TOMBLA, LOTTU u LOTTERIJI

Logħob bin-numri

Tombla – Lottu –  Lotteriji

It-tombla

Tombola

Skont it-tradizzjoni popolari, il-logħba tat-tombla bdiet fl-1734 f’Napli, wara kwistjoni bejn ir-re Karlu tal-Borboni u patri Dumnikan, Gregorio Maria Rocco, predikatur magħruf. Jingħad li r-Re Karlu ried li l-lottu jkun ikkontrollat mill-gvern. Patri Rocco kien kontra din l-idea għaliex skont hu, il-logħob tal-ażżard kien jkompli jfaqqar lill-foqra u għalhekk kien xi ħaġa immorali. Kien instab kompromess meta r-Re u l-Knisja qablu li l-lottu jibqa’ jsir, basta mhux fil-jiem tal-Milied. Ġara iżda li fi żmien il-Milied, in-nies bdew jilagħbu forma ta’ lottu ieħor, il-logħba tat-tombla, meta l-familji, wara li jieklu l-ikla tal-Milied kienu jinxteħtu jilgħabu din il-logħba fi djarhom. Sal-lum, fl-Italja, it-tombla baqgħet tagħmel parti mit-tradizzjonijiet tal-Milied. Din it-tradizzjoni relatata mal-Milied daħlet f’Malta wkoll. Biss kif jaf kulħadd, f’Malta, it-tombla hi  logħba popolari ħafna u tintlagħab mhux biss fil-Milied, iżda matul is-sena kollha.

F’Malta kont, u għadek tara bosta nies, l-aktar nisa, miġbura f’xi rokna tat-triq jew f’xi wesgħa tal-lokal, iqattgħu l-ħin liberu tagħhom jilgħabu t-tombla, l-aktar xi Sibt jew Ħadd wara nofsinhar. It-tombla tintlagħab ukoll fil-każini tal-banda u każini oħra. F’Malta daħlet l-użanza li meta jittellgħu n-numri tat-tombla, dawn ikunu annunzjati kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Forsi dan isir għax ħafna lagħaba ġieli jkunu anzjani u jbagħtu minn nuqqas tas-smiegħ, u kultant idumu ma jsibu n-numru fuq il-kartella u għalhekk in-numru jkun ripetut bl-Ingliż biex jingħata aktar ċans. Il-lagħabi jista’ jirbaħ il-‘line’ / ‘vers’, meta jaqta’ l-ħames numri fuq l-istess linja, jew il-‘house’ meta dak li jkun jitilgħulu n-numri kollha fuq il-kartella. Biex il-lagħabi jinforma lill-anunzjatur li n-numri kollha tiegħu telgħu jgħajjat ‘fatta!’

Biż-żmien, in-numri tat-tombla saru jingħataw xi laqam b’tifsira umoristika. Din l-użanza bdewha t-Taljani. Dawn il-laqmijiet it-Taljani jsejħulhom, la smorfia. (Ara: SMORFJA). L-istess f’Malta, ħafna numri ngħataw laqam imqabbel ma xi suġġett partikulari, bħal meta ngħidu ‘ix-Xiħa’, għan-numru disgħin, jew, ‘is-Sorijiet’, għan-numru tnejn u għoxrin. (Ara l-lista tan-numri hawn taħt).

It-tombla ma baqgħetx biss il-logħba tal-familja fejn il-lagħaba jirbħu xi ftit ċenteżmi bejniethom, iżda saret xi ħaġa organizzata mill-każini, u parroċċi, kemm bħala divertiment u fl-istess ħin biex jinġabru l-flus għal xi fondi partikolari. Imbagħad it-tombla saret ukoll parti mill-Coffee Mornings li jorganizzaw kemm il-parroċċi, il-Kunsilli Lokali, jekk mhux ukoll xi kandidati politiċi li jkunu ħerġin għall-elezzjoni. Waqt il-perijodu tal-pandemija dan ma setax isir. Biss xi nies fi triq fiż-Żejtun ġieli lagħbuha mill-gallariji, billi l-lagħaba joqgħodu bilqiegħda fil-gallarija tad-dar tagħhom, bil-kartuna fuq ħoġorhom u l-annunzjatur tan-numri juża loudspeaker minn daru biex jinstama’ fit-triq kollha!

Hawn taħt niżżilt xi numri bil-laqmijiet tagħhom. Ħajr ta’ din il-lista lill-paġna ta’ facebook, Kelma Kelma, għax bosta minn dawn l-laqmijiet sibthom hemm (Marzu, 2013). Ara l-ħolqa isfel nett. Forsi taf xi laqmijiet oħra ma’ dawn ….

