TOMBLA, LOTTU u LOTTERIJI

Tombola

Skont it-tradizzjoni popolari, il-logħba tat-tombla bdiet fl-1734 f’Napli, wara kwistjoni bejn ir-Re Karlu tal-Borboni u patri Dumnikan, Gregorio Maria Rocco, predikatur magħruf. Jingħad li r-Re Karlu ried li l-lottu jkun ikkontrollat mill-gvern. Patri Rocco kien kontra din l-idea għaliex skont hu, il-logħob tal-ażżard kien ikompli jfaqqar lill-foqra u għalhekk kien xi ħaġa immorali. Kien instab kompromess meta r-Re u l-Knisja qablu li l-lottu jibqa’ jsir, basta mhux fil-jiem tal-Milied. Ġara iżda li fi żmien il-Milied, in-nies bdew jilagħbu forma ta’ lottu ieħor, il-logħba tat-tombla, meta l-familji, wara li jieklu l-ikla tal-Milied kienu jinxteħtu jilagħbu din il-logħba fi djarhom. Sal-lum, fl-Italja, it-tombla baqgħet tagħmel parti mit-tradizzjonijiet tal-Milied. Din it-tradizzjoni relatata mal-Milied daħlet f’Malta wkoll. Biss, kif jaf kulħadd, f’Malta, it-tombla hi logħba popolari ħafna u tintlagħab mhux biss fil-Milied, iżda matul is-sena kollha.

F’Malta kont u għadek tara bosta nies, l-aktar nisa, miġbura f’xi rokna tat-triq jew f’xi wesgħa tal-lokal, iqattgħu l-ħin liberu tagħhom jilagħbu t-tombla, l-aktar xi Sibt jew Ħadd wara nofsinhar. It-tombla tintlagħab ukoll fil-każini tal-banda u każini oħra. F’Malta daħlet l-użanza li meta jittellgħu n-numri tat-tombla, dawn ikunu annunzjati kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Forsi dan isir għax ħafna lagħaba ġieli jkunu anzjani u jbagħtu minn nuqqas tas-smiegħ, u kultant idumu ma jsibu n-numru fuq il-kartella u għalhekk in-numru jkun ripetut bl-Ingliż biex jingħata aktar ċans. Il-lagħabi jista’ jirbaħ il-‘line’ / ‘vers’, meta jaqta’ l-ħames numri fuq l-istess linja, jew il-‘house’ meta dak li jkun jitilgħulu n-numri kollha fuq il-kartella. Biex il-lagħabi jinforma lill-anunzjatur li n-numri kollha tiegħu telgħu jgħajjat ‘fatta!’

Biż-żmien, in-numri tat-tombla saru jingħataw xi laqam b’tifsira umoristika. Din l-użanza bdewha t-Taljani. Dawn il-laqmijiet it-Taljani jsejħulhom, la smorfia. (Ara: SMORFJA). L-istess f’Malta, ħafna numri ngħataw laqam imqabbel ma xi suġġett partikulari, bħal meta ngħidu ‘ix-Xiħa’, għan-numru disgħin, jew, ‘is-Sorijiet’, għan-numru tnejn u għoxrin. (Ara l-lista tan-numri hawn taħt).

It-tombla ma baqgħetx biss il-logħba tal-familja, fejn il-lagħaba jirbħu xi ftit ċenteżmi bejniethom, iżda saret xi ħaġa organizzata mill-każini, u parroċċi, kemm bħala divertiment u fl-istess ħin biex jinġabru l-flus għal xi fondi partikolari. Imbagħad it-tombla saret ukoll parti mill-Coffee Mornings li jorganizzaw kemm il-parroċċi, il-Kunsilli Lokali, jekk mhux ukoll xi kandidati politiċi li jkunu ħerġin għall-elezzjoni. Waqt il-perijodu tal-pandemija dan ma setax isir. Biss xi nies fi triq fiż-Żejtun ġieli lagħbuha mill-gallariji, billi l-lagħaba joqgħodu bilqiegħda fil-gallarija tad-dar tagħhom, bil-kartuna fuq ħoġorhom u l-annunzjatur tan-numri juża loudspeaker minn daru biex jinstama’ fit-triq kollha!

Hawn taħt niżżilt xi numri bil-laqmijiet tagħhom. Ħajr ta’ din il-lista lill-paġna ta’ facebook, Kelma Kelma, għax bosta minn dawn l-laqmijiet sibthom hemm (Marzu, 2013). Ara l-ħolqa isfel nett. Forsi taf xi laqmijiet oħra ma’ dawn ….

Il-LOTTU

Lottu - Copy

Il-lottu f’Malta beda jkun organizzat fuq livell nazzjonali, is-Sibt 10 ta’ Frar 1923, b’inizzjattiva tal-ewwel gvern awtonomu Malti. Qabel, xi Maltin kienu jilgħabu l-lottu li kien ikun organizzat fi Sqallija. Il-Gvern Malti ried li jorganizza l-lottu biex jgħin idaħħal sors ieħor ta’ qliegħ fil-kaxxa. Fl-ewwel sena meta beda jsir il-lottu, il-gvern kien daħħal aktar minn ħamest elef lira (Euro 11,650). Imbagħad fis-sena ta’ wara, il-bejgħ kien ta’ erba’ u sebgħin elf Lira (Euro 110,000), somma sostanzjali għal dak iż-żmien, intenzjonata biex ikunu jistgħu jinbnew aktar skejjel. Ftit wara, Emilio Lombardi kien ħareġ ktieb jismu L-Ismorfja Maltija, li fih fisser kif wieħed jista’ jaqta’ n-numri tal-lottu billi jinterpreta l-ħolm.

