KLIEM MISSELLEF MILL-INGLIŻ
u li l-Maltin għamluh tagħhom
Introduzzjoni
Fid-Dizionario – Maltese, Italiano, Inglese ta’ Giovann Battista Falzon, ippubblikat fl-1845, insibu li minn ftit eluf ta’ kliem li fih imfissra mill-Malti għat-Taljan u l-Ingliż, hemm inklużi żewġ kelmiet li oriġinaw mill-Ingliż. Dawn huma l-verb ‘ibblakkja’ (minn, to blacken – fis-sens to polish the shoes black) u l-aġġettiv smaċtu / żmaċtu (minn smitch). Dan tal-aħħar kien aġġettiv jew laqam dispreġġattiv għal dawk li xogħolhom kien li jnaddfu l-kampijiet tas-suldati. Mela, minkejja li l-Ingliżi kienu ilhom magħna għal daqs 45 sena, dan id-dizzjunarju jinkludi biss żewġ kelmiet meħuda mill-Ingliż u t-tnejn għandhom x’jaqsmu mal-ħajja militari.
Imbagħad, fid-Dizjunarju mill Malti għall Inglis, ta’ Vincenzo Busuttil, ippubblikat fl-1900, minn madwar 30,000 kelma mfissra, insibu daqs għoxrin kelma biss meħuda mill-Ingliż. Dan ifisser li fis-seklu dsatax, l-Ingliż kien dieħel fil-lingwaġġ Malti b’pass kajman ħafna. Mhux hekk matul is-seklu għoxrin meta, aktar ma bdew għaddejjin is-snin, kliem u anki frażijiet sħaħ bdew deħlin fil-lingwaġġ Malti, b’rittmu mgħaġġel, l-aktar fl-inħawi tal-Port il-Kbir, fejn il-Maltin kienu jaħdmu u jikkomunikaw ta’ kuljum man-nies tas-servizzi Ingliżi. Juann Mamo, awtur li l-Malti kien jaf jużah sew, f’artiklu minnhom li ppubblika f’Dr. Xecchec tal-25 ta’ Frar, 1933, juża l-kelma ‘orajt’ (alright), li llum għadha tintuża b’mod regolari. (Sors: Mark Vella, 2010, paġna 51.)
Imbagħad il-bibien infetħu beraħ mit-tieni nofs tal-istess seklu ’l quddiem meta l-Ingliż beda dieħel b’ruħu u b’ġismu fil-lingwaġġ Malti hekk kif ħafna beda jkollhom edukazzjoni skolastika aħjar. Anki fil-kitba, kliem bħal football nippronunzjawh l-istess, biss niktbu futbol, waqt li computer nippronunzawha u niktbuha l-istess. Dawk ta’ inqas edukazzjoni skolastika kienu bdew jgħawġu l-kliem Ingliż kif jafu huma, b’mod li kultant ma jintgħarafx. Eżempju ta’ dawn il-kliem insibu, ‘ċikapsobers’ minn shock absorbers, jew, ‘spakxin’ minn inspection chamber / box. Dan il-fenominu ta’ self lingwistiku ma jeżistix f’Malta biss, iżda dieħel f’bosta pajjiżi oħra wkoll. Segwu daqsxejn il-kummentaturi tal-futbol Taljan fuq it-televiżjoni u taraw kemm dieħel Ingliż fit-Taljan.
F’dan l-artiklu qiegħed nippreżenta lista ta’ kliem li ġej mill-Ingliż li l-Maltin isselfu u għamluhom tagħhom matul l-180 sena ta’ presenza Ingliża fostna. Ħafna mill-kliem li għażilt jista’ jitqies arkajku għax llum ftit li xejn jintuża, u jekk nisimgħuh, dan għax jingħad biss minn nies ta’ ċerta età. Wieħed jista’ jinnota li bosta mill-kliem imniżżel hawn jirrelata ħafna drabi mas-servizzi militari u navali Ingliżi. Intant, ċertu kliem jagħti ħjiel tal-ħajja soċjali tal-Maltin ta’ żminijiet oħra.
Naturalment, hawn mhux qed ninkludi dawk ir-ruxxmata nomi, aġġettivi jew verbi Ingliżi li llum jagħmlu parti mill-vokabularju tagħna. Verbi bħal, ‘itittowstja’ (to toast) flok tixwi, ‘tikklerja’ (to clear) flok tisbarazza, jew tibbrejkja, (to break) ma nkludejthomx għax inkella ma nispiċċa qatt. Ħallejt barra wkoll dawk in-nomi li ġej minn ismijiet tal-prodotti – brand names – li nużaw qishom xi kliem komuni, bħal pereżempju, ‘flitt’, ‘ġanbull’, u ‘pajpli’ fost orħajn. Ġemgħa ta’ kliem bħal dawn kont ippubblikajthom f’artiklu ieħor li jismu ‘Kliem tad-Ditta’. (Jekk trid taqra dwarhom ikklikkja hawn).
—–
Lista’ ta’ Kliem Malti li ġej mill-Ingliż

AJRIX (Irish) 1. Appellattiv għal xi ħadd li ma jimpurtah minn xejn. Xi ħadd ta’ min jibża’ minