Il-BAMBIN ta’ PRAGA

IL-BAMBIN ta’ PRAGA

u Malta 

Fil-Malti teżisti idjoma li tgħid, ‘liebes qisu l-Bambin ta’ Praga’. Din l-idjoma kienet tingħad qabel aktar milli l-lum, meta wieħed jikkumplimenta lil xi tifel jew tifla li jkunu libsin ħwejjeġ speċjali u b’ħafna xinxilli. L-analoġija hi ispirata mill-istatwa żgħira u ħelwa tal-Bambin ta’ Praga li tinsab meqjuma b’ħafna għożża fil-knisja tal-Madonna tal-Vitorja, fil-belt ta’ Praga, il-kapitali tar-Repubblika Ċeka.

L-istatwa bil-ħwejjeġ ta’ vera

Il-Bambin ta’ Praga (Ċek: Pražské Jezulátko)  hi statwa tal-injam, għolja daqs 47 ċentimetru u miksija bix-xama’, biex il-wiċċ u l-idejn jixbhu kemm jista’ jkun il-ġilda ta’ tifel veru. L-istatwa turi lil Bambin Ġesù, mhux fil-maxtura, bħal ma mdorrijin narawh, iżda bħala tfajjel ċkejken, ftit ikbar minn tarbija, wieqaf fuq saqajh.

download

Din l-istatwa hi mlibbsa lbies sinjorili, ilbies ta’ veru magħmul mill-ħarir. Il-libsa hi rrakmata u anki fiha xi ġawhar magħha li ngħata minn diversi benefatturi, fosthom l-Imperatur tal-Awstrija, għax dak iż-żmien, il-belt ta’ Praga u r-reġjun tal-madwar kien jaqa’ taħt l-imperu tal-Absburgi. Dan l-ilbies jagħmel differenza kbira mid-drapp sempliċi li jgħatti l-ġisem ta’ Ġesu Tarbija fil-maxtura. L-ilbies hu majjestuż għall-aħħar u jixraq aktar lil xi prinċep f’xi ċerimonja rjali jew reliġjuża. Hawn, ix-xbieha ta’ Ġesu Bambin hi mogħtija xeħta ta’ tfajjel, bħala r-Re tar-rejiet. Dan hu anki rifless mill-globu li l-Bambin iżomm f’idu x-xellugija, bħallikieku dan jindika li l-Bambin hu s-Salvatur tad-dinja. Il-libsa ta’ fuqu wkoll tixbah il-pjaneta tas-saċerdot meta dan juffizzja f’xi ċeremonja solenni, turija tas-santintà ta’ din l-istatwa. Intant, mill-1723 ’l hawn, din il-libsa fuq il-Bambin bdew ibiddluha, b’mod regolari, dejjem b’kuluri differenti skont il-liturġija, bħal ma jagħmlu s-saċerdoti fil-quddies. Illum, din l-istatwa għandha mal-mitt libsa differenti, ħafna minnhom magħmula min-nies li qalgħu xi wegħda bis-saħħa ta’ dan il-bambin.

Minn Spanja għal Praga

Din l-istatwa tfaċċat għall-ewwel darba fi Praga fl-1556, meta María Maximiliana Manriquez de Lara y Mendoza, prinċipessa Spanjola żżewġet lill-prinċep Stanislav ta’ Pernstjen, tal-Boħemja. Meta din il-prinċipessa minn Spanja marret tgħix mar-raġel tagħha fil-Boħemja, hi ħadet magħha l-istatwa tal-bambin li kienet tagħtha omma meta żżewġet. Leġġenda antika fil-familja tgħid li omm María, Doña Isabella, kienet ingħatat l-istatwa minn Santa Teresa ta’ Ávila, li kellha mħabba kbira lejn il-Bambin Ġesù. Fi Praga, fl-1587, Maria mbagħad irregalat l-istatwa lil bintha, Polyxena von Lobkowicz, bħala wirt u rigal tat-tieġ.

L-istatwa għand il-Karmelitani Skalzi fi Praga

big_church-of-our-lady-victorious-infant-jesus-of-prague

Min-naħa tagħha, fl-1628, Polyxena rregalat l-istatwa lill-patrijiet Karmelitani Skalzi tal-knisja tal-Madonna tal-Vitorja fi Praga. Dan sar bil-patt illi l-istatwa tkun mogħtija d-devozzjoni kif jixirqilha, darbtejn kuljum. Jingħad li malli l-Imperatur Awstrijak Ferdinandu II, li kien jaħkem dik l-art, sema’ bid-devozzjonijiet ta’ din l-istatwa, u l-bżonnijiet tal-Karmelitani, għax dawn kienu f’sitwazzjoni ta’ faqar kbir, bagħat 2,000 fjorin lil dawn il-patrijiet.

 

ij02

 

F’dak iż-żmien, l-Imperu Absburg kien maqsum f’dak tal-Punent, immexxi għal mijiet tas-snin mir-rejiet Spanjoli, u dak tal-Lvant immexxi mir-rejiet li kienu jaħkmu parti kbira tal-Ewropa Ċentrali minn Vjenna. Praga kienet attakkata diversi drabi, darba minnhom mis-Sassoni fl-1631, u darb’oħra mill-Iżvediżi fl-1648. Kull darba li Praga kienet attakkata mill-għadu, in-nies tal-belt, talbu għal protezzjoni lill-Bambin ta’ Praga biex dan jeħlishom mill-attakki tal-għadu. B’hekk kibret il-venerazzjoni lejn din l-istatwa mhux biss fi Praga iżda anki mal-Imperu Absburg kollu.

