ID-DAQQ tal-QNIEPEN fil-GŻEJJER MALTIN
Introduzzjoni
Il-qniepen ilhom jindaqqu bħala mezz ta’ komunikazzjoni minn popli differenti madwar id-dinja għal eluf ta’ snin. Dawn jistgħu jibgħatu kemm messaġġi ta’ ferħ kif ukoll ta’ dieqa, jekk mhux ukoll ta’ allarm biex min jismagħhom jieħu l-prekawzjonijiet kontra xi periklu iminenti. Antikament, f’Malta l-qniepen kienu anki jindaqqu wkoll waqt maltempati – bi skop superstizzjuż – biex iwaqqfu l-irwiefen u biex in-nies tkun imħarsa mis-sajjetti. Tant hu hekk, li fuq waħda mill-qniepen il-qodma tal-kattidral ta’ Għawdex hemm miktub bil-Latin: ‘Jien ghandi s-setgħa li nkeċċi x-xitan u nikkalma t-tempesti’ (J. Bezzina, 2011).
Fil-Knisja Kattolika, meta tiżżanżan qanpiena ġdida din mhux biss titbierek, iżda tkun ‘mgħammda, għaliex din tkun midluka biż-żejt tal-griżma bħal fil-magħmudija. Apparti minn hekk, din tingħata isem, u jkollha anki l-parrinu tagħha (J. Bezzina, 2011). Skont ir-regoli tal-Knisja hemm numru preċiż ta’ kemm għandu jkun hemm qniepen fil-kampnar/i. Dawn għandhom jilħqu l-massimu ta’ 7 fil-Katidral, u 5 fil-knejjes parrokkjali (K. Cauchi & N. Grima, 2014.) Fil-Konkatridral hemm għaxra, biss tlieta minnhom jindaqqu biex jagħtu l-ħin tal-arloġġ tal-faċċata.
Id-daqq tal-qniepen għal gost tal-widna

Maż-żmien, il-qniepen ma kinux biss jipproduċu ħoss kif ġie ġie, iżda bdew jiġu intonati waqt il-manifattura tagħhom biex jagħtu pjaċir lill-widnejn u biex, ma’ qniepen oħrajn ta’ kobor differenti, jipproduċu armonija fil-ħsejjes tagħhom. L-ewwel esperimentazzjoni fl-intunar tal-qniepen beda mill-fundituri Olandiżi Francois u Pieter Hemony fis-seklu sbatax. Biss, kien fis-seklu dsatax li l-qniepen bdew jinħadmu b’perfezzjoni skont it-tliet ottavi minn funditur Ingliż, John William Taylor. Biex dan seħħ kien hemm bżonn li l-artiġjan jaħdem skont formula matematika li tieħu inkonsiderazzjoni l-kobor u l-ħxuna tal-qanpiena. Il-materjal tal-qniepen hu normalment il-bronż, li hu taħlita ta’ ram aħmar – 77 % – u landa (Ing. tin) 23%. Il-kobor tal-ilsien, naturalment, ukoll hu importanti – it-toqol tiegħu jrid ikun 3% tal-użin tal-istess qanpiena. B’dan l-iżvilupp, il-qniepen setgħu jkunu aktar ‘mużikali’ biex ipaxxu l-widnejn bil-’partial harmonics’ li jipproduċu (Kenneth Cauch / G. Lanfranco, 2017).
Id-daqq tal-qniepen jista’ jkun organizzat u apprezzat mhux biss bid-daqq ta’ qanpiena waħda iżda wkoll billi jindaqq is-sett sħiħ f’daqqa. Dan isir l-aktar fil-festi tal-parroċċa kif ukoll f’okkażjonijiet ta’ ferħ li jmur lil hinn mill-parroċċa. F’jum l-Għid, l-ewwel ma jibdew jindaqqu huma l-qniepen tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, imbagħad jibdew idoqqu l-qniepen kollha ta’ Malta. Il-qniepen il-kbar jindaqqu kollha f’daqqa fil-festi msejħa tal-’prima klassi’. Dawn huma l-festi l-kbar, bħal pereżempju, il-Milied, l-Għid u Santa Marija (S. Camilleri, 2009). Fil-Cottonera, bħala turija ta’ ħbiberija u rispett bejn dawn l-ibliet, meta tkun iċċelebrata l-festa ta’ parroċċa minnhom, il-qniepen tal-knejjes tal-ibliet ġirien l-oħra jindaqqu fl-istess ħin. Dan isir fit-Te Deum u mal-ħruġ tal-purċissjoni (S. Camilleri, 2009).