Meta il-Gvern beda jorganizza din il-logħba, il-każini tal-banda ma ħadux gost, għax fehmu li issa kien ser jonqos id-dħul li kien isir mil-logħob tat-tombla fil-każini tagħhom. Għaldaqstant, biex il-każini ma jbatux, il-gvern ikkonċedilhom li jibdew ibigħu l-biljetti tal-lottu huma stess. Din hi r-raġuni għaliex illum ħafna banek tal-lottu jinsabu proprju fil-każini tal-baned. Kien hemm kundizzjoni waħda: il-baned kienu obbligati li jesegwixxu kunċert b’xejn, darba fis-sena, fir-raħal tagħhom.

Ir-rebħ tal-lottu jsir b’diversi modi, pereżempju, hemm premijiet marbuta mal-prim estratt (l-ewwel numru li jitla’), mal-ambu, (meta jinqatgħu żewġ numri) mat-tern (tliet numri), u mal-kwatern (erba’ numri). Il-tmexxija tal-lottu tal-gvern kienet ittrasferita lill-kumpanija privata fis-sena 2003. Fl-2013, id-dħul fil-kaxxa ta’ Malta mil-lottu kien ta’ aktar minn għaxar miljun ewro. Waqt li l-logħob tal-lottu jittella’ s-Sibt, l-Erbħa titla’ s-Super Five.

IL-LOTTERIJA  

PHO_03867_141
L-urna ġganteska fil-Foss ta’ San Ġakbu. Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta (ritratt: NAM PHO 3867)

Din il-logħba tant kienet u għadha popolari fost il-Maltin. Hemm il-lotterija li tittella’ b’mod sempliċi minn xi soċjetajiet biex jiġbru l-fondi b’risq ta’ xi festa jew xi proġett partikolari. Illum aktar minn qatt qabel, dawn iridu jġibu l-permess mingħand l-awtoritajiet konċernati. Il-Knisja f’Malta, għalkemm fil-prinċipju kienet kontra il-logħob tal-ażżard, kemm-il darba torganizza hi stess, bl-għajnuna ta’ xi persuna jew kumitat, bosta lotteriji biex tiġbor il-fondi għal xi opra li tkun bi ħsiebha tagħmel.

Eżempju ta’ dan kien il-bini tal-knisja tal-Mosta (1833 – 1860). Biex ix-xogħol sata’ jitkompla, il-kumitat inkarigat mill-bini ta’ din il-knisja, kien jorganizza bosta lotterji. Hekk, fit-3 ta’ Lulju 1835, il-kumitat kiteb lill-Gvernatur għall-permess biex dawn il-lotteriji jsiru, u l-permess ġie mogħti. Il-biljett kien ta’ xelin (dak iż-żmien kien jiswa’ paga ta’ jum xogħol). Kien hemm tliet premjijiet kbar, li kienu jikkonsistu fi proprjetà immobbiljara, bħal, bini u għelieqi. In-numru li tela’ ma kien mirbuħ minn ħadd u l-flus miġbura marru kollha għal bini tal-knisja.

Imbagħad, mill-1948, bdiet tittella’ l-’Lotterija Nazzjonali’. L-ewwel darba li saret kienet quddiem il-Palazz, il-Belt. Din il-lotterija kellha premju kbir ta’ għaxart elef Lira (Euro 23,000). Imbagħad mill-1961, it-tlugħ tal-lotterija kien beda jsir minn sala-palk mibnija apposta fil-Foss ta’ San Ġakbu, barra s-swar tal-Belt, fejn dak iż-żmien kien jintrama’ l-Monti ta’ nhar ta’ Ħadd. Illum, f’dan il-post hemm it-terminus ċentrali tal-karozzi tal-linja. Biex itella’ l-biljetti magħluqa ġo fodsqa tal-metal, kien ikun hemm tifel b’wiċċu mgħammad li jdeffes idu għal kemm-il darba fl-urna biex itella’ n-numri, wieħed wara l-ieħor. L-urna gġanteska kienet saret id-Dockyard. Kien hemm żmien li l-premju l-kbir kien ta’ 30,000 Lira (ċ. Euro 70,000). Wara xi żmien, dan il-premju tela’ għal 50,000 Lira (Euro 117,000). Il-biljetti li kienu jinxtraw kien ikollhom miktub fuqhom nom-de-plume, biex meta jitla’ n-numru r-rebbieħ jibqa’ anonimu. L-akbar xiri tal-biljetti ma kienx isir mill-Maltin, iżda mill-Ingliżi, mhux biss dawk residenti f’Malta, iżda aktar u aktar minn dawk li jgħixu l-Ingilterra; dan il-bejgħ baqa’ sakemm il-Gvern Ingliż kien ipprojbixxa u mblokka il-posta tal-biljetti mixtrija milli jidħlu l-Ingilterra.

Fuq livell aktar sempliċi, fl-antik kien ikun hawn min idur it-toroq b’xi dixx mimli tamar jew rizzi li dak li jkun isib billi jogħdos għalihom fil-baħar.  Dan kien anki jħabbat il-bibien biex iħajjar lin-nies tal-lokal jixtru biljett. It-tamal jew ir-rizzi kienu jintrebħu minn min jitlagħlu n-numru mal-prima, li d-Dipartiment tal-Lottu kien itella’ s-Sibt wara nofsinhar.

Għadek tara bosta każini, għaqdiet u knejjes li biex jiġbru l-fondi, jinkarigaw lil xi ħadd biex jintasab ħdejn il-bieb tagħhom u jbigħ il-biljetti biex jintrebaħ xi hamper, xi bambin jew xi statwa oħra ta’ xi qaddis. Anki dawn il-premijiet jintrebħu skont l-ewwel numru li jitla’ mal-lottu / lotterija.

Martin Morana

18.11.2021

http://www.kliemustorja.com

—-


Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Leave a comment