Il-Knisja f’Malta matul is-sekli

Il-Knisja f’Malta

matul is-sekli

 

Il-bidu tal-Kristjaneżmu f’Malta

Fl-Atti tal-Appsaint paul shipwreck by agius Laspinaostli, Kapitlu 28, naqraw li wara li l-bastiment li kien qed jivvjaġġa fuqu San Pawl inkalja fuq skoll fil-gżejjer Maltin, hu qatta’ tliet xhur hawn, qabel ma rikeb fuq bastiment ieħor biex isalpa fi triqtu lejn Ruma. Nafu li matul iż-żmien li dam f’Malta, hu fejjaq mill-mard mhux biss lill-missier Pubbliju, il-gvernatur ta’ Malta, iżda wkoll bosta nies oħra. Imkien f’dan il-kapitlu ma naqraw li San Pawl ikkonverta lill-Maltin għall-Kristjaneżmu. Biss, jekk San Pawl fejjaq lill-morda f’issem Kristu, dan seta’ wkoll, bil-mirakli li kien qiegħed jagħmel, jikkonvinċi lill-istess morda u nieshom biex jemmnu fit-twemmin Nisrani.

triclinium TZ 1926_084600L-ewwel evidenza konkreta tal-eqdem Insara f’Malta nsibuha b’mod arkeoloġiku, fil-katakombi tal-Insara li jinsabu mxerrdin fil-gżejjer Maltin. Dawn iċ-ċimiterji taħt l-art tħaffru u ntużaw bejn is-seklu tlieta u s-seklu sebgħa W.K. X’ġara bejn il-miġja ta’ San Pawl u dawn is-sekli, fil-ħajja ta’ kuljum ma’ nafu kważi xejn. Wisq inqas nafu kif kienet is-sitwazzjoni f’Malta fl-ewwel elf sena wara Kristu. Dlam kważi totali.

 

Żmien il-Medjuevu

Mill-ftit frammenti magħrufa mill-istoriċi, nifhmu li miż-żmien bikri medjevali, Malta kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-isqfijiet li kienu jamministraw il-Knisja Nisranija fi Sqallija. Fis-seklu sitta W.K., jissemma li kien hemm isqof ta’ Malta, (Stanley Fiorini, 1993). Milli nistgħu nifhmu, f’dan iż-żmien, is-sede tal-isqof kienet f’Sirakuża. (Charlene Vella, 2013).

Meta Malta waqgħet f’idejn l-Għarab fl-870, il-gżira sfat attakkata u l-Għarab dawru bis-sewwa jew bid-dnewwa lill-Maltin għall-Islam. Hemm ukoll iddokumentat li daqs tmien snin wara, kien hemm isqof, hekk imsejjaħ ‘ta’ Malta’, li ntbagħat il-ħabs f’Palermo.

Il-Kristjaneżmu reġa’ daħal Malta bil-mod il-mod, mal-wasla tan-Normanni – u mhux meta ġie l-Konti Ruġġieru fl-1091, kif ħafna għadhom jemmnu – iżda meta t-tifel tiegħu Ruġġieru II, fl-1127, waqqaf amministrazzjoni governattiva fil-gżejjer Maltin marbuta mar-renju tiegħu li kien imexxi minn Palermo.

Jingħad li fl-1154, l-amministrazzjoni djoċesana ta’ Malta ġiet ittrasferita minn dik ta’ Sirakuża għal dik ta’ Palermo mill-Papa Adrianu IV, bħal ma ġara f’Girgenti u Mazzara,  (Agius de Soldanis). Jingħad ukoll illi mill-1168 sal-1212, l-isqof ta’ Malta kien  ċertu Johannes, jew Giovanni ta’ Catania (Charlene Vella, 2013). Dak iż-żmien, il-Kristjaneżmu kien leħaq qabad sew f’Malta, biss kien għad hawn ukoll ħafna li kienu għadhom Musulmani. Fl-1249, ir-Re Frederiku II, li ħakem lil Malta bejn l-1224 u l-1249, keċċa minn Malta l-aħħar ‘Għarab Musulmani’. Min kienu eżatt dawn ma nafux.

