.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA                     qasab 336

QATTA     (pl. kollettiv:  qatt; pl. indefinit: qatet.)   Ħaxix miġbur gods.  Eż., qatta silla. Idj: ‘Ħadha qatta bla ħabel’ tingħad meta wieħed jirrabja b’mod esaġerat, jew b’mod aġitat ħafna. Oriġ., aġir paragunabbli mat-tiben li hekk kif taħkmu buffura riħ, itir u jinxtered f’kemm ili ngħidlek.

QBIELA    Il-ħlas jew il-kirja li l-bidwi obligat li jħallas lil sid l-għalqa kull sena. Fl-antik il-qbiela kienet titħallas jew fl-Għid, jew l-għada ta’ Santa Marija, jew fil-Milied. Il-qbiela kienet tinġabarmill-GABILOTT li jkun imqabbad mis-sid tal-għalqa biex jiġborha f’ismu. Minn din il-kelma ta’ oriġ. Għ. toħroġ il-kelma gabella – taxxa jew ħlas. QABBEL v. jiġ., ikkorda prezz. Qawl: Sena għammiela tħallas il-qbiela. Sqal. cabilla. L-istess pronunzja fl-Għ. kabilla.

QIEGĦA    Art imwittija u/jew iċċangjata. Ħamrija mbattma fl-għalqa jew art ħdejha fejn isir id-dris mill-bdiewa. Idj: saħnet il-qiegħa – din tingħad meta persuni involuti f’argument jgħollu leħinhom li sa jaslu kultant li kważi jiġu fl-idejn. Ara:  ANDAR.

Qolla6282 (5)QOLLA (pl. qliel).1. Speċi ta’ ċilindru tal-fuħħar. Il-qolla tintuża minn dawk li jrabbu n-naħal biex isservi bħala bejta. Din titpoġġa mimduda fl-għelieqi, eż., mal-ħajt ta’ xi għorfa, eċċ. u tkun isserrata minn wara biex ix-xehda tal-għasel tkun tista’ tintleħaq minn wara mingħajr ma l-bidwi jiddisturba n-naħal. 2. L-isem tal-ħotbietli hemm bejn Marsalforn u l-Qbajjar; il-Qolla s-Safra u l-Qolla l-Bajda.  M’għandhiex tingħata l-impressjoni li l-ewwel tifsira ta’ dil-kelma għandha x’taqsam man-naħal.  Il-qolla hi kontenitur għall-ilma – il-qolla tal-bir, u x-xita tinżel bil-qliel (qolol).  Tan-naħal ingħatat l-istess kelma, imma m’għandekx tgħid li dik hi l-ewwel tifsira tagħha.  Ngħidu aħna ma tistax tgħid li “kaxxa” tfisser post fejn jitrabba n-naħal.  Il-kaxxa hi kaxxa, imma daż-żmien ngħidu wkoll “kaxxa tan-naħal”.

QORRIEGĦA     Il-quċċata ta’ għolja fejn norm. ma jikber xejn.

RADDIENA TAL-ILMA   Din hi pompa li taħdem bl-enerġija tar-riħ biex jittella’ l-ilma mis-saffi tal-blat, (tal-pjan) fejn jinġabar b’mod naturali, l-ilma tax-xita.

Raddiena IMG_7180

RAWTA    Eskrement tal-baqar. Ħarja waħda ta’ baqra jew barri. Dan jinxteħet fuq id-demmiela, mnejn imbagħad fis-sajf jinġarr lejn l-għelieqi biex jinfirex u jinħarat fil-ħamrija bħala fertilizzant. Fl-antik ir-rawta niexfa kienet tinġabar biex tinħaraq flok il-ħatab, fil-kenur jew kif ukoll fil-fuklar.

REDUS     Eskrement  tal-mogħoż, fniek u ġrieden, forma ta’ boċċi żgħar. Fl-antik meta l-mogħoż kienu jiddaħħlu fl-ibliet biex jinbiegħ il-ħalib tagħhom, it-toroq kienu kuljum ikun miżgħuda bir-redus. Fig. Kitba rqiqa li ma tingħarafx.

REMISSA    Kamra mdaqqsa fejn jinżammu l-karettuni, għodda u oġġetti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-armar tal-bhejjem tal-ġarr. Tal. rimessa.

RITTUNA    Terminu li jirreferi għal kwantità ta’ tiben. Ħabel li bih kienu jorbtu qabda tiben f’daqqa. Din il-qabda kienet tiġbor ammont ta’ ċertu daqs u kwantità kif mifhum u applikabbli għal kulħadd. Sqal. rituni mit-Tal. rete – M. xibka. Sors: V.B. 1900.

RIXTELLU     Ara: XATBA.

RTO     Abbr. li tirriferi għall-kelma Riservato.Dawn it-tliet ittri għadek tarahom – mal-ħitan tas-sejjieħ, xi xatba ta’ għalqa jew fuq xi ġebla fil-kampanja biex jindikaw li dik l-art hi proprjetà privata, jew inkella hi art mikrija biex tintuża għall-kaċċa u l-insib.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

SALMA     Kelma oħra għal MODD. Piż li jiswa’ daqs sittax-il tomna. Skala ta’ miżura li biha jitkejlu l-uċuħ tar-raba’ hekk imsejħa ‘tax-xott’, eż. il-qamħ jew ix-xgħir. Minn salma waħda tista’ toħroġ  tunnellata ta’ ħxejjex.

SAQWI   Dikir-raba’ li biex tipproduċi l-ħxejjex u l-frott, ikollha sors tal-ilma biex tkun tista’ tissaqqa fix-xhur xotti tas-sajf. Art li tkun irrigata. Ara: SIEQJA.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

SBUL    Il- il-ġummiena biż-żerriegħa, bil-ĦLIEFA u s-SIFA li tikber f’tarf ix-xitla tal-qamħ u tax-xgħir.  Qawl: Skont is-sbula ż-żergħa. Ing. Aum. Ara:  FARRU.  Il-parti tal-pjanta fejn ikun hemm iż-żerriegħa tal-qamħ jew ix-xgħir.

SEBT    (pl. sbut)   Qasba rqiqa u twila. SEBT IR-RAGĦAJ  Qasba jew bastun li bih ir-ragħaj jidderieġi l-merħla. Qbl. ma’ Bisbut / Ħal Bisbut / Sabtan / Ħas-Sabtan.

SELĦA    1. Dik il-parti tal-ħajt tas-sejjieħ fejn il-ġebel ikun waqa’, ġen. wara  xi maltempata ta’ xita qawwija.  2. Eskrement likwidu, bħal dak tat-tiġieġ. G.B.F. (1845).

Selha1

SIEGĦ  (pl. sigħan)  Miżura waħda minn bosta li biha kien jitkejjel iċ-ċereali bħall-qamħ, il-fażola u l-ġwież. Miżura li biha titkejjel anki r-raba’ li jagħti din il-kwantità ta’ prodott. Minn tmienja l-waħda ta’ TOMNA. F. Vella (1843) jgħid, wieħed minn sitta. Il-kontenitur innifsu kien magħruf hekk (id-dugħa). Qawl: Is-siegħ imlieh u li jibqa’ aħlih. Fir-ritratt jidhru ir-reċipjenti, ta’ siegħ u nofs siegħ.Il-kelma tgħodd kemm għal volum u kemm għal erja.KEIL tal-Ghelieqi

SIENJA     Apparat forma ta’ rota kbira tal-ħadid li jdur fuq fus, li jintuża biex jitella’ l-ilma mill-bir jew ġibja b’numru ta’ bramel imdendlin. Dan l-apparat kien ikun ħafna drabi miġbud u mdawwar minn ħmar jew bagħal.

Sienja u hmar

SIEQJA    Kanal imħaffer fil-ħamrija biex jgħaddi l-ilma tat-tisqija minnu. Rif. wkoll għal kanal imħaffer fil-ġebel li jwassal l-ilma mill-ġiebja sa fejn hemm bżonn it-tisqija. Art saqwija (jew tas-saqwi) hi dik l-art fejn l-uċuh tar-raba’ jieħdu l-ilma minn dak li jitwassal fuq il-post permezz tas-sieqja. L-ilma tas-saqwi aktarx li jkun ġej minn xi għajn tal-ilma ġieri.

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

SIES    Il-forma tal-blat ta’ rdum li jinżel dritt u ’l isfel għal ġol-baħar. Ħafna mill-kosta tan-Nofsinhar ta’ Malta hi magħmula minn sisien għoljin. Eżempju ta’ dan hawn hemm Ġebel Ciantar, Miġra l-Ferħa u l-irdum Ta‘ Ċenċ, Għawdex.  Ara: ‘Sisien u Rdumijiet’ ta’ Elizabeth Conrad, Il-Ħuttafa, pp. 8 u 9.

sies (5)

SIFA / SIFJA    Xagħra tal-qamħ.  Idj:  ‘Qisu sifja’ – tingħad għal xi ħadd li hu rqiq ħafna. Ngħidu, ‘mhux se nħalli sifja bħal dak jirbaħli!’

SIKRANA    Is. xj. Lolium perenne. Pjanta li tixbah il-qamħ iżda magħduda bħala ħaxixa ħażina / selvaġġa. Is. xj. Lolium perenne. Din il-pjanta tissemma anki fil-Vanġelu (M. 13, 24-43) – ‘[…] ġie l-għadu tiegħu żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana[…]’.  Ing. perrenial rye grass.

sikrana

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

silla 25_100959SILLA   (Is. xj. Trifolium pratense)  Pjanta li tikber fis-selvaġġ iżda anki hi mkabbra wkoll mill-bdiewa. Is-silla tinżara f’Awissu, u tibda tinbed mal-ewwel xita ta’ Settembru. Il fjura ħamra tagħha toħroġ f’Mejju, u l-pjanta tinħasad dak iż-żmien. Din il-pjanta tingħata bħala għalf lill-bhejjem tal-irziezet, eż., liż-żwiemel, lill-bgħula u annimali oħrajn. Hi pjanta nutrijenti ħafna għax fiha ħafna proteini, fosforu u kalċju u l-annimali jħobbu t-togħma tagħha. Mill-fjura tas-silla, in-naħal jiġbor it-trab dakkani li juża bħala nutrijent. Jingħad li l-aqwa għasel ta’ Malta hu bnin minħabba t-tidkir li n-naħal jagħmel minn fuq din il-fjura.

SLAN   Sinjal li jkun magħmul mill-bidwi biex jindika fejn tibda u tispiċċa l-għalqa jew l-art maħduma minnu. Etim. Jista’ jkun li din hi kelma ġejja minn snal, u final. kelma li ġejja minn, sinjal (Tal. segnale).

TABIB TAD-DBEJJEB   It-tabib veterenarju. Sors: Id-Damma ta’ A. de S.

TERRAĊĊU / TERRIĊĊU   Materjal organiku bħal, biċċiet tal-weraq u materjal ieħor li jinġabar taħt is-siġar u jitħallat mal-ħamrija. Eż. tipiku hu dak il-materjal li jakkumula taħt is-siġar tal-ħarrub. Tal. terraccio, terra smossaterriccio, terra vegetale. Sors: J.A.

TGĦAM      Term. li jirriferi għall-qamħ u ċereali oħra. Għ. ta(għ)am  M. kull tip ta’ ikel.

TILQIM     Tnissil ta’ pjanta ġdida li tagħti l-frott. Dan isir billi l-pjanta sterili tirċievi fergħa minn pjanta fertili ta’ siġra / pjanta oħra. Hemm diversi modi ta’ tilqim, eż. tilqim bil-qoxra (Ing. budding), bir-roqgħa (Ing. patch), bil-kuruna (Ing. crown grafting), u bil-brokk (Ing. grafting). Ara: BROKK. Ara: Qiegħda Fuq il-Ponta ta’ Lsieni, ta’ Ġużi Gatt, pp. 45-49.

TIRX/A   Blata kbira li tinqata’ mill-irdum tal-madwar. (Damma) ‘[…] Gran sasso distaccato dal suo continente […]’. Ara: TARXIEN.

TOMNA / TUMOLO   1. Roqgħa art li titkejjel skont il-kapacità ta’ kemm jitkabbru fiha wċuħ tar-raba’. Tomna hi 1,124 m kwadru, jew 256 qasba kwadra. B’tomna raba’ il-bidwi kapaċi jiġbor b’ 7.88 pinet Ingliżi jew 3 galluni uċuħ tax-xott (qamħ jew xgħir, eċċ.). Sqal. tumminu. Ing. 0.1 ettari.

KEIL tal-Ghelieqi
Ħajr: <MERILL Rural Network
KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Kontenitur ta’ tomna u ieħor ta’ sieħ

UBWAR   Varjant ta’ ‘bwar’, il-plural tan-nom ‘bur’, li jfisser roqgħa art fejn jikber il-ħaxix u li fuqha norm. jirgħu l-annimali tal-irziezet. Kienu jeżistu diversi nħawi b’dan l-isem, eż. Ubwar ta’ Ħaġar Mitqub jew Ubwar ta’ Burix. Sors:Place-Names of the Maltese Islands, 1300-1800, p. 558.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

WILĠA   Għelieqi li jkunu fuq il-ġenb tal-wied. Hawn diversi nħawi f’Malta li huma magħrufin hekk.  Orig. Għ. wilġa. Dun Karm Psaila juża din il-kelma fir-rumanz, Żewġ Anġli – Inez uEmilja, (1934) meta jiddiskrivi l-baħar b’mod metaforiku, ‘[…] u jiddi fuq il-wilġa tal-ilma[…].’ p. 58.

Wilga ghar dalam MG_5504

XAGĦRA     (pl. xagħri). Art blatija fejn il-ħamrija u l-veġetazzjoni hi skarsa u tiddependi totalment mill-ilma tax-xita. Tip ta’ abitat fejn jikbru arbuxxelli żgħar u pjanti aromatiċi. L-ambjent ivarja fit-tip ta’ pjanti li jikbru hemm, ngħidu aħna,is-sagħtar jew it-tengħut. Hawn ħafna mkejjen f’Malta li isimhom jindika dan l-ambjent naturali. Fost dawn insibu ix-Xagħra ta’ Għawdex u  x-Xagħjra ta’ Ħaż-Żabbar. Ing. garigue.

xaghri rdum - MTA - Bruno Vetters (77)
Xagħra tal-irdum

XATBA  (pl. xtabi)  1. Rixtellu pjuttost qsajjar li norm. jagħlaq id-daħla tal-għalqa jew proprjetà oħra privata, eż., razzett minn fejn wieħed jidħol fil-mandra. 2. Għodda tal-bdiewa li għandha kemxejn l-istess xeħta. Jgħidulha wkoll, RIXTELLU. Dan l-oġġett jitqiegħed żaqqu mal-art u jinġibed mill-bhima biex iwitti l-ħamrija. Ġieli x-xatba jkollha bħal imsiemer kbar ħerġin minnha biex meta titkaxkar tfarrak il-ħamrija u tinqala’ mill-ibbusija tagħha. Biex ix-xatba iżomm sew waqt li tiċċaqlaq, jitqiegħed kantun jew inkella jitla’ tfajjel fuqha biex itaqqal. A. de S. jgħid li dan ix-xogħol kien isir wara li jinżera l-qoton.

