Fil-Malti jeżisti numru kbir ta’ qwiel, kull wieħed minnhom magħmul biex jagħti parir għal xi sitwazzjoni partikolari. Bosta minn dawn il-qwiel huma antiki sew u għaddew il-prova ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ. Għax minn dejjem kont issib xi ħadd, jekk mhux fil-familja, xi ħabib fit-triq, lest biex jagħtik parir dwar x’għandek tagħmel biex tgħix ħajja aħjar skont l-esperjenza ta’ ħajtu. Din il-ġabra ta’ qwiel antiki nistgħu nikkunsidrawhom bħala l-arkivji tal-għerf tan-nies li għexu qabilna. Kif jgħid il-Malti, ‘kliem ix-xiħ żomm fih!’
Fil-pubblikazzjoni, Il-Qawl Iqul, ta’ J.S. Manduca u Ġorg Mifsud (PEG Malta, 1989), insibu mal-4,000 qawl. Meta wieħed jiflihom isib li hemm biss daqs ħamsin qawl li jingħadu b’ċertu sens umoristiku. Il-bqija, il-qwiel għandhom ton sobru, kważi jwissu b’saba’ ppuntat lejn wiċċna. Tgħid dan għax aħna l-Maltin nieħdu l-ħajja bis-serjetà wisq? Jista’ jkun li hekk hu, tant li proverbju minnhom jasal biex iwiddeb li aħjar ma’ tiċċajta xejn, għax, ‘wara ċ-ċajt jiġi l-biki!’
Meta flejt il-qwiel umoristiċi f’dan il-ktieb, innutajt li kważi kull qawl hu magħmul minn żewġ versi qosra, li jirrimaw ma’ xulxin. Donnu bis-saħħa ta’ dawn ir-rimi, il-qawl jispikka aktar, tiżdidlu d-doża taċ-ċajta u fl-istess ħin, tagħmel it-twiddiba aktar aċċettabli minn min jisimgħu. Irridu nammettu li ċ-ċajt huwa mod effettiv, li min jgħidu kapaċi jinfiltra b’mod persważiv l-imħuħ tan-nies. Kultant aħjar ċajta ħelwa milli xi parir mogħti b’mod sever u li jkun intenzjonat li jbeżża’.
Hawn ser nġib daqs tletin qawl, kollha mfasslin biex jgħallmu u fl-istess ħin joħolqu tbissima. Xi wħud minn dawn il-qwiel huma magħrufa sew. Mhux kull qawl ċajtier ser idaħħaq – għax l-umoriżmu hu xi ħaġa personali, u r-reazzjoni tista’ tvarja minn bniedem għall-ieħor skont il-preferenzi ta’ ċajt li dak li jkun jingosta. Biss, jien ċert li bosta minn dawn kapaċi jġibu tbissimha u reazzjoni fejn wieħed jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘Kos mur obsor !’ – jew: ‘iss, iva ħej, sewwa qed jgħid!’
Ħafna minn dawn il-qwiel sibthom fil-pubblikazzjoni Il-Qawl Iqul, li diġà semmejt, oħrajn kont nafhom diġà. Taħt kull qawl niżżilt it-tifsira tiegħu.
Qwiel b’tema ġenerali
Ġunju xahar tad-dris u fis-sodda tħoss il-qris.
F’dan ix-xahar hu ż-żmien li l-briegħed ifittex is-saqqu tal-ħaxixa u għalek joqros aktar minn qabel.
Taf x’qal il-baruni? Mal-ħmar ma hemmx raġuni
Qawl ieħor li jixbah lil dan:
Ġaħan dejjem ferħan u rebbieħ
Budobba billi kellu ddobba
Wieħed għandu jaħdem u jikkuntenta bl-għodda li għandu biex jasal fejn irid.
Aħrab l-iff, il-puff u l-jaqq għax iġibu uġigħ ta’ żaqq
Evita kull ma jdejqek biex tgħix kuntent.
lx-xogħol ta’ ħorrox borrox, imma ż-żebgħa u l-istokk jgħattu kollox
Ix-xogħol ħażin ta’ traskuraġni, bi ftit ħsieb nistgħu nostruh
Mar biex ikittef u spiċċa mnittef
Il-ħażin li tipprova tagħmel fuq ħaddieħor jista’ jiġi fuqek ukoll.
L-ixkubetta fiha l-grillu u kulħadd jagħmel kif jaqbillu
Qawl li jinftiehem waħdu.
Ħobż u basal, u strieħ x’ħin tasal
Kull inkwiet isib is-soluzzjoni tiegħu bi ftit mistrieħ.
Ħares lejn snieni u eħlisni kmieni
Riferenza għal xi anzjan li għax għandu ż-żmien jippretendi li għandu jinqeda qabel ħaddieħor.
Il-qurdiniet f’għajnejn sidhom jidhru ġahwriet
Meta oġġett ikun tiegħek tipprova dejjem tiftaħar bih.
Il-ħmar denbu wrajh u tiegħu ħadd ma jarah
Ħadd ma jara d-difetti tiegħu stess.
Mil-lumi tieħu l-luminata u miċ-ċuċ tieħu ċuċata
Dan il-qawl jinftiehem waħdu.