L-istorja tal-qniepen f’Malta
F’Malta, il-qniepen ilhom jintużaw għal ħaġa u għal oħra għal mijiet ta’ snin. L-eqdem qanpiena li għadha teżisti f’Malta hi esebita fil-mużew tal-Katidral, l-Imdina. Din kienet inħadmet fl-1370 f’Venezja u ġiet imsejħa ‘Petronilla.’ Fuqha hemm imnaqqxa dan il-kliem:
Nicolaus Victor et Nicolaus eius frater
me feċit in Venetiis.
Qanpiena oħra tal-istess katidral tmur lura sal-1478 (J. Zammit, 1997).

Fil-Birgu kien hemm qanpiena jgħidulha ‘tan-nafra’ li kienet tindaqq mit-Torri tal-Arloġġ li sa żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien għadu wieqaf fil-pjazza. Din il-qanpiena kienet magħmula apposta biex tnaffar l-abitanti tal-madwar hekk kif jintlemaħ l-għadu. Kienet magħmula fl-1504 ġo funderija f’Messina minn ċertu Evantunellu Carbuni, għax l-iskrizzjoni fuqha kienet tgħid hekk:
Evantunellu Carbuni
me fecit nobili civitati
Messanæ
MCCCCCIIII

Okkażjoni meta l-qniepen indaqqu biex jallarmaw kien meta l-Maltin qamu kontra t-truppi ta’ Vaubois fir-Rabat u l-Imdina, fit-2 ta’ Settembru 1798. Ċensu Brared, negozjant u bniedem ta’ influenza u stima kbira f’Birkirkara, inzerta hemm. Meta nduna x’qed jiġri minnufiħ irritorna b’ħeffa lura lejn beltu u dritt ġiegħel li jindaqqu l-qniepen tal-knisja ta’ Sant’Liena ħalli l-Karkariżi jkunu mgħarrfa bir-rivolta li kienet għadha kemm tkebbset mill-Maltin.
Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, kienet ħaġa normali li l-qniepen jinħadmu fil-fonderija tal-Ordni. Din kienet tinsab f’dak li kien magħruf bħala Palazzo Ferreria, fi Strada San Giorgio (illum Triq ir-Repubblika – quddiem it-Teatru Mwaqqa’) fil-Belt Valletta. Mhux għax f’din il-fonderija kien hemm xi xogħol speċjalizzat tal-qniepen, iżda għax hemm kont issib il-materjal tal-bronż li seta’ jiddewweb mill-kanuni li ukoll kienu jinħadmu hemm, biss li ma jkunux jintużaw – u viċi versa, il-kanuni kienu wkoll jinħadmu mill-bronż tal-qniepen li jkunu nġabu hemm bi ħsara. Kien hemm drabi f’Malta fejn il-qniepen kienu jinħadmu ukoll mill-ħadid fondut. Ovvjament dawn ma tantx kellhom ħajja twila għax malajr kienu jissaddu. Il-manifattura tal-qniepen baqgħet isseħħ fil-fonderija sa matul l-aħħar żmien li l-Ordni baqa’ f’Malta. Uħud mill-aħħar qniepen li nħadmu fil-fonderija kienu dawk tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal Għargħur: il-qanpiena l-kbira tal-knisja, li tiżen madwar 19-il qantar, nħadmet fl-1782. Il-’fustanija’, li tiżen 14-il qantar inħadmet fl-1793. Din ġiet tiswa 110 skud il-qantar (J. Bezzina, 2011). Qantar hu ekwivalenti 100 ratal / 79.38 kilogramm.

Meta fl-1798 l-Ordni tkeċċa minn Malta, il-funderija tal-Ordni ngħalqet u meta kienu jsiru xi qniepen ġodda, dawn issa kienu bdew jinħadmu fuq iz-zuntier tal-knisja fejn tkun ser tittella’ l-qanpiena. Hekk ġara f’Birkirkara meta nħadmu xi qniepen għall-kampnar ta’ Santa Liena fl-1810. Qniepen ġodda oħra bdew jinħadmu barra minn Malta. Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax wieħed mill-aktar fundiera magħrufa f’Malta kien ċertu Guliano Cauchi.
Id-daqq tal-qniepen għal skopijiet reliġjużi
Fil-gżejjer Maltin, il-qniepen tal-knejjes jindaqqu kuljum biex jgħarrfu l-komunità tal-madwar dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-funzjonijiet reliġjużi. L-okkażjonijiet meta jindaqqu l-qniepen huma bosta. Il-moti jindaqqu differenti skont l-okkażjoni. Hemm moti li jindaqqu waqt l-għasar, meta jitkanta l-Magnificat; hemm moti li jħabbru l-agunija (it-trapassjoni) jew il-mewt ta’ xi ħadd; oħrajn li jindaqqu qabel it-twelid tat-trabi; hemm moti ta’ nhar ta’ Ġimgha, fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, li jfakkru l-mewt ta’ Kristu; tal-Pater Noster fl-4 ta’ filgħodu; moti li jindaqqu tliet darbiet kuljum għall-Angelus, jiġifieri, fit-8 ta’ filgħodu, f’nofsinhar u fl-Ave Maria, ta’ nżul ix-xemx; tal-Ħamis wara s-7 ta’ filgħaxija, magħrufa bħala ‘tal-adorazzjoni’ b’rispett lejn l-Ewkaristija, u dawk li jindaqqu siegħa wara nżul ix-xemx magħrufa bħala ‘tal-Imwiet.’ Din tal-aħħar f’Birkirkara kienet magħrufa wkoll b’mod kollokwiju bħala ‘tal-istaneg’ għax dak kien il-ħin li wieħed jissakkar ġewwa daru.
Bil-mod regolari tagħhom dawn il-moti saru bħal qisu arloġġ li wieħed seta’ jqassam il-ġurnata tiegħu. Antikament, kien ikun hemm min jaġġorna l-arloġġ tiegħu mad-daqq tal-qanpiena tal-knisja. Il-bdiewa fl-għelieqi kienu jafu meta għandhom jieqfu mix-xogħol u jerfgħu l-għodda bis-saħħa tad-daqq tal-Angelus ta’ ma nżul ix-xemx. F’Birkirkara, il-qniepen ta’ qabel ma jibda r-rużarju filgħaxija kienu magħrufa bħala ‘tal-għaġin’, għax, f’dak il-ħin jintefa’ l-għaġin fil-borma biex jibda jissajjar (A. Borg Mallia, 2003).

Hemm ukoll daqq li jsejjaħ lin-nies għall-eżerċizzi, kif ukoll daqq li jsejjaħ il-fratelli ħalli jinġabru biex jakkumpanjaw fil-purċissjoni. Mota oħra hi dik magħrufa bħala tal-Ottava tal-Erwieħ. Antikament kienu wkoll jindaqqu l-moti f’lejlet il-jiem tas-sawm biex ifakkru lin-nies li l-għada huwa jum obbligu tas-sawm.
Imbagħad hemm id-daqq ta’ waqt il-quddies, bħal ngħidu aħna, id-daqq taż-żewġ qniepen il-kbar fis-Sanctus; waqt li l-qniepen iż-żgħar jindaqqu hekk kif jibda l-prefazju; hemm id-daqq ta’ waqt il-Glorja; bejn tlieta sa ħames moti jindaqqu biex juru li ser jibda l-paniġirku. Dawn imbagħad jgħinuhom il-qniepen il-kbar waqt il-konsagrazzjoni. Fil-bażiliki, fl-istess ħin waqt is-Sanctus jindaqq it-tintinabulum.
Il-moti tal-qniepen
Id-daqq tal-mota kapaċi jibda minn qanpiena waħda, bl-iżgħar nota u titwal hekk kif jiżdiedu magħha qniepen oħra b’noti aktar għolja. Inkella, jistgħu wkoll jindaqqu mill-ewwel kollha f’daqqa, kultant biex iferrħu u kultant ta’ dwejjaq biex jesprimu sentimenti ta’ sogħba.
Hemm ċertu daqq tal-moti li jintgħaraf biss min-nies tal-lokalità partikolari. Hekk pereżempju nsibu li f’Birkirkara t-tokki tal-Paternoster huma disgħa. Meta l-qniepen idoqqu għaxar tokki tal-mejtin dak ifisser li l-persuna li miet, għalkemm Karkariż, kien sa qabel ma miet kien qed jabita barra l-lokalità (K. Cauchi, 2017 / G. Lanfranco). Fix-Xagħra, Għawdex, meta jmut abitant maskil idoqqu ħames tokki – meta tmut mara jdoqqu erbgħa. F’Ħal Għaxaq tas-Sagrament kienet iddoqq 33 tokk; tar-Rużarju 15-il tokk, ta’ San Ġużepp, 7 tokki (Frans Farrugia / Guido Lanfranco, 2017).

Termini tad-daqq tal-qniepen
Frejħa Din hi mota ta’ dieqa li tindaqq waqt il-funeral ta’ tarbija.
Fustanija Il-qanpiena b’ħoss medju fost is-sett ta’ qniepen fl-istess kampnar.
Gganċjati jew żganċati Tal-ewwel tirriferi għal meta jindaqqu l-qniepen minn isfel bit-tiġbid tal-ħbula; tat-tieni meta l-qniepen jindaqqu bl-idejn minn fuq il-kampnar.
Glissando Tokki mgħaġġla li jindaqqu biex jagħtu sens ta’ dieqa meta jmut xi kanonku jew isqof. Il-mota tibda mill-qanpiena ż-żgħira u tispiċċa bid-daqq tal-qanpiena l-kbira ( J. Zammit, 1997).
Glorja, Tal- Tindaqq meta tmut xi tarbija.
Lawda/i Daqq tal-qniepen li jsir bħala ringrazzjament lil Alla. Mil-Lat: laudamus li tfisser – ‘Ejja nfaħħru lil Alla’. Dari, din kienet tindaqq meta kienet titwieled tarbija bħala sinjal ta’ ferħ.
Ħamis, Tal- Daqq tal-qniepen f’daqqa li jsir il-Ħamis filgħaxija f’ċerti knejjes wara l-quddiesa biex tfakkar fit-twaqqif tal-Ewkaristija u għalhekk hi magħrufa wkoll bħala il-mota tal-Aħħar Ċena. Din jgħidulha wkoll tal-Ora Sancta kienet intenzjonata biex issejjaħ lill-komunità għat-talb. (Aara: J. Zammit 1997.)
Imwiet Tal- Il-mota li tindaqq siegħa wara nżul ix-xemx.
Libra Tal-, i. Il-mota li tindaqq nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara nofsinhar u matul ix-xahar ta’ Novembru għax dan hu x-xahar tal-mejtin; ii. Tindaqq ukoll siegħa wara nżul ix-xemx. Kelma li ġejja minn Liberas Domini.
Lugubru Kelma li ġejja mit-Taljan lugubre li tfisser dwejjaq kbar li hu relatat mal-mewt ta’ xi ħadd. Għalhekk kien hawn min jgħid, ‘daqq lugubru’.
Matutin, Id-daqq tal- Kien jindaqq meta jkun hemm xi funzjoni fil-knisja jew meta jkun hemm xi kant minn kor.
Mota It-tokki tal-qniepen li jindaqqu għal ċertu tul ta’ ħin. Il-mota tista’ tibda minn daqq ta’ qanpiena waħda, bl-iżgħar nota. Tista’ titqawwa hekk kif jiżdied magħha d-daqq tal-qniepen l-oħra b’noti aktar għolja.
Nafra Daqq ta’ qanpiena li jallarmaw lin-nies, jew inkella, daqq li jsir bħala briju f’xi festa.
Newwieħa Il-qanpiena li tindaqq b’mod solenni jew funebri meta jmut xi ħadd. L-istess newwieħa tindaqq ukoll b’mod regolari fix-xahar ta’ Novembru, li hu x-xahar tal-mejtin.
Ottava, tal- Tindaqq biex tfakkar il-mejtin. Jgħidulha wkoll tal-erwieħ.
Pjaga Il-parti tal-qanpiena fejn jaħbat l-ilsien minħabba li biż-żmien din il-parti tinselaħ (S. Camilleri, 2009).
Rempel Meta jmut xi ħadd tibda tindaqq il-qanpiena l-kbira bit-tokki ta’ swied il-qalb – kull tokk imbiegħed mill-ieħor. Dawn imbagħad jispissjaw u jsiru aktar qrib xulxin sakemm jintlaħaq ħoss mgħaġġel mill-istess qanpiena. Dan id-daqq jgħidulu monologu. Wara l-qanpiena tispiċċa d-doqq ma’ oħrajn bil-glissando (S. Camilleri, 2009).
Rifsa L-ewwel tokk li jindaqq qabel ma tibda l-mota li mbagħad iddum daqs 10 minuti.
Tnaqqir tat- Il-mota tat-tnaqqir tindaqq għal bosta raġunijiet: biex tinforma lill-komunità dwar dak li jkun għaddej matul xi funzjoni fil-knisja; biex in-nies tattendi għal xi funzjoni li tkun ser tibda; biex jissejħu l-membri tal-fratellanzi u fil-vjatku u waqt il-paniġierku. Il-mota tat-tnaqqir tindaqq wkoll waqt il-ġranet tar-Randan. (S. Camilleri, 2009).
Transitu, tat- Il-mota li tindaqq waqt xi funeral ta’ qassis, kanonku, isqof jew papa.
Trapassjoni, tat- Il-mota li tindaqq hekk kif bniedem ikun wasal fl-aħħar ta’ ħajtu. Hawn min jirreferi għaliha wkoll bħala l-mota ta’ wara l-mewt.
Ftit informazzjoni oħra:
L-ikbar qanpiena tal-knejjes f’Malta hi dik ta’ Santa Liena, Birkirkara li tellgħet fil-kampnar tax-xellug fl-1932. Maħduma mill-funderija ta’ Barigozzi ta’ Milan. Din tiżen 97 qantar u 28 ratal.
Qanpiena ikbar minnha hi dik tal-Great Siege Memorial li hemm taħt il-Barrakka t’Isfel (il-monument tat-Tieni Gwerra Dinjija li kien inawgurat fl-1992 mir-Reġina Eliżabetta II. Tiżen 12-il tunnellata u jisimha Mater Gloriosa. Is-Siege Bell Memorial fiha 155 qantar (Kenneth Cauchi).

L-ikbar qanpiena fid-dinja hi dik tal-Kremlin f’Moska. Tiżen 198 tunnellata, hi 6.27m għolja, u għanda 6.91m diametru. Inħadmet fl-1733 (Goggi, 1993).
Il-preġju tal-qanpiena apparti mill-ħoss li tagħti hu magħruf aktar mid-dijametru tagħha milli mit-toqolha.
Martin Morana©
29.07.2026
Biblijografija
Bezzina Julian, ‘Il-qniepen fil-knejjes ta’ gżiritna’, Excelsior – Fil-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur 2011.
Camilleri Saviour, ‘Id-daqq tal-qniepen fil-folklor Malti.’ L-Imnara, Nru. 33, Vol. 9 Nru.2, 2009.
Cauchi Kenneth, ‘It-Teknika Mużikali li tagħmel il-Qniepen Strummenti tal-Mużika’. Banda San Girgor 15.
Fsadni Stephanie, (intervista) Carl Bugeja ….’The life of a bell-ringer’. The Times of Malta, April 28, 2019.
Goggi Joseph, ‘The Bells of Malta’, Malta Year Book 1993.
Grima Noel, ‘The largely unsung history of Malta’s bells’, The Malta Independent, 9 December, 2014. After a lecture by Kenneth Cauchi.
Mallia Borg Anton, ‘Doqqu Qniepen Doqqu’, Għaqda Mużikali Sant Elena Birkirkara. Festa 2003.
Zammit John, ‘All the bells of heaven may ring’, Treasures of Malta, Vol. IV, No 1. Christmas 1997.
