OĠĠETTI TAD-DAR
dawk antiki u oħrajn li għadhom jintużaw
Introduzzjoni
F’dan l-artiklu qiegħed ninkludi lista ta’ oġġetti tad-dar, li ħafna minnhom kienu komuni fi żminijiet oħra u li llum ma għadhomx jintużaw. Biss, fl-istess lista hemm oġġetti oħrajn li għadhom jintużaw għalkemm b’forma oħra aktar moderna jekk mhux ukoll b’isem ieħor. Xi wħud mill-oġġetti msemmija kont tista’ ssibhom fid-djar tas-sinjuri, oħrajn għand familji foqra jew fid-djar rurali. Ċert li fil-lista ser issib ismijiet li taf bihom l-aktar jekk int ta’ età avvanzata; dawn inkludejthom xorta waħda għall-benefiċċju ta’ dawk iżgħar fis-snin għax jista’ jkun li dawn qatt ma semgħu bihom.
F’din il-lista mhux qed ninkludi oġġetti tad-dar li kienu jintużaw fil-kċina għax dwar dawn kont ktibt artiklu fuq l-istess website intitolat ‘Il-Kċina tal-Bużnanna’. Dan biex nevita repetizzjoni. Biss jekk tixtieq taqra dwar dawn tista’ tikklikkja hawnhekk: https://kliemustorja.com/2022/12/08/il-kcina-tal-buznanna/
—–

ARLOĠĠ TAL-LIRA Dan l-arloġġ hu xogħol tas-sengħa maħdum fl-injam, li jmur lura mill-inqas żewġ sekli. Mhux ċara r-raġuni għaliex dan it-tip ta’ arloġġ jgħidulu ‘tal-lira’. Hawn minn jgħid li dan jissejjaħ hekk għax jixbah dak l-istrument mużikali tal-kordi, qisu arpa żgħira tal-idejn, li bit-Taljan jissejjaħ lira. Spjega oħra hi, li dan l-arloġġ kienet titqiegħdlu landa tonda kbira f’tarf il-pendlu, li kienet tixbaħ il-munita tal-lira. Nafu li Mikielanġ Sapiano, li kien l-aqwa arluġġar f’Malta fis-seklu dsatax, kien jitħallas sittin lira sterlina biex jaħdem arloġġ bħal dan, li għal dak iż-żmien kienu diġà ħafna flus. Dan l-arloġġ dekorattiv jirrikjedi bosta snajja’ fosthom: ix-xogħol tal-injam, eż., il-parti dekorattiva ta’ fuq, imsejħa l-kuruna; il-kaxxa bil-parti ta’ isfel imsejħa l-mensola. Xogħol ieħor fuq dan l-arloġġ hu dak tal-induratur li jiksi partijiet dekorattivi minn dan l-arloġġ bil-folji tad-deheb, wara li jgħaddi diversi passati bil-ġibs. Imbagħad hemm ix-xogħol tal-makkinarju tal-arloġġ innifsu li hu fdat f’idejn l-arluġġar. Ara: Antique Maltese Clocks, Great Exhibitions Revisited, Miranda Publications in association with Fondazzjoni Patrimonju Malti. ‘L-Arloġġ tal-Lira, ta’ Charlie Sammut’, kitba ta’ John Agius, Leħen il-Kunsill Tiegħek, San Ġiljan, Ħarġa nru 34, Ġunju 2010.
AWRINAR / MIBWEL / VAŻ / KANTRU / QANNATA TAL-BEWL Kontenitur ġenerlalment, jew taċ-ċaqquf jew tal-metall użat biex fih titbattal l-awrina. Dan ikun ġeneralment imqiegħed taħt jew qrib is-sodda biex jintuża f’każ li billejl dak li jkun ikollu bżonn li ibul. Fl-antik kien ukoll jintuża awrinar aktar kbir tal-fuħħar li kien jissejjaħ kantru.

BALJOL Barmil tal-injam li jintuża biex jittella’ l-ilma mill-bir. Sq. bugghiolu. Sors etim: E.S.I. Ara: ĦERŻA.
BLU / BLUN / BLUNA, IL- Prodott, magħmul mill-ultramarin sintetiku u l-bikarbonat tas-soda li jintuża biex jgħin fil-ħasil tal-ħwejjeġ bojod. Dan kien jintuża komunament bejn nofs is-seklu dsatax sa nofs is-seklu għoxrin. Jintuża l-aktar meta jitlaħalħu l-ħwejjeġ wara li jinħaslu. Il-kubu kien jitkebbeb f’ċarruta u jintefa’ fl-ilma biex it-trab jinħall u jitħallat mal-ħwejjeġ. Minn meta fil-ħasil beda jintuża l-bleach, il-bluna bil-mod il-mod inqatgħet mill-użu tagħha.

BOZZA Għata/u tal-ħġieġ x’aktarx ġej għat-tul u anki ovali (imbuzzat) li jintuża biex fih jitqiegħed xi oġġett prezzjuż u dekorattiv, bħal statwa, arloġġ jew xi bukkett fjuri tal-ganutell.

BUĠIJA Oġġett tal-metal bħal ċilindru mqiegħed fuq speċi ta’ plattina żgħira. Fiċ-ċilindru tan-nofs titqiegħed ix-xemgħa. Il-buġija jkollha manku biex tkun tista’ tinġar minn post għall-ieħor. Il-plattina tal-buġija hu magħmul fil-wisgħa biex jilqa’ ir-ruttam li jdub u jqattar mix-xemgħa hi u tinħaraq. Skont il-www.etimo.it il-kelma oriġinat minn Biġjaja, belt fl-Afrika ta’ Fuq, fejn tradizzjonalment hemm jipproduċu kwantità kbira ta’ xema’. Tal. bugia; Fr. bougie.

FAJJENZA F’Malta dan l-appellattiv jirriferi għal kull tip ta’ oġġetti taċ-ċeramika fina, bħal pożaplatti, vażuni, u statwetti tal-istess materjal, li bihom wieħed jiddekora d-dar. Biss, proprjament, dan in-nom jirriferi għal tip ta’ ċeramika gglejżjata bil-materjal tal-landa, bħal ma kienu jinħadmu fi żmien ir-Rinaxximent f’Faenza, belt fl-Emilja Romanja, fl-Italja.

FARXA Tavla mqiegħda qisha xkaffa li norm. titqiegħed fl-għoli wara l-bieb ta’ barra. Il-farxa kienet isservi bħala l-post ideali fejn jitqiegħdu xi oġġetti tad-dar, pereżempju, oġġetti tal-ikel kkonservati u affarijiet oħra, biex dawn ikunu merfugħa fejn ma jintlaħqux faċilment. Qawl: La jiġi l-Milied warrab l-ixkubetta fuq il-farxa tal-bieb. Juan Mamo jsemmi l-farxa f’kuntest ieħor, meta f’waħda mill-istejjer qosra tiegħu jsemmi il-FARXA ĦĠIEĠ meta jirriferi għall-vetrina tal-pożaplatti. Ara: Juann Mamo, Ġrajja Maltija, p. 74.
FRISKATUR / FLISKATUR Reċipjent żgħir maħdum fit-tond, taċ-ċeramika jew ta’ materjal ieħor li wieħed juża biex jaħsel wiċċu u jdejh fih. Sa qabel ma daħlu l-kmamar tal-banju bl-attrezzi kollha, dan kien oġġett neċessarju li kont issibu l-aktar fil-kamra tas-sodda, speċjalment meta jkun hemm xi ħadd marid għal tul taż-żmien biex jinħasel kif jista’. Imbagħad kien hemm min iqiegħed il-fliskatur ħdejn is-sodda tal-marid biex meta jinvistah it-tabib dan ikun jista’ jaħsel idejh fih. Sqal. ‘[…] rifriscaturi, vaso dove si tenga acqua o altro per rinfriscare […]’ – skont din it-tifsira bit-Taljan ninnutaw li oriġinarjament il-‘friskatur’ kien il-buqar u mhux ir-reċipjent baxx u wiesa.’

GASTRA 1. Qasrija ġejja fit-tond u mbuzzata ’il barra. 2. Il-kolonna, normalment tal-ġebel jew tal-injam, li fuqha titqiegħed il-qasrija. Sa ftit żmien wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fid-djar Maltin kont tara gastri magħmulin minn skrataċ kbar u vojta tar-ram, li kienu jintużaw mill-militar biex jisparaw il-balal minnhom mill-kanuni. Ħafna kienu jiddubbawhom jew jixtruhom mingħand xi regettier biex iżejnu bihom fl-intrata. Minħabba li kienu tar-ram, kien ikollhom bżonn ta’ tindifa bil-ġambul (John Bull) minn żmien għall-ieħor biex iżommu dehra nadifa u tleqq. Tal. vaso da fiori. Etim. Lat. gastro, Malti: stonku.

GRADENZA Għamara bil-kxaxen li fihom kienu jintrefgħu l-ilbiesi u affarijiet oħrajn. Mas-seklu tmintax din il-gradenza bdiet tagħmel parti mill-għamara permanenti tad-dar, l-aktar fil-kamra tas-sodda. Ix-xogħol fuq l-għamara kien ikun maħdum fl-injam tal-ġellewża jew tal-kawba. Bħala tiżjin, il-gradenza tista’ tkun interzjata bl-injam tas-siġra taż-żebbuġ. Biż-żmien, ix-xogħol tal-injam tal-gradenza beda jkun aktar elaborat u dekorattiv u xi drabi, il-wiċċ tal-gradenza beda jinkesa anki bl-irħam. Etim. Tal. credenza, dispensa, armadio nella forma attuale dal XVI secolo. Sors etim. J.A. Ara: Maltese Furniture – il-Gradenza, ta’ Paul Mizzi, ‘Heritage’ p. 1580.

GĦAŻŻIELA Għaġina ċatta u ddisinjata b’mod elaborat, b’forma maqtugħa qisha maħduma bl-arkett. L-għaġina kienet tkun imħallta b’diversi ħwawar. Fis-seklu sbatax din kienet tissajjar biex tingħata lill-foqra. L-għażżiela kienu jdendluha qrib il-bieb tad-dar għax kienu jemmnu li din kellha l-kapaċità li tipproteġi kontra s-sajjetti.

ĦASIRA Tip ta’ purtiera magħmula mill-qasab li tiddendel quddiem il-bieb ta’ barra jew ta’ bitħa biex tipproteġi l-bieb u l-kamra ta’ ġewwa mix-xemx, u fl-istess ħin tħalli anki xi daqsxejn ta’ żiffa għaddejja. Dari, il-ħsajjar kienu jinbiegħu minn bejjiegħa tat-toroq, normalment nies mill-Afrika ta’ Fuq.

KANNAPÈ / KANAPÈ Oriġ. sufan magħmul mill-injam u li fuqu kienu jitqiegħdu biss xi mħaded ikkuluriti biex isebbħu u jagħmluh aktar komdu.

KANNIZZ Frejm tal-qasab jew injam, forma ta’ qanpiena li fiha t-tfal li għadhom ma bdewx jimxu jitqiegħdu fih biex iserħu bilwieqfa miegħu.

KANTIMPLORA Reċipjent imżaqqaq tal-żġieġ, b’għonq twil, li fil-ġenb tiegħu jitqiegħed is-silġ biex iżomm il-likwidu ta’ ġo fih frisk. Kelma Taljana li llum tirriferi għal flixkun tal-metal eċċ., ta’ forma ċilindrika, li fih jinġarr ix-xorb biex iżomm kiesaħ jew sħun. (bit-Tal. cantina, Ing. flask) E.S.I. Ara: FLASK.
KUNJETT Flixkun tal-ħġieġ jew vażett żgħir li jinħakem minn id waħda li jintuża biex fih tinżamm fwieħa, mediċina jew xi essenza oħra. Sqal. cugnettu – piccolo barile dove si mettono iI pesci salati. Sors etim: J.A.
KUNTELL Ktejjeb li fih jinżammu r-riċevuti tal-kera u l-ħlas tal-qbiela. X’aktarx il-kelma ġejja minn ‘kont’, għaldaqstant, il-ktieb fejn jinżammu l-kontijiet.
KURTINAĠĠ Purtieri li jiddendlu madwar is-sodda. Speċi ta’ tinda jew ċelu li jkopri s-sodda minn fuq u minn madwarha kemm bħala tiżjin kif ukoll biex tostor il-persuna li tkun qed tistrieħ.
LAVAMAN Fliskatur li jserraħ fuq trepied, ħafna drabi tal-ħadid. Min-naħa ta’ fuq ikollu ċirku fuqiex jistrieħ. Kultant il-lavaman kien jitqiegħed ingastat f’ċerti tipi ta’ għamara bħal gradenza, eċċ. Fl-antik il-lavaman kont issibu l-aktar fil-kamra tas-sodda biex dak li jkun jaħsel wiċċu u taħt abtu.

LFUFA Xkupa żgħira li tinqabad b’id waħda u li tintuża l-aktar biex jitfarfru rkejjen li diffiċli tilħaqhom bi xkupa, bħal meta dawn ikunu fl-għoli.
LUFA L-isem ta’ pjanta tropikali u l-frotta li tikber mill-istess siġra. Fit-tul u l-għamla tagħha il-frotta tixbah lill-ħjara. Is. xj. Luffa aegiptica / L. acutangula. Mill-ġewwieni ta’ din il-frotta issir sponża li tintuża biex tnaddaf il-qoxra tal-ġilda li tkun xotta u qed titqaxxar. Il-lufa ġieli jqabbdulha manku magħha jew jorbtuha mit-truf bi spaga biex wieħed ikun jista’ jaħsel dahru. Hawn min jgħidilha ‘lfufa’. Oriġ. Għ. luffa. Ing. luffa jew loofah.


LUSTRIN Kandelabru li jeħel mal-ħajt u li fih titqiegħed ix-xemgħa biex iddawwal il-kamra. Il-lustrin ikollu bħal mera mwaħħla miegħu biex id-dawl tax-xemgħa jirrifletti fuqha u b’hekk id-dawl jitqawwa. Sors: G.B.F. (1845) u Kalepin (1941).
MASTELLA TAL-ĦASIL Bħal banju tal-injam magħmul fit-tond li jintuża biex jinħasel fih minn kollox, trabi, annimali domestiċi, frott u ħxejjex. Dan ir-reċipjent jista’ wkoll ikun magħmul miż-żingu. Tal. mastella.
MNARA Kontenitur tal-fuħħar, jew inkella speċi ta’ kandelabru li fih jitpoġġa musbieħ taż-żejt biex ikun protett mir-riħ. Ġieli l-imnari jkollhom imsiebaħ tat-tafal iffurmati u ħerġin b’mod integrali mal-kandelabru.

MSELĦA Xkupa tal-ġummar. Qawl: Imselħa ġdida tagħmel il-ħoss. Sors: V.B. 1900.
MUSBIEĦ Lampa tal-fuħħar li tixgħel biż-żejt. Iż-żejt jitferra’ mit-toqba tan-nofs waqt li l-ftila tkun imdeffsa ġol-lampa minn toqba / kanal żgħir fil-ġenb. Instabu ħafna msiebaħ f’Malta u ħafna minn dawn huma ta’ żmien Puniku-Ruman. Sal-bidu tas-seklu għoxrin in-nies tal-irħula kienu wkoll jirreferu għal lampa tal-pitrolju bħala musbieħ.