xatba 20200705_100203

XEHDA     Massa ta’ ċelloli magħmula mix-xama’, li n-naħal jibni biex jerfa’ d-duqqajs fiha. Dan hu għasel u trab dakkari miġbur minn fuq il-fjuri. Għ.xahd; M. tfisser l-istess ħaġa.

xehda ftira għasel2

Xghir Hordeum-barleyXGĦIR     Tgħam / ċereali. Is. xj., Hordeum vulgaris. Hemm diversi tipi ta’ xgħir, pereż., hemm ix-xgħir l-iswed, ix-xgħir tal-mazza u x-xgħir tal-birra. F’Malta, ix-xgħir kien jitkabbar bosta drabi flimkien mal-QAMĦ biex tal-ewwel jipproteġi t-tieni mir-riħ. (Sors: Histoire de Malte ta’ D. Mièġe – 1841). Id-dqiq li minnu kien isir il-ħobż kien jitħallat ħafna drabi max-xgħir. B’hekk il-ħobż bix-xgħir kien magħruf bħala ħobż tal-maħlut, ħobż iswed, li dak iż-żmien meqjus bħala inferjuri mill-ħobż abjad u għaldaqstant kien jittiekel biss mill-foqra. Ing. barley.

XNIEN / XNEJN U NIFEL / NEFEL    Terminu li jirriferi għall-ħaxix selvaġġ, li norm. iservi bħala għalf għall-bhejjem tal-irziezet. Ix-xnien huma dawk l-ispeċi ta’ pjanti pilużi magħrufa bħala trifolium, Ing. trefoil. Hemm ix-xnien komuni, ix-xnien isfar, u x-xnien abjad. Hemm ukoll il-gażżija (Ing. acacia) u l-pjanta msejħa, ‘il-widna’ (is. xj. Scorpiurus muricatus L., Ing. caterpillar plant). In-nefel (jew NIFEL) huma pjanti tal-ispeċi Medicago, Ing. medick. Jeżistu malgħaxar speċi, li kollha għandhom il-weraq ukoll trifoljali bi fjuri li wara li jwarrdu jsiru mżiewed b’ponot maħruġa ’l barra bħal snien irqaq max-xifer. Qawl: Meta l-fart jiekol ix-xnien u n-nifel, il-moħriet warajh erħilu jindifen. Dan ifisser li l-ħrit l-aħjar isir meta jagħmel ħafna minn dan il-ħaxix selvaġġ. Ara: Flora u Fawna ta’ Malta, ed. Joe Sultana, pp. 70-71; Ħxejjex Mediċinali u Oħrajn fil-Gżejjer Maltin ta’ Guido Lanfranco, p. 51. Ħajr: Joe Borg.

     xnejn u nifil          xnien u

ŻABBAR      Wieħed li jiżbor; Dak li jagħmel iż-żabra. ŻABRA   Qtugħ ta’ friegħi li huma żejda jew morda mis-siġar biex is-siġra żżomm ċertu daqs. Iż-żabra tista’ ssir ukoll bil-ħsieb li s-siġra tirpilja u  tikber aktar b’saħħitha.

ŻAFTUR/A  Tip ta’ kolla li n-naħal jiġbor mis-siġar biex jimla x-xquq u jidlek il-ġewwieni tad-duqqajs / qolla biexisaħħaħ iċ-ċelel. Tal. zaffatura. Lat. propolis.

ŻAHAR    Il-warda tas-siġar tal-frott. Sqal. / Għ. zagara, zahr – Castellan: azahar. ŻAHRA  Fjura li tkun għadha qed tiftaħ. ŻAHRI  Bajdani bħaż-żahar. Safi.

ŻARĠUN    Fergħa maqtugħa ta’ dielja.

Martin Morana

24 ta’ Settembru 2021

Ħajr lil Ġużi Gatt li dar il-glossarju u fejn kien hemm bżonn għadda l-kummenti tiegħu li jien imbagħad edittjajt u nfilsajt fit-test.

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Publikazzjonijiet oħra tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s