Cathedral medieval Mdina in Fresco GM palacd
Il-Katidral tal-Imdina

Nafu li f’dak iż-żmien jew ftit wara, fl-Imdina kienet inbniet knisja li kienet ukoll tiffunzjona bħala knisja matriċi tal-gżejjer Maltin, jekk mhux ukoll bħala katidral, għalkemm bit-terminu ‘katidral’ nifhmu l-knisja sservi bħala s-sede tal-isqof. Hawn kien hawn ġerarkija għolja ekleżjastika li kienet tamministra l-Knisja f’Maltin, kemm f’dak li kien twemmin kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-beni materjali tagħha. Sal-1299, din il-knisja laħqet fl-istatura tagħha id-dinijità ta’ katedral. Intant, imxerrda fil-gżejjer Maltin bdew jinbtu bosta knejjes żgħar li fihom kienu jsiru riti liturġiċi fuq stil Biżantin, bħal ma kien isir fi Sqallija tal-Lvant.

Lejn l-aħħar tas-seklu erbatax, l-isqof ta’ Malta kellu residenza tiegħu fl-Imdina, anki jekk stess dan rari kien jabita fiha, minħabba li s-sede tiegħu kienet f’Palermo. (Stanley Fiorini 1993). Nafu li fi Sqallija l-isqof, Ylarius (1356 – 1370) kien magħruf bħala ‘isqof Malti’, u kien Dumnikan (Charles Dalli 2006). Dan l-isqof kien żar Malta fl-1366. (Charlene Vella, 2013).

Lejn l-aħħar tas-seklu erbatax bdew ġejjin Malta xi ordnijiet reliġjużi li stabbilew il-kunventi tagħhom fir-Rabat. Sal-1436, bosta rħula kellhom il-parroċċa tagħhom, jiġifieri kienu amministrati minn kappillan. Dawn il-kappillani kienu, fiż-Żurrieq, ir-Rabat (San Paolu di Fora), il-Birġu, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, Bir Miftuħ, Birkirkara, Cappella Santa Dominica, (Ħad-Dingli u Ħal Tartani), il-Mellieħa, is-Siġġiewi, iż-Żejtun (Santa Katarina), u n-Naxxar. (Mario Buhagiar, 2005). (Ara: ‘L-ewwel Ordnijiet Reliġjużi f’Malta’, https://kliemustorja.com/2021/02/26/l-ewwel-ordnijiet-religjuzi-fmalta/

Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann

Baldassare_Cagliares
L-Isqof Fra Baldassare Cagliares

Hekk kif l-Ordni ta’ San Ġwann ikkonsolida s-seta’ tiegħu f’Malta, ir-residenza tal-isqfijiet f’Malta bdiet issir aktar permanenti. L-isqfijiet kienu kważi kollha jkunu membri tal-istess Ordni ta’ San Ġwann u għalhekk, ħlief għal wieħed, Fra Baldassare Cagliares (1614 – 1633) , kienu kollha barranin. Skont il-ftehim li kien sar bejn l-Ordni u l-Imperatur Spanjol, Karlu V, l-isqof issa kellu jkun approvat mill-Viċi Re ta’ Sqallija, wara li jkunu nominati tliet kandidati mill-Ordni ta’ San Ġwann. (Anthony Luttrell 1993). Normalment, wieħed minn dawn il-kandidati kien ikun il-Gran Prijur tal-Ordni, u jagħmel parti mir-renju Spanjol, (Ann Williams, 1993). L-isqfijiet hekk kif kienu jkunu eletti, kien ikollhom post fil-Gran Consiglio tal-Ordni. Il-pożizzjoni tal-Isqof kienet tiġi meqjusa t-tieni fil-preċedenza, eżattament wara l-Gran Mastru. (Carmel Testa, 1989).

Meta fl-1574, id-delegat appostoliku tal-Papa – magħruf aħjar bħala l-inkwiżitur, beda jamministra f’Malta b’mod permanenti, l-awtoritajiet f’Malta saru tlieta. Issa l-isqof ried iħabbatha mal-ġurisdizzjoni tal-Ordni ta’ San Ġwann kif ukoll ma’ dik tal-Inkwiżitur. Kien hawn f’Malta għalhekk tliet poteri li kollha jagħrfu lill-Papa bħala l-kap tagħhom. L-isqof kien ra kif għamel biex jipproteġi l-interessi tiegħu u tal-kleru mill-Ordni. Hekk ukoll l-Inkwiżitur, kellu d-dritt jiddefendi lil dawk li kienu impjegati tiegħu, magħrufa bħala il-familiare, mill-ġurisdizzjoni tal-Ordni. L-isqof kellu wkoll is-setgħa li joffri r-refuġju fil-knejjes u l-

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA
Il-kitba li ta spiss naraw fuq il-kappelli

kappelli lil kull min ried iffittex il-protezzjoni u jaħrab mill-isbirri u l-proċess judizzjarju tal-Ordni. Dwar din l-immunità, u dwar affarijiet oħra, kienu ta’ spiss jinqalgħu kwistjonijiet bejn it-tliet awtoritajiet. Id-dritt tal-immunità li kien joffri l-isqof mill-awtorità tal-Ordni kien imċekken u kkontrollat fl-1761, meta l-Gran Mastru Pinto, wasal għal ftehim mal-Vatikan u mal-isqof ta’ Malta, Bartolomeo Rull. Issa min kien imfittex mill-istat seta’ jsib kenn biss f’ċerti knejjes fejn kien hemm espost is-sagrament. Dan id-dritt reġa’ ġie rivedut biex saru aktar restrizzjonijiet bil-Motu Propio tal-1777, u finalment tneħħa għal kollox fi żmien l-Ingliżi, fl-1828. Fi żmien l-Ordni kienu waħħlu tabelli fuq il-kappelli, bil-kitba non gode la immunità ecclesiastica.

 

Żmien l-Ingliżi – is-seklu dsatax

Sentejn wara li tkeċċew il-Franċiżi, il-Maltin ippreżentaw petizzjoni lir-Re George III tal-Ingilterra, magħrufa bħala id-’Dikjarazzjoni tad-Drittijiet’ li fiha talbu fost affarijiet oħra, li r-Re għandu jiggarantixxi protezzjoni lir-reliġjon Kattolika Rumana li l-Maltin tant kien ilhom iħaddnu. Insistew ukoll li l-Ingliżi ma għandhomx jindaħlu f’affarijiet li jirrigwardaw il-Knisja, kemm f’materji spiritwali kif ukoll f’affarijiet temporali. Fl-1812, il-Kummissjoni Rjali li żaret Malta, qablet u rrikmandat li biex iżommu l-armonija mal-Knisja, l-Inglliżi ma għandhomx inaqqsu mill-privileġġi tal-kleru. Ara: Tliet Isqfijiet’, https://kliemustorja.com/2021/03/19/tliet-isqfijiet-labini-mattei-caruana/

Mattei
L-Isqof Ferdinando Mattei

Matul is-snin, l-Ingliżi għamlu kemm felħu biex iżommu l-kordjalità diplomatika mal-isqfijiet ta’ Malta, tant illi l-isqof kien igawdi preċedenza għolja li kienet tiġi wara dik tal-Gvernatur, u kien saħansitra stmat qabel il-Lieutenant Governor li kien jikkmanda l-armata f’Malta. Fl-1807, wara li miet l-Isqof Vincenzo Labini, ingħażel għall-ewwel darba isqof Malti, Ferdinando Mattei. Aktar ma għadda ż-żmien, l-Ingliżi ħadmu kemm felħu biex jikkonvinċu ’l-Vatikan biex Malta tissepara ruħha mid-djoċesi ta’ Palermo, biex b’hekk ma jkunx hemm possibiltà ta’ xi ndħil, la mill-isqof ta’ Palermo u lanqas mir-Re ta’ Napli u Sqallija. Wara li l-Isqof Mattei miet fl-1827, sakemm inqatet il-biċċa, ma kienx elett isqof ieħor. Din is-separazjoni mid-dioċesi ta’ Palermo seħħet fl-1831. L-isqof il-ġdid li ngħażel kien Francesco Saverio Caruana, l-istess persuna li fi żmien l-Imblokk tal-Franċiżi kien mexxa r-resistenza tal-milizja kontra t-truppi Franċiżi. 