1   Piċlu / pixlu / il-pesis /         38  Tal-ħelu
    iż-żgħir / il-bewwiel              39  Daħal u ħareġ
7   San Gejtanu                        43  Rasu
8   Bajda waħda / qorbot il-25         44  Il-patrijiet / is-sodod
    (tal-Milied)                       47  Il-karretta                          
10  Magnus / San Pawl                  48  Il-mejta
11  Kampnari / sexy legs               55  Il-fniek             
12  Il-majjistra                       56  Il-vażijiet
13  Ta’ Ġuda / disgrazzja              57  Il-ħut / ir-rixa       
17  Disgrazzja                         63  L-għarusa
18  Ix-xebba / iċ-ċavetta              65  Il-vażijiet  / tal-Ispell
21  Taċ-ċavetta  / royal salute        66 Iż-żejżiet
22  Is-sorijiet                        67 Il-belha
25  Il-Milied                          69 Il-maqlubin
26  Il-ġiżirana                        77 Saqajn Sosa / zpapen
27  It-tabib                           81 Il-ħotbi
30  Ġuda                               84 Il-knisja
32  Doris                              88 il-bajd / bajd u bajd
33  Il-qamel / l-eta ta’ Kristu/       89 Ir-ruħ
all the threes                         90 Ix-xiħa
34  Il-miftuħa
35  Il-begeg
36  Il-qalziet
37  Ix-xita

Il-LOTTU

Lottu - Copy

Il-lottu f’Malta beda jkun organizzat fuq livell nazzjonali, is-Sibt 10 ta’ Frar 1923, b’inizzjattiva tal-ewwel gvern awtonomu Malti. Qabel xi Maltin kienu jilgħabu l-lottu li kien ikun organizzat fi Sqallija. Il-Gvern Malti ried illi l-lottu jgħin biex ikollu sors ieħor ta’ dħul fil-kaxxa. Fl-ewwel sena meta beda jsir il-lottu, il-gvern kien daħħal aktar minn ħamest elef lira (Euro 11,650). Imbagħad fis-sena ta’ wara, il-bejgħ kien ta’ erba’ u sebgħin elf Lira (Euro 110,000), somma sostanzjali għal dak iż-żmien, intenzjonata biex ikunu jistgħu jinbnew aktar skejjel. Ftit wara, Emilio Lombardi kien ħareġ ktieb jismu L-Ismorfja Maltija, li fih fisser kif wieħed jista’ jaqta’ n-numri tal-lottu billi jinterpreta l-ħolm.

Meta il-Gvern beda jorganizza din il-logħba, il-każini tal-banda ma ħadux gost, għax fehmu li issa kien ser jonqos id-dħul li kien isir mil-logħob tat-tombla fil-każini tagħhom. Għaldaqstant, biex il-każini ma jbatux, il-gvern ikkonċedilhom li jibdew ibigħu l-biljetti tal-lottu huma stess. Din hi r-raġuni għaliex illum ħafna banek tal-lottu jinsabu proprju fil-każini tal-baned. Kien hemm kundizzjoni waħda: il-baned kienu obbligati li jesegwixxu kunċert b’xejn, darba fis-sena, fir-raħal tagħhom.

Ir-rebħ tal-lottu jsir b’diversi modi, pereżempju, hemm premijiet marbuta mal-prim estratt (l-ewwel numru li jitla’), mal-ambu, (meta jinqatgħu żewġ numri) mat-tern (tliet numri), u mal-kwatern (erba’ numri). Il-tmexxija tal-lottu tal-gvern kienet ittrasferita lill-kumpanija privata fis-sena 2003. Fl-2013, id-dħul fil-kaxxa ta’ Malta mil-lottu kien ta’ aktar minn għaxar miljun ewro. Waqt li l-logħob tal-lottu jittella’ s-Sibt, l-Erbħa titla’ s-Super Five.

 

IL-LOTTERIJA  

PHO_03867_141
L-urna ġganteska fil-Foss ta’ San Ġakbu. Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta (ritratt: NAM PHO 3867)

Din il-logħba tant kienet u għadha popolari fost il-Maltin. Hemm il-lotterija li tittella’ b’mod sempliċi minn xi soċjetajiet biex jiġbru l-fondi b’risq ta’ xi festa jew xi proġett partikolari. Illum aktar minn qatt qabel, dawn iridu jġibu l-permess mingħand l-awtoritajiet konċernati. Il-Knisja f’Malta, għalkemm fil-prinċipju kienet kontra il-logħob tal-ażżard, kienet torganizza hi stess bosta lotteriji biex tiġbor il-fondi għal xi opra li tkun bi ħsiebha tagħmel.