MUSKETTIERA Xibka magħmula b’toqob irqaq ħafna u fini li titqiegħed mat-tieqa, l-aktar fis-sajf, biex ma jidħolx in-nemus ġewwa. Tal. moschettiera.
NIEQA Sodda żgħira għat-tarbija. Sqal. naca, piccolo letticiuolo.
OTTOMAN Għamara li kont issibha fid-djar tas-sinjuri. Din għandha forma ta’ banketta jew divan, biss mingħajr dahar.

PUNKA Tip ta’ rewwieħa magħmula minn liżar imdendel mis-saqaf li kienet tiċċaqlaq billi xi ħadd jiġbed l-ispaga marbuta u mdendla magħha. Maċ-ċaqliq tagħha l-arja fil-kamra titħarrek u tiffriska l-ambjent. Dan il-makkinarju primittiv u sempliċi kien jintuża fl-Indja, u għaldaqstant x’aktarx iddaħħal f’Malta mill-Ingliżi li xi darba kienu stazzjonati f’dak il-pajjiż. Indjan: Pankha – M. rewwieħa.

PALJAZZA Biċċa drapp jew ċarruta li tintuża biex taħsel u tnaddaf eż., il-mejda jew għamara oħra kif ukoll biex timsaħ u tixxotta biha. Etim. paliacca – Sq. pagghiazza – jiġifieri, xi darba din il-kelma kienet tirreferi għal xi oġġett li jnaddaf li biss kien magħmul mit-tiben.
QANNATA Reċipjent tal-fuħħar, b’għonq wiesa’ u bil-widna. Jintuża ġeneralment biex iżomm l-ilma ħalli wieħed ikun jista’ jferra minnu. Sqal. cannata.
RAFF Sura ta’ xkaffa kbira, jew kamra tal-injam magħmula fl-għoli fejn jintrefgħu xi affarijiet. Dan jintuża l-aktar biex jintrefgħu oġġetti fuqu li mhux bżonjużi. Norm., biex titla’ fuq ir-raff żwieħed juża skalapiża jew sellum. Etim. Għarbija u l-isem hu preċiżament l-istess.

REDIFFUSION Fis-sena 1935, il-Gvern Ingliż qabbad lill-kumpanija Rediffusion tiftaħ l-istazzjon tagħha f’Malta. L-għan prinċipali kien li l-poplu Malti jibda jirċievi aħbarijiet u informazzjoni dwar x’kien qiegħed jiġri fid-dinja, minn sors ewlieni f’Londra. Ir-Rediffusion kien jittrażmetti bil-kejbel u kellu żewġ stazzjonijiet biss, stazzjon A (bl-Ingliż) u dak B (bil-Malti). Wara l-Gwerra, il-popolarità tar-Rediffusion kibret ferm, tant li sas-snin sittin, tista’ tgħid li kull familja u stabbiliment kellhom sett tar-Rediffusion li għalih kont tħallas nofs lira fix-xahar. Ġara iżda li fis-sittinijiet bil-mod il-mod beda dieħel is-sett tat-television fid-dar tan-nies u r-Redifussion beda jitlef il-popolarità tiegħu. Fl-1975, ir-Rediffusion kien għadda f’idejn il-Gvern Malti u beda jissejjaħ Cable Radio. Dan is-servizz tneħħa mid-djar kollha fis-sena 1989. Ara: Oh Żmien Ħelu – Il-Palk ir-Radju u Jien, Josephine Mahoney, pp. 12 – 26; 209-211; 266.
RIMIŻOLJI Raċanċ jew irmixk. Kull tip ta’ oġġetti qodma li ma għadhomx jintużaw jew li l-użu tagħhom ikun minimu. Hawn min jerfa’ ħafna rimiżolji li jkun ġabar jew iddobba matul iż-żmien, u li ma jkunx irid jarmihom għax dawn iservu bħala tifkiriet. Ħafna oġġetti żgħar ta’ ftit importanza.Tal. rimasuglio. Ing. trinkets, trifles.
SENDUQ Dan hu x’aktarx l-eqdem tip ta’ għamara fid-djar Maltin. Tradizzjonalment, is-senduq hu magħmul f’forma ta’ kaxxa tawwalija sempliċi li tingħalaq minn fuq. Is-senduq hu pjuttost nieqes minn xi x-xogħol dekorattiv. Dan kien jintuża biex jinżammu fiħ ħwejjeġ u oġġetti ta’ preġju, bħal ħwejjeġ tat-tieġ, dehbijiet mogħtija b’dota lill-għarusa u oġġetti prezzjużi oħra. L-użu tas-senduq spiċċa bil-mod il-mod fis-seklu għoxrin, hekk kif bdiet tinħadem għamara oħra aktar komda. Qawl: Aħjar ħabib fis-suq milli mitt skud fis-senduq. Idj. Ta’ fuqek senduqek. SNEJDAQ Senduq żgħir.

SODDIEDA Oġġett li jsodd il-fliexken. Tapp tas-sufra tal-flixkun tal-inbid jew ta’ fliexken oħra li jagħlqu u jissiġillaw tajjeb l-oġġett mill-għonq tiegħu. Qawl: Kull soddieda ssib il-flixkun tagħha. Sors: Il-Qawl Iqul, p. 144.
SGABELL Banketta (F. Vella. 1831). Tal. sgabello – banketta jew bank.
SKAMBELLA / SGAMBELLA Armarju bl-ixkafef.
SKRITT Kelma antika flok pitazz. Kelma oħra għal manuskritt. Sors: V.B. (1900).
SKRITTOJ / SKRITTORJU Mejda magħmula għall-kitba, qari u xogħol ieħor tal-uffiċċju. Speċi ta’ skrivanija.
SLOPP Barmil. Din il-kelma tintuża l-aktar fil-bliet tan-naħa tal-port u f’Għawdex. Ġejja mill-Ingliż, a slop pail, jiġ., tiċlisa ilma li tinxteħet biex tinħasel il-gverta tal-bastiment. Bħalha hemm il-kelma SATAL.
SPANJULETTA Tip ta’ firroll li norm. jintuża f’bieba żgħira. Dan jintuża biex jagħlaq b’mod aktar sod it-tieqa billi l-ispanjulettat tkun fuq in-naħa ta’ ġewwa.
SPUTATUR Kontenitur, qisu awrinar tal-fuħħar jew tal-metall li fl-antik kien jintuża biex min ikollu bżonn jobżoq juża lilu. Dan għadu jintuża fl-enoteki, fejn isiru d-demostrazzjonijiet u l-provi tal-palat tal-inbejjed. Tal. spitatoio. Ing. spittoon.

STANGA Ħadida norm. twila, ħoxna, dritta u bit-tarf mgħawweġ ganċ, li titqiegħed bħala sostenn bejn il-bieb ta’ barra u wieħed mill-ħitan tal-ġenb wara l-bieb. Il-ganċ fit-tarf tal-istanga jitqiegħed f’ħolqa mal-bieb biex dan jirreżisti minn xi sgass.

STUFA L-oġġett li jinxtegħel biex isaħħan il-kamra. Kienet magħrufa hekk ukoll il-kamra li tkun imsaħħna sew bl-istufa fejn jitqiegħed it-tabakk biex jinxef qabel ma jinħadem f’sigarri jew sigaretti. Sors: G. Lanfranco, 2017. Etim. Ing. stove.
TALJAKARTI Sikkina jew xafra li norm. tkun fuq l-iskrivanija li tintuża meta wieħed ikollu bżonn iqatta’ xi karta f’biċċiet. Tal. taglia + carta.
TARXA Xkupa żgħira. Tfarfira ħafifa bil-pinzell biex tnaddaf. (Damma ċ. 1767) ‘[…] Scopatura, scopata. Voce di contadini usata e di raro […]’. (M.A.V. 1796) jgħidilha piccola spazzatura .
TOLBOJ Għamara fejn jitpoġġew il-ħwejjeġ fiha, tip ta’ gwardarobba żgħira b’ħafna kxaxen fuq xuxlin. Ing. tallboy.
TORK TAT-TARAĠ It-‘Tork tat-Taraġ’ kienet statwa għolja bejn l-40 u s-60 ċm, li tixbah fil-fatt raġel iswed bit-turban. Antikament, dawn l-istatwi kienu popolari bħala tiżjien fid-djar Maltin u kienu jitqiegħdu l-aktar f’xi indana tat-taraġ.
TUSTIERA / TESTIERA Il-parti wieqfa tas-sodda wara r-ras li tista’ tkun maħduma mill-vireg tal-metall jew twavel tal-injam. It-tustieri tal-injam kienu jkunu ħafna drabi mpittra b’xi xbieha jew disinn b’tema reliġjuża.

