Il-Presepju matul iż-żminijiet

 

Il-Presepju Malti matul iż-żminijiet

L-ewwel immaġini tat-twelid ta’ Ġesù  

It-twelid ta’ Kristu jissemma’ fil-Vanġelu ta’ San Luqa u f’dak ta’ San Mattew. Skont kif jixhdu d-dokumenti, l-immaġini ta’ dan l-episodju jidher għall-ewwel darba fir-raba’ seklu w.K. Interessanti li kien biss wara l-Kunċilju ta’ Efesu (431 w.K) li x-xbiha tal-Madonna bdiet tkun inkluża fix-xena tan-Nattività. Il-kwantità ta’ immaġini devozzjonali nebbħu lil bosta matul is-sekli li jikkreaw xena dioramika, jew aħjar, presepju (mit-Taljan presepe – Malti: maxtura) li tirrapreżenta il-mument ftit wara t-Twelid ta’ Ġesù.

Hemm diversi tradizzjonijiet li jagħtu ħjiel ta’ kif il-popolarità tal-presepju żviluppat matul is-sekli. Minn dak li nafu sa issa, l-eqdem presepji saru fl-Italja fis-sekli tardivi tal-Medjuevu. Kienu presepji sempliċi, u bi ftit figuri li kienu jintramgħu għall-Milied fuq l-altar maġġur tal-knejjes, jew inkella fil-kunventi tal-patrijiet u sorijiet. Dwar fejn u meta saru, hemm bosta sorsi ta informazzjoni. Dwar dan is-suġġett ltaqjt ma’ tliet artikli li huma rriċerkati sew. Dawn huma, ‘La Storja del presepio’, ta’ Simone Valtorta; ‘Christmas Cribs in Malta’, ta’ Pawlu Mizzi, u ‘Maltese Christmas Art – The Traditional Christmas Crib’, ta’ J.M. Attard, (ara il-lista biblijografika).

L-istil tradizzjonali Sqalli u Naplitan

Il-presepji nfirxu l-ewwel mal-Italja u mbagħad madwar l-Ewropa kollha. Il-presepji Toskani, Naplitani u Sqallin kienu sempliċi iżda fl-istess ħin artistiċi u waslu biex ikunu apprezzati bħala objet d’art minn min jaħdimhom kif ukoll minn min jixtrihom. L-eqdem minn dawn kienu jiffukaw naturalment fuq il-persunaġġi prinċipali, jiġifieri il-Madonna, San Ġużepp u l-Bambin, u xejn aktar. Maż-żmien imbagħad, kienu bdew jiżdiedu raffigurazzjoni statwarji tal-ragħajja jindukraw il-merħliet tagħhom, f’ambjent rurali, kif deskrit fil-Vanġelu ta’ San Luqa.

IMG_9014

‘’[…]  F’dawk l-inħawi kien hemm xi ragħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura […]’’. (Lq. 2:8 – 20).

Ma’ dawn żdied ukoll l-Anġlu jħabbar il-glorja tat-twelid mis-smewwiet:

L-istess San Luqa jkompli hekk: ‘’[…] F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu: Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu! […]’’.

Il-presepisti (jiġifieri, l-artiġana tal-presepji) bdew iżidu aktar karattri fix-xenarju tal-presepju. Mal-imħabba u d-devozzjoni tagħhom żdiedet ukoll il-fantasija. Minn sempliċi xena tat-’Twelid’ issa bdejna naraw kwantità ta’ ragħajja resqin lejn il-grotta biex iżuru il-Familja Sagra. Bdew jidhru, bil-mod il-mod, bosta persunaġġi oħra kollha medhija b’xogħolhom qisu ma kien qed jiġri xejn, anki jekk ix-xena tat-twelid kienet erba’ passi ’l bogħod minnhom. Anki jekk dawn kienu qed jaħdmu f’nofs ta’ lejl!

Il-baqra u l-ħmara

IMG_7786

Kif daħlu l-baqra u l-ħmara fix-xena tal-grotta? Iż-żewġ Evanġelisti li kitbu dwar it-twelid ta’ Kristu qatt ma semmew li kien hemm dawn l-annimali domestiċi fil-grotta, isaħħnu l-Ġesù b’nifsejhom. Biss fil-Vanġelu Apokrifu tal-psewdo-Mattew naqraw dan:

‘’[…] Fit-tielet jum wara t-twelid tal-Mulej, Marija ħalliet l-għar u daħlet ġo stalla u qiegħdet it-tarbija ġo maxtura. Baqra u ħmara niżlu arkubtejhom u bdew jadurawh. B’hekk seħħet il-profezija ta’ Isaia [3:2) li qal: il-baqra għarfet lil sidha u l-ħmara l-maxtura […]’’. (14:1; Ehrman and Pleše, 103).