Eżempju ta’ dan kien il-bini tal-knisja tal-Mosta (1833 – 1860). Biex ix-xogħol sata’ jitkompla, il-kumitat inkarigat mill-bini ta’ din il-knisja, kien jorganizza bosta lotterji. Hekk, fit-3 ta’ Lulju 1835, il-kumitat kiteb lill-Gvernatur għall-permess biex dawn il-lotteriji jsiru, u l-permess ġie mogħti. Il-biljett kien ta’ xelin (dak iż-żmien kien jiswa’ paga ta’ jum). Kien hemm tliet premjijiet kbar, li kienu jikkonsistu fi proprjetà immobbiljara, bħal, bini u għelieqi. In-numru li tela’ ma kien mirbuħ minn ħadd u l-flus miġbura marru kollha għal bini tal-knisja.

Imbagħad, mill-1948 bdiet tittella’ l-’Lotterija Nazzjonali’. L-ewwel darba li saret kienet quddiem il-Palazz, il-Belt. Din il-lotterija kellha premju kbir ta’ għaxart elef Lira (Euro 23,000). Imbagħad mill-1961, it-tlugħ tal-lotterija kien beda jsir minn sala-palk mibnija apposta fil-Foss ta’ San Ġakbu, barra s-swar tal-Belt, fejn dak iż-żmien kien jintrama’ l-Monti tal-Ħadd. Illum f’dan il-post hemm it-terminus ċentrali tal-karozzi tal-linja. Biex itella’ l-biljetti magħluqa ġo fodsqa tal-metal, kien ikun hemm tifel b’wiċċu mgħammad li jdeffes idu għal kemm-il darba fl-urna biex itella’ n-numri, wieħed wara l-ieħor. L-urna gġanteska kienet saret id-Dockyard. Kien hemm żmien li l-premju l-kbir kien ta’ 30,000 Lira (ċ. Euro 70,000). Wara xi żmien, dan il-premju tela’ għal 50,000 Lira (Euro 117,000). Il-biljetti li kienu jinxtraw kien ikollhom miktub fuqhom nom-de-plume, biex meta jitla’ n-numru r-rebbieħ jibqa’ anonimu. L-akbar xiri tal-biljetti ma kienx isir mill-Maltin, iżda mill-Ingliżi, mhux biss dawk residenti f’Malta, iżda aktar u aktar minn dawk li jgħixu l-Ingilterra; dan il-bejgħ baqa’ sakemm il-Gvern Ingliż kien ipprojbixxa u mblokka il-posta tal-biljetti mixtrija milli jidħlu l-Ingilterra.

Fuq livell aktar sempliċi, fl-antik kien ikun hawn min idur it-toroq b’xi dixx mimli tamar jew rizzi li dak li jkun isib billi jogħdos għalihom fil-baħar.  Dan kien anki jħabbat il-bibien biex iħajjar lin-nies tal-lokal jixtru biljett. It-tamal jew ir-rizzi kienu jintrebħu minn min jitlagħlu n-numru mal-prima, li d-Dipartiment tal-Lottu kien itella’ s-Sibt wara nofsinhar.

Għadek tara bosta każini, għaqdiet u knejjes li biex jiġbru l-fondi, jinkarigaw lil xi ħadd biex jintasab ħdejn il-bieb tagħhom u jbigħ il-biljetti biex jintrebaħ xi hamper, xi bambin jew xi statwa oħra ta’ xi qaddis. Anki dawn il-premijiet jintrebħu skont l-ewwel numru li jitla’ mal-lottu / lotterija.

Martin Morana

18.11.2021

—-

Sorsi bibliografiċi

Pirro Deidre, ‘The Origins of Tombola’.

https://www.theflorentine.net/2017/11/30/tombola-italy-christmas-traditions/

Portelli Carmel, Tifkiriet ta’ Carmel Portelli. Gutenberg Press. 2010.

Vella E.B., L-istorja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha. Empire Press. 1930.

Dwar it-tifsir tan-numri tat-tombla ikklikkja hawn fuq din il-paġna ta’ facebook:

Paġna ta’ Facebook, Kelma Kelma, 24 ta’ Marzu 2013.

https://www.facebook.com/kelmakelma.mt/posts/524259557620531

Ħajr ta’ informazzjoni oħra lil Charles Micallef St John.


Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur:  https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s