VIRGA TAT-TARAĠ Bastun irqiq tal-metall, eż., ram, jew bronż li jintuża norm. fit-taraġ biex iżomm it-tapit (twil) milli jiċċaqlaq.

WIDDIEN Kelma antika għal żveljarin.
XARBITELLA /I Nom li jintuża l-aktar fil-plural biex jiddiskrivi għamara tad-dar li ma tiswa xejn. Għodda li ma tiswa xejn. Imbarazz jew ċekċik żejjed. M.A.V. (1796) jgħid li din il-kelma tirriferi għal kull tip ta’ għodda li tintuża kemm fid-dar kif ukoll fis-snajja’. Charles Clews jirrakkonta, ‘[…] Sibniha lill-ommi f’sala ma’ bosta oħrajn, bil-ftit xarbitelli li kienet laħqet għabbiet mid-dar fuq trakk militari […]’. Sors: Meta Faqqgħet il-Gwerra, ta’ Laurence Mizzi, p. 80. Etim. Kalabriż scirpiteddi. Sors: E.S.I. V. Busuttil (1900), jirriferi għal din il-kelma fil-plural bħala kitchen utensils.
XATRAMBATRA Qara twila mnixxfa u mħaffra minn ġewwa biex issir bħal tubu li antikament kienet tintuża biex ma tħallix l-intina tal-bass jinfirex fis-sodda. Dan l-oġġett ġieli kien magħmul minn xi materjal ieħor. M.A.V. (1796) jgħid li dan l-oġġett kien aktarx jintuża mill-miżżewġin ġodda. Sqal. sciatara e matara – espr. li tindika stmerrija. A. Preca (1880), jgħid illi bil-Lhudi xatar tfisser ‘tkeċċi’ u batar hu l-‘warrani’. Sors etim. E.S.I. u J.A

XKAVINA Kutra ħoxna li tintuża biex wieħed jitgħatta biha. Faldrappa li titlibbes lill-bgħula jew lill-ħmir. Tal. scavina. Sors: E.S.I.
Martin Morana©
13.08.2026
Biblijografija
Agius Sultana Gianfrangesku, DAMMA Tal Kliem Kartaginis mscerred fel Fom tal Maltin u Ghauci (xogħol miġbur circa 1757 – 1769). Ippublikat 2016. Ed. Rosabel Carabott, L-Akkademja tal-Malti et al.
Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta’ Joseph Aquilina, (1987 & 1990).
Busuttil Vincenzo, Dizzjunarju Malti-Ingliż, (1900).
Falzon Giovanni Battista, Dizionario Maltese, Italiano, Inglese. (1845).
Manduca J.S. & Mifsud Ġorġ, Il-Qawl Iqul. PEG. (1989).
Mortillaro Vincenzo, Nuovo Dizionario Siciliano – Italiano. 1853.
Serracino Inglott Erin, Il–Miklem Malti, Volumi 1-10, (1989).
Vassalli Mikiel Anton, Lexicon ta’ Ktyb Yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., (1796).
Vella Francis, Maltese Grammar for the Use of the English ta’ Francis Vella. (1831).
Vella Francis, Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese. (1843).