Il-Presepju jasal Malta

Id-devozzjoni lejn ix-xena tan-Nattività ta’ Ġesù daħlet Malta ftit ftit, matul is-sekli, l-aktar b’rieħet il-kuntatt tal-komunitajiet ta’ patrijiet konventwali lokali mal-komunitajiet fi Sqallija, Ruma u Napli u f’inħawi oħra fl-Italja. B’hekk l-eqdem presepji nsibuhom fil-knejjes jew fil-kunventi ta’ dawn il-komunitajiet ta’ irħieb. Fost dawn jissemma il-presepju li kellhom il-patrijiet Dumnikani tar-Rabat, fis-sena 1617. Lejn nofs is-seklu 18 jissemma wkoll ċertu Saverio Laferla, barbier, li kien magħruf sew għall-presepji li kien jaħdem.

Il-ħeġġa fost il-poplu Malti lejn il-presepju bdiet aktar tissoda fis-seklu 19, l-ewwel fost il-familji nobbli u s-sinjuri, l-aktar dawk b’konnessjoni mill-qrib mal-kultura Taljana. Dawn kienu jixtru jew jakkwistaw presepji Naplitani jew Sqallin ta’ kwalità artistika għolja. Fl-1870, f’Ħal Qormi kien inħadem presepju magħruf sew għax kien mekkanizzat. Dan inzerta kien tar-rumanzier A. Muscat Fenech (1854 – 1910) . Fil-bidu tas-snin għoxrin, fil-gazzetti ssemmew kemm-il darba bosta presepji li kienu magħrufa, bħal pereżempju, f’Tas-Sliema, f’Ħ’Attard u l-Furjana.

figurini 26_100139

Dun Ġorġ Preca (1880 – 1962) kellu d-dar il-presepju tiegħu. Dan il-qassis tant kien iħobb jitgħaxxaq bih waqt li jimmedita dwar it-twelid ta’ Kristu. Fl-1907 kien beda d-drawwa tal-purċissjoni bil-Bambin tal-Milied. Bħala l-fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina (M.U.S.E.U.M.) jew kif konna nafuhom aħjar, ‘Tal-Mużew’, xtaq ħafna li s-soċji jagħmlu aktar enfasi u jagħtu ġieħ lit-Twelid ta’ Ġesù. Dun Ġorġ ried anki li s-soċji jqassmu grotta, presepju jew xi Bambin lit-tfal li kienu jattendu d-duttrina. Dawn is-soċji tgħallmu jaħdmu dawn ir-rigali u magħhom bdew jitgħallmu anki t-tfal li kienu jieħdu gost jarawhom jaħdmuhom. Illum hu stmat li dawn is-soċji jqassmu b’kollox madwar 20,000 grotta jew presepju kull sena.

Il-presepju tradizzjonali Malti

fc0b8721fb98ae3d597b4a78073f521d

Fl-antik, kull min ried jagħmel presepju kien jara kif jiddobba xi materjal jew ieħor biex joħloq il-grotta u l-ambjent tal-madwar. Fil-bidu tas-seklu għoxrin kienu komuni ferm presepji magħmula mill-gagazza, frak ta’ diversi daqs tal-fdalijiet tal-faħam li wara li dan jinħaraq ma kienx aktar aktar użu u kien jintrema. Imbagħad flok il-gagazza bdew jużaw il-ġebel imsejjaħ ‘rustiku’ li jinsab imxerred l-aktar fix-xagħri, għax dan, bil-forma naturali tiegħu stajt tużah biex tirrappreżenta l-ambjent tipiku xott. Wara, bdew isiru presepji b’materjal ieħor, bħal xkejjer tad-drapp jew tal-karti li fihom kien ikun impurtat il-ġwież u materjal ieħor. Dawn kienu joftquhom u jiżbugħhom bil-kolla, magħrufa bħala kolla tal-mastrudaxxa. Din il-kolla meta tixtriha kienet tkun forma ta’ żibeġ żgħir kulur iż-żejt, u biex taħdem biha kont trid l-ewwel titfagħha fil-borma, u ssaħħana banjumarija biex tinħall. B’tiċpisa waħda sew, il-kulur tal-karti mhux biss kien jiskura, biex il-karti jixbhu l-art rurali tal-kampanja, iżda kienu jibbiesu b’mod li ma jitgħaffġux jew jitqattgħu malajr. Imbagħad kif il-kolla tkun għadha friska kienu jitfgħu frak tas-sufri biex dan jidher bħal żrar u ġebel, kif ukoll xi frak ta’ ħaxix irqieq biex jeħel miegħu u jidher bħalikieku għażiż jew pjanti żgħar. Ma’ dawn jiżdiedu il-friegħi tas-sagħtar billi dawn jidhru qishom siġar żgħar. (illum hu pprojbiet li taqta’ s-sagħtar għal dan l-iskop). Aktar ma għadda ż-żmien, il-grotta u l-madwar bdw jingħataw akar kobor u importanza u magħha beda anki tispikka l-ambjent arkitettoniku.

Il-Pasturi

IMG_7790

Il-persunaġġi prinċipali, bħal Madonna, San Ġużepp u l-Bambin, kif ukoll, il-pasturi qrib il-grotta (mit-Taljan pastore – ragħaj) kienu jkunu tax-xama’ jew tat-tafal, biss, bla ebda artistrija – xejn ma kellhom x’jaqsmu mal-istatwi żgħar magħmula fi Sqallija u f’Napli tal-istess żmien, fejn dawn kienu jsiru b’reqqa u bl-aktar mod artistiku. L-ilbies tal-ragħajja għall-ewwel kien jixbah lil dak tal-kampanjoli Taljani jew Sqallin tas-sekli riċenti. Biss, l-ilbies tal-Madonna u San Ġużepp kien jirrapreżenta dak li suppost kienu jilbsu fl-Art Imqaddsa ta’ żmien Kristu. Il-Madonna bid-drapp miżbugħ ikħal u dak ta’ San Ġużepp jagħti aktarx lejn kulur qastni. Aktar ma għadda ż-żmien aktar il-karattri tal-pasturi bdew jieħdu x-xeħta tar-raħħala Maltin. Biż-żmien, anki xi figura ta’ mara liebsa l-għonnella kienu jdaħħlu. L-ismijiet saru bil-Malti. Waqt li l-’Bambin’ sar Ġesu Tarbija fil-maxtura, kellek ukoll karattri bħax-Xabbatur, l-Adolatur, Tal-Fanal, ir-Rieqed u l-Għaġeb (proprjament l-Imgħaġġeb – jiġifieri, dak li stagħġeb bid-dehra ta’ Ġesù). Ma’ dawn kellek mhux biss ir-ragħajja iżda anki kull tip ta’ artiġjan jagħmel xogħol tradizzjonali, kull wieħed differenti mill-ieħor. Kitba tajba ħafna dwar il-presepji u l-pasturi Maltin inkiteb ktieb minn Joseph Muscat. Hemm ukoll kapitlu interessanti fil-ktieb ta’ Charles B. Spiteri, Drawwiet u Tifkiriet Maltin. (Ara l-bibljografija).

Is-Slaten Maġi

Dawn jirrakkonta dwarhom San Mattew (MT. 2:1-12).

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi [nies għorrief li kienu jħaddnu l-filosofija u l-għerf Zorroastriju] mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tiela’, u ġejna nqimuh.”

presepju birguMG_7779

Sal-ewwel sekli wara Kristu, bdew jiddefsu fl-ikonografija tad-Twelid ta’ Kristu, it-Tliet Għorrief li biż-żmien bdew anki jissejħu Rejiet. Dan għaliex maż-żmien, xi ħadd ikkwota test mis-Salmi  bħala profezija: ‘[…] Ir-rejjiet kollha għandhom jinżlu arkubtejhom u jadurawh (72: 11) […]’’. (Excerpta latina barbari). Sa mis-seklu 8, dawn kull wieħed minnhom ingħata isem, Bithisarea, Melchior u Gathasa – illum nafuhom bħala: Baltasar, Melkior u Gaspar. Bl-ilbies rikk u nobbli tagħhom dawn kienu karattri li ntogħoġbu, aktar u aktar mill-familji nobbli u sinjuri. F’Malta kien u  għad hawn l-użanza li dawn jitqiegħdu quddiem il-grotta wara li jgħaddi l-Milied, aktarx qrib il-jiem tal-Epifanija.

Il-presepju fi żmien aktar riċenti

hompesch presepju

Fi żmijiniet aktar riċenti, il-presepju beda jieħu aktar stil inventiv. Sirt tara mhux biss presepji tradizzjonali iżda wkoll dawk li jsiru bi istil surrealistiku. Hawn min, minn qoxra ta’ ġellewża jagħmel grotta ta’ 4 ċentimetri kollox; jew inkella hawn min ideffes presepju żgħir u ta’ dettalji kbar fi flixkun tal-inbid vojt. Hawn min ukoll jaħdem il-presepju u l-figuri kollox mill-weraq u l-fjuri. Biss l-aktar materjal li sar komuni llum hu l-ġablow (Ing. polystrene) għax hu faċli li taħdem bih l-aktar biex tagħtih il-forom tal-binjiet. Imbagħad xi ngħidu għal presepju ħaj. Ħal-Lija kien famuż għalih meta dan kien isir fil-kappella tas-Salvatur. Illum hu aktar famuż dak ta’ Għajnsielem li jintrama fuq barra u fil-kobor.