Frncesco Saveio Caruana
L-Isqof Francesco Saverio Caruana

Matul il-bqija tas-seklu dsatax, ir-relazzjoni tal-Ingliżi mal-Knisja ftit li xejn ittappnu. Naturalment, l-Ingliżi baqgħu dejjem ibillu subgħajhom biex meta jmut isqof jilħaq warajh xi ħadd li kienu jafdaw. Dan kienu jagħmluh biex jassiguraw ruhom li l-mexxej tal-Knisja f’Malta ma jkun qatt xi ħadd li jista’ jsaħħan lill-poplu kontrihom. Ir-reliġjon ftit li xejn kienet il-kawża ta’ xi inkwiet bejn il-Knisja u l-Gvernatur. Ħlief għall-kwistjoni tal-1893 – 1898, meta l-Ingliżi riedu li tidħol Malta l-liġi li ġiet introdotta fir-Renju Unit li biha ż-żwieġ ‘ċivili’ barra mir-Renju Unit kellu jkun rikonoxxut bħala wieħed validu fil-kolonji kollha, inkluża Malta. Il-Knisja u l-politiċi ipprotestaw bl-ikrah għal liġi bħal din li kienet ser tkun imposta minn mexxejja ta’ poplu Protestant fuq sudditi li kienu Kattoliċi sa ruħ ommhom. Fejn jidħol iż-żwieġ f”Malta, l-isqof ried li tibqa’ tapplika biss, il-liġi kanonika (jiġifieri, tal-Knisja). Finalment, wara bosta snin ta’ battibekki din il-liġi baqgħet ma daħletx. F’każijiet bħal dan l-episodju, l-Ingliżi kienu dejjem iqabbżu fin-nofs lill-Vatikan biex dan jintervjeni favur tagħhom, biss kienu joqgħodu dejjem attenti li ma jxellfuhiex mal-Kleru.

 

Il-knisja u l-istat matul is-seklu għoxrin

cabinet 1921Mal-ewwel governanza awtonoma tal-Maltin fl-1921, l-ewwel liġi li għaddiet b’mod unanimu mill-parlament, ikkonfermat, ‘Ir-reliġjon Kattolika Rumana’ bħala r-reliġjon ta’ Malta. (Att 1, 1922). Intant, kien hemm min ried li r-reliġjon Kattolika Rumana tkun ir-reliġjon tal-Istat, li kien jimplika li liġijiet ta’ Malta jkunu mfassla abbażi tal-kodiċi kanonika. L-Ingliżi din il-proposta rresistewha u saħħqu li f’Malta għandu jkun hemm toleranza għal reliġjonijiet oħrajn kollha, (Dominic Fenech, 2021). Kienu ġew eletti fis-Senat żewġ prelati. Dawn kienu hemm l-aktar biex jiddefendu l-interessi tal-kleru u r-reliġjon Kattolika f’Malta. Meta fl-1928, it-tnejn li huma vvutaw kontra l-Gvern ta’ Gerald Strickland qam inkwiet kbir. Għall-ewwel darba f’Malta saru dimostrazzjonijiet anti-klerikali mill-partitarji ta’ Strickland. Meta kienet qed toqrob l-elezzjoni f’Mejju tal-1930, Strickland kien għadu miksur minn mal-Knisja. L-Isqof Mauro Caruana wasal biex hedded, li min jivvota għal Strickland, jew joħroġ kandidat mal-partit tiegħu kien ikun qed jagħmel dnub. Minħabba f’hekk, l-elezzjoni ġiet posposta, u eventwalment il-Kostituzzjoni tal-1921 ġiet sospiża mill-Gvernatur. F’Ġunju, il-Qorti ddeċidiet li ż-żewġ kleriċi jitneħħew mis-Senat. Finalment, l-elezzjoni saret fl-1932, biss, Strickland sofra telfa kbira.  (J. Bonnic & M. Cassar 2004).

Putirjal San Pawl statwa barra l-Belt (2)
Feste[[jamenti taċĊentenarju tal-Miġja ta’ San Pawl, 1960 -waqt l-eqqel tal-ġlieda politiko-reliġjuża

Konfrontazzjoni simili bejn l-istat u l-Knisja seħħet fis-snin ħamsin u sittin. Kollox beda meta fl-1955, il-kap tal-Partit Laburista, Dom Mintoff, beda jaħdem biex Malta tingħaqad mal-Ingilterra fl-hekk imseħja ‘Integration’. L-Isqof Mikiel Gonzi, u miegħu bosta partiti politiċi kienu kontra li dan isir, għax kienu jemmnu li jekk Malta issir parti integrali mir-Renju Unit, il-liġijiet li japplikaw għall-Ingilterra, fosthom dik tad-divorzju u oħrajn li jmorru kontra t-twemmin Kattoliku, jibdew japplikaw għal Malta wkoll. Anki wara li l-idea tal-Integration kienet abbandunata, u l-Partit Laburista beda jisħaq għall-indipendenza, l-animosità bejn Mintoff u Gonzi kibret. Il-qiegħa saħnet aktar meta wasal iż-żmien biex isir referendum dwar il-kostituzzjoni l-ġdida ta’ Malta Indipendenti. Mintoff kien tal-fehma li l-kostituzzjoni kellha turi biċ-ċar li l-istat ikollu l-poter assolut tat-tmexxija tal-pajjiż, mingħajr indħil jew influwenza mill-Knisja. Minħabba din il-kwistjoni, il-Partit Laburista tilef ir-referendum u l-elezzjonijiet kollha tas-snin sittin. Fis-sena 1969, il-Partit Laburista ra kif għamel u wasal għal ‘ftehim ta’ paċi’ biex il-konfront jieqaf u ma jtellifx iċ-ċans li l-partit jitla’ fil-gvern fl-elezzjoni li jmiss. Bis-saħħa ta’ hekk, fl-elezzjoni tal-1971, rebaħ il-Partit Laburista. Biss, l-animosità kontra l-kleru Malti kompliet, anki meta rriżenja Gonzi u floku sar isqof Ġużeppi Merċieca. Meta wara xi ftit snin li tela’ fil-gvern, il-Partit Laburista fassal u għadda mill-Parlament b’żewġ terzi tal-voti tal-Kamra tad-Deputati, il-kostituzzjoni ġdida, is-sitt liġijiet li tant kien iġġieled għalihom Mintoff għaddew u saru jagħmlu parti integrali mill-kostituzzjoni. (Ara aktar billi tikklikkja hawn: ĠUNTA, INTEGRATION, INTERDETT, SITT PUNTI).

Iż-żewġ kwistjonijiet politiċi swew lill-Knisja ta’ Malta telf ta’ eluf ta’ ‘fidili’ għax ġiegħelu lil bosta jirriflettu u jiddeċidu dwar jekk għandhomx iżommu mal-Knisja Kattolika jew inkella mal-partit politiku li huma kienu jappoġġjaw.

Il-Knisja kellha konfront ieħor mal-istat fil-bidu tas-snin tmenin meta l-Gvern Laburista ried li jagħmel l-iskejjel tal-Knisja mingħajr ħlas u miftuħa għal kulħadd. Imbagħad kien hemm il-kwistjoni tal-proprjetà immobbiljarja li minnha l-knisja kienet taqla’ ammont sostanzjali biex tpatti għall-ispejjeż kbar li kellha. Sas-snin sebgħin, il-Knisja kienet tippossedi daqs 12% tal-artijiet fil-gżejjer Maltin (Charles Vella, 2000). Waqt li l-ewwel kwistjoni kienet solvuta parzjalment fi żmien meta l-Labour kien fil-gvern, it-tieni waħda, dik tal-proprjetà, ġiet diskussa u nqabel ftehim fuqha xi ftit snin wara meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern. Dan sar billi l-Knisja biegħet bosta mill-proprjetà tagħha lill-gvern, u l-gvern ikkommetta ruħu li jħallas il-pagi tal-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja.

 

Il-Knisja u t-twemmin Nisrani Illum

Illum il-ġurnata, l-indħil tal-Knisja fit-tmexxija politika waqaf, għalkemm fejn jidħlu liġijiet ġodda li jmorru kontra t-twemmin Nisrani u affarijiet li jolqtu b’mod uman lis-soċjetà, Il-kapijiet tal-Knisja ma jiddejqux juru l-fehmiet tagħhom, u dan isir mingħajr inkwiet ta’ xejn. Apparti minn hekk, il-Knisja f’Malta mhix biss istituzzjoni taċ-ċeremonji fuq l-altar, jew tal-prietki minn fuq il-pulptu. Kemm il-Knisja inġenerali kif ukoll il-maġġorparti tal-kleru huma involuti f’bosta proġetti u xogħol ta’ volontarjat li jirrendu ġid kbir lis-soċjetà.

Mill-banda l-oħra, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar wieħed jinnota li bosta huma dawk il-Maltin li ma għadhomx jattendu funzjonijiet reliġjużi. Hemm ukoll ħafna li ma jridux jafu aktar bit-tagħlim tal-Knisja u l-parteċipazzjoni fis-sagramenti. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-individwu qiegħed jiddeċiedi hu x’għandu jaċċetta u jipprattika fit-twemmin tiegħu, u xi standard morali għandu jżomm. Dan deher ċar meta sar ir-referendum dwar id-divorzju, li għadda b’maġġoranza tal-voti. Ma’ dan hemm ukoll il-veduti dwar il-moral u l-etika f’aspetti oħra tal-ħajja fosthom l-abort, l-omosesswalità u l-konċepiment u t-twelid artifiċjali. Dan kollu jorbot ukoll mal-fatt li Malta saret aktar kosmopolitana għax illum wieħed minn kull ħames abitant hu barrani u bi twemmin ieħor.

parish church 201130_0041

Skont iċ-ensiment tal-2017, 36.1 % biss għadhom jattendu l-quddies il-Ħadd. Dan il-persentaġġ hu baxx immens meta tqis li fl-ewwel ċensiment li kien sar fl-1967, 81.9 % tal-Maltin kienu jattendu l-quddies tal-Ħadd regolarment. Jidher għalhekk li l-influwenza tal-Knisja fuq il-Maltin, kif ukoll il-konvinzjoni tal-poplu fit-twemmin tal-Knisja aktar ma jgħaddi żmien qed jonqos. (Ara: ‘Religion in Malta’, Wikipedia). Jidher għaldaqstant, li llum il-ġurnata, Malta ma għadhiex ‘cattolicissima’.

Martin Morana

26.05.2022

http://www.kliemustorja.com

BIBLIOGRAFIJA
Bezzina Joseph, Church History - Including an account of the Church in Malta.
Gaulitana. 1994.
Bonello Giovanni, Histories of Malta - Passions and Compassions. Vol X p. 9.
Wirt Patrimonju Malti.  
Bonnici Alexander, Gozo Ancient and Modern Religious and Profane - Agius 
Giovanni Pietro Francesco De Soldanis. Media Centre. 1999.
Bonnici Arthur, ‘Mixed Marriages in Malta 1800 -1900’.
Bonnici Alexander, Storja ta’ Malta fi Ġrajjiet il-Knisja. Franġiskani 
Konventwali, Rabat. 1996.
Bonnici Joseph u Cassar Michael, A Chronicle of Twentieth Century Malta. BDL 2004.
Buhagiar Mario, The Late Medieval Art and Architecture of the Maltese Islands.
 Fondazzjoni Patrimonju Malti. 2005.
Ciappara Frans, ‘Non Gode l’Immunità Ecclesisastica’. Melita Historica, Vol. 
IX, no 2.
Dalli Charles, Malta - The Medieval Millenium. Midsea Books Ltd. 2006.
Fenech Dominic, 1921 - Self Government in Malta - 1921-1933. Klabb Kotba Maltin. 
2021.
Fiorini Stanley, ‘Malta in 1530’, Hospitaller Malta, 1530 - 1798. Mireva 
Publications. 1993.
Laferla A.V., British Malta, Vol. I. A.C. Aquilina & Co. 1977.
Luttrell Anthony, Approaches to Medieval Malta. The British School at Rome -
London. 1975.
Luttrell Anthony, ‘Malta and Rhodes’, Hospitaller Malta 1530 -1798. Mireva 
Publications. 1993.
Sant Alfred, 28 ta’ April 1958 - Il-Ħobż u l-Ħelsien. Sensiela Kotba 
Soċjalisti. 1988.
Testa Carmel, The Life and Times of Grand Master Pinto. Midsea Books. 1989.
Vella Charlene, Late Medieval Malta, 1091 - 1530. Midsea Books. 2013.
Vella Charles G., Sinjali Maltin ta’ Żmienna. Klabb Kotba Maltin. 2000.
Williams Ann, ‘Constitutional Development of the Order of St John’, 
Hospitaller Malta, 1530 - 1798. Mireva Publications. 1993.
Xuereb Charles, ‘Bishop Vincenzo Labini - the tactful zealous ecclesiastic 
(1780 - 1807). The Sunday Times of Malta, April 24, 2022

1 Comment

Leave a Reply to Greg Caruana Cancel reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s