Proverbji li jwissu dwar l-ekonomija tal-ħajja. Xi wħud minnhom huma anki sessisti:
Kieku kelli nbigħ l-iskufji kieku t-trabi jitwieldu bla ras
Nagħmel x’nagħmel f’ħajti dejjem xortija ħażina.
Biex il-fqir jara xi faraġ, il-fekruna trid titla’ t-taraġ
Difiċli ħafna li l-fqir jgħix kuntent bħas-sinjur.
Meta tidħol il-qorti int tiekol tina u l-avukat jiekol gallina
Qawl li jwissi li meta tiftaħ kawża l-qorti din ser tiswielek kemxa flus.
Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus
Dan il-qawl iwissi li persuna bi pjanijiet ambizzjużi jrid l-ewwel ikollu l-flus biex jibda.
Għall-fqir, il-qamar musbieħ, u l-basal tuffieħ
Għall-fqir, ma hemmx bżonn ħafna ġid għax jikkuntenta ruħu bil-ftit.
Qwiel dwar ir-relazzjoni ta’ bejn il-mara u r-raġel
Jiżżewweġ biex jieħu r-ruħ u l-mara toqtlu bil-ġuħ
Mingħalik li ser tiżżewweġ biex tkun kuntent u wara ssib mod ieħor.
Jekk ir-raġel jikxef karusu, il-mara tieħdu għal flusu
Jekk raġel juri li hu tat-tajjeb, it-tfajla tista’ tiżżewġu mhux għall-imħabba iżda għal flusu.
Għal ħwietem u l-imsielet in-nisa jgħollu d-dbielet
Ċajta sessista oħra li takkuża lin-nisa li l-moral tagħhom jitbaxxa hekk kif jaraw il-flus.
Ir-raġel tiġieġa, il-mara serduq, id-dar tinqaleb ta’ taħt fuq
Meta fil-familja tmexxi l-mara flok ir-raġel dan ifisser ġlied kbir.
Mara bla xagħar u bla ħobb la fiha x’tammira u lanqas xi tħobb
Qawl li jinftiehem waħdu.
Biex l-imdanna [il-kunjata] toqgħod mal-kenna [il-mara tat-tifel], id-dar trid tkun ġenna
- Difiċli li l-mara tad-dar tgħix mal-kunjata għax dawn ser jiġġieldu żgur.
Dar b’żewġ nisa maħmuġa
Ma tistax tħalli t-tmexxija tad-dar f’idejn żewġ nisa minflok waħda għax ix-xogħol ma jsirx.
Meta żżewwiġt bdielek, meta bqajt għażeb il-qamel kielek
Kemm hu aħjar li tiżżewweġ għax b’hekk ikun hemm min jieħu ħsiebek.
Qwiel kemxejn vulgari magħmula biex jgħallmu u jdaħħqu fl-istess ħin.
Bassa daħka – fiswa ġlied
Naħseb li dan il-qawl ma għandux bżonn ta’ spjegazzjoni.
Dak li ma joħrox mill-fomm joħroġ mis-sorm
Bniedem li ma jitkellimx tajjeb f’wiċċek, jikkritikak minn wara dahrek.
Sorm li qatt ma ra qalziet, kif żanżnu ħara fih
Min qatt ma ġarrab xi inkwiet meta jsib xi problema mill-ewwel jagħmel fjask.
Dwar l-inevitabbiltà tal-mewt:
B’riħ jew rifnu, minn hawn ilkoll għandna nsifru
Bis-sewwa jew bid-dnewwa l-bniedem jgħix u jmut, wieħed wara l-ieħor.
Kien xħieħ, iqis u jkejjel, biex ħaduh il-bhejjem
Għalxejn wieħed jipprova jġewweż b’ġidu għax xorta jispiċċa fil-karozzella tal-mejtin.
Kul u tpaxxa għax minn hawn għal ġol-kaxxa
Aħjar tgawdi meta tista’ mingħajr ħsibijiet u tqanċiċ żejjed għax fl-aħħar mill-aħħar il-mewt tasal fuq kulħadd.
Imut il-għani, imut il-fqir, u t-tnejn għal ġewwa l-bir
L-istess ħaġa. Interessanti li l-kelma bir hi metafora għal qabar.
Qabda trab u erba’kaptelli u ħarja għal ġid li kelli
Il-ġid kollu ma jiswa’ xejn fil-konfront mal-mewt.
Martin Morana
30 ta’ Settembru 2021
Kitbiet u pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Proset Martin
Sent from my iPhone
>
LikeLike
Naqbel miegħek li l-qwiel huma arkivju tal-għerf li għaddewlna missirijietna.
Semmejt li wkoll għandna qawl li jiġbor dan is-sens meta jingħata l-parir “Kliem ix-xiħ żomm fih”. Kien xi darba, iżda jkolli ngħid b’sogħba kbira li, mal-milja taż-żmien. llum dan il-qawl aktar sar “Kliem ix-xiħ itir mar-riħ”! Ma taħsibx li hekk hu?
LikeLike
Grazzi hafna
Veru interressanti
Nathalie Grech
LikeLike