Il-Kavallieri ta’ Malta u l-Bambin ta’ Praga

salib tal ordni

Praga u l-artijiet tal-madwar kienu għal bosta snin jagħmlu parti mill-prijorat u l-komanderiji tal-Ordni ta’ San Ġwann. Meta fl-1784, l-Karmelitani Skalzi kienu mkeċċija minn Praga u marru jgħixu f’Ġenova, il-Kavallieri ta’ Malta li kellhom il-knisja tagħhom mhux wisq ’il bogħod minn dik tal-Vitorja, ingħataw il-permess mill-Kardinal tal-belt biex jieħdu ħsieb il-knisja u l-istatwa tant għażiża tal-Karmelitani. Eventwalment, l-istess Kavallieri fi Praga addottaw din il-knisja biex saret il-knisja konventwali tagħhom. Kienu huma li ppreżentaw lil din l-istatwa globu ġdid li jinżamm f’id ix-xellugija tal-Bambin, biss, din id-darba, fuq il-globu ddekorawh b’salib tal-Ordni ta’ Malta. Il-Karmelitani Skalzi ngħataw lura l-knisja fl-1991.

Il-konnessjoni tal-Istatwa ma’ Malta

Il-popolarità ta’ din l-istatwa trawmet lokalment mill-komunitajiet Karmelitani. Fl-1910, il-Karmelitani ta’ Bormla, magħrufa wkoll bħala t-Tereżjani għax għandhom il-kunvent mal-knisja ddedikata lil Santa Tereża ta’ Avila, ippubblikaw ktieb dwar l-istorja tal-Bambin ta’ Praga, imsejjaħ, Li Mqaddes Bambin Miracolus. Imbagħad fl-1913, l-istess komunità bdiet toħroġ pubblikazzjoni kull ġimgħatejn imsejjaħ, Il-Bambin ta’ Praga. Fih, fost affarijiet oħra, kienet tkun irrakkuntata l-istorja ta’ din l-istatwa. Dan il-il-fuljett dam joħroġ sal-1917.

Fl-istess sena, ġew hawn Malta xi sorijiet mill-Art Imqaddsa, u dawn fetħu l-kunvent tal-Klarissi barra San Ġiljan. Mara twajba kienet tagħthom statwa li tirrapreżenta l-Bambin ta’ Praga u dawn is-sorjiet meta bnew il-kappella tagħhom iddedikawha għal dan il-Bambin.

Fil-knisja tat-Tereżjani ta’ Birkirkara, it-tieni Ħadd ta’ Jannar tkun ċċelebrata l-festa tal-Bambin ta’ Praga. Wara nofsinhar isir it-talb u quddiesa solenni. Teżisti kappella oħra, din id-darba f’Ħal Lija, dik ta’ Santa Marija, fejn hemm statwa tal-Bambin ta’ Praga.

Fl-2006, l-Assoċjazzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta irregalat statwa tixbah lil dik ta’ Praga lill-knisja tal-Madonna tal-Vitorja li tinsab preċiżament bieb ma’ bieb mal-kwartier tagħhom. Hi ħaġa li jistħoqqilha meta tqis li l-knisja fi Praga fejn hemm l-istatwa oriġinali hi ukoll konnessa mal-Ordni ta’ Malta u ddedikata lil Madonna tal-Vitorja. Biss, din il-kopja moderna mhix imlibbsa ħwejjeġ tad-drapp, iżda hi magħmula kollha kemm hi mill-porċellana.

L-Imħabba lejn il-Bambin ta’ Praga llum

Il-venerazzjoni lejn din l-istatwa kibret u anki xterdet mad-dinja kollha, saħansitra anki fl-Amerika ta’ Isfel, il-Vjetnam u fil-Filippini. L-immaġini tal-Bambin ta’ Praga għadha magħrufa mad-dinja kollha bħala waħda li taqla’ l-grazzji u tagħmel il-mirakli. L-istatwa tal-Bambin ta’ Praga hi meqjuma ħafna, l-aktar  f’jum il-Milied u fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, jum li jfakkar l-inkurunazzjoni episkopali ta’ din l-istatwa, fl-1655.

Child of Prague 2, Patrick Comerford, Prague 2019

 

Aktar riċenti, fl-2009, il-Papa Benedittu XVI kien inkuruna x-xbieha għat-tieni darba waqt iż-żjara Appostolika tiegħu fir-Repubblika Ċeka.

Martin Morana

22 ta’ Diċembru 2021

Biblijografija

Bonavia Carmel,  ‘The Holy Infant of Prague and Malta’, The Sunday Times, December 4, 1994.  http://www.christmasjoy.110mb.com/index.php?p=1_64

Lanfranco Guido, ‘Il-Bambin ta’ Praga u Malta’, Il-Presepju, Diċembru 2013, Ħarġa nru. 78.  http://www.ocdmonline.org/il-bambin-ta-praga-u-malta/

Wikipedia: ‘Infant Jesus of Prague’  https://en.wikipedia.org/wiki/Infant_Jesus_of_Prague

‘Infant Jesus of Prague’   https://orderofmalta.mt/2019/10/04/infant-jesus-of-prague/

‘The History and Veneration of the Infant Jesus of Prague’ https://www.pragjesu.cz/en/the-history-and-veneration-of-the-prague-infant-jesus/

‘Storia e spiritualità del Santo Bambino di Praga’ http://www.karmel.at/prag-jesu/italiano/ita/jezuit.htm

Ara aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

         A aBiex il-Kliem ikun Sew (1)          Aa ARA X'INT TGHID

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s