Fl-1984, f’Għawdex iffurmat ruħha assoċjazzjoni msejħa, ‘Għaqda Ħbieb tal-Presepji’. Sentejn wara f’Malta ffurmat oħra bl-istess isem. Issa li s-siġra tal-Milied kienet daħlet ġmielha, dawn iż-żewġ għaqdiet stinkaw kemm felħu biex din ma tiħux post il-presepju tradizzjonali, biex l-imħabba u s-sengħa artistika tal-presepesti tinżamm ħajja. Dawn u għaqdiet oħra bdew jorganizzaw esebizzjonijiet kollettivi f’postijiet prominenti. Bdew ukoll jgħallmu lil bosta nies, kbar u żgħar, kif dawn għandhom jaħdmu presepju għalihom infushom.

Fis-snin sebgħin il-Dipartment tal-Kultura beda jorganizza kompetizzjoni fuq livell nazzjonali għall-isbaħ presepju f’diversi kategoriji. Illum tista’ tgħid li kull każin tal-banda jesibixxi il-presepju tiegħu. In-nies fid-djar individwali mhux talli jgawdu l-presepju fid-dar tagħhom iżda donnhom anki jridu juru x’jafu billi dan jesponuh fit-tieqa jew wara l-antiporta biex kull min ikun għaddej jarah u jitpaxxa bih. Hemm bosta li anki jarmaw il-presepju fil-garraxx tagħhom biex il-pubbliku jidħol jara x-xogħol tagħhom mill-qrib … u forsi anki jħallu xi donazzjoni żgħira.

20211127_121954

Il-Gvern Malti wera l-apprezzament tiegħu għall-artistrija kollettiva li teżisti f’Malta tal-presepji, meta fis-sena 2019, intbagħat presepju ta’ kobor biex dan jintrama fil-Pjazza tal-Vatikan. Dan il-presepju apparti li juri l-figuri prinċipali jidhru fih wkoll bosta elementi Maltin. Ma jistax ma tkunx inkluża l-figura ta’ San Ġorġ Preca li tant kien iħobb din ix-xena tat-Twelid ta’ Ġesù.

Martin Morana

17 ta’ Diċembru 2021.

Aktar artikli dwar il-Milied fl-istess website:

Pubblikazzjonijiet mill-istess awtur: 

Biblijografija

Attard J.M., ‘Maltese Christmas Art - The Traditional Christmas Crib’. 
Heritage Vol. VI. pp.1908-1913.
Bonello Giovanni, ‘The Christmas Story’, Treasures of Malta, Vol 1. no 1. 
1994. Fondazzjoni Patrimonju Malti.
Caruana Martina, Nativity and Epiphany Scenes in Books of Hours at the 
National Library, Valletta’. Treasures of Malta, no 61. 2014. Fondazzjoni Patrimonju Malti.
Cassar Pullicino, Studies in Maltese Folklore. University Press.
Cauchi Carmel G., Mill-Ġnejna ta’ Tfuliti. Merlin. 2011.
Ellul Joe, ‘Il-Presepju ta’ Dun Ġwann f’Ħal Qormi’, Folklor, ed. G. Lanfranco. Klabb Kotba Maltin. 2004.
Fenech Doris, ‘The Crib  -  il-Presepju’ www.maltesetraditions.com 
https://sites.google.com/site/maltesetraditions/the-crib---il-presepju
Kilin, Fuq il-Għajn ta’ San Bastjan. Pubblikazzjoni Bugelli Publications. 
1993.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Ħajja mill-Istorja ta’ Malta. Wise Owl 
Publication.
Lanfranco Guido, Drawwiet u Tradizzjoniet Maltin. PIN. 2004.
Mizzi Pawlu, ‘Christmas Cribs in Malta’, Treasures of Malta, Vol VII. No 1.
2000. Fondazzjoni Patrimonju Malti.
Muscat Joseph, The Story of the Christmas Crib in Malta.
Spiteri Charles B., Drawwiet u Tifkiriet Maltin. BDL Publishing. 2015.
Valtorta Simone, ‘La Storia del Presepio’
http://www.storico.org/storia_societa/presepio.html
https://knisja.mt/filmat-jibdew-il-preparamenti-ghall-presepju-fi-pjazza-san
-pietru/
http://www.presepjumalta.org/ 
https://www.facebook.com/ghaqdapresepjughajnsielem/posts/424017814386679/
‘Maltese Tradition of Crib Making’ in www.maltatina.com: 
‘Storia del Presepe dall’origine al nostro salotto’   
https://artepresepe.it/storia-presepe/

Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *

Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *

L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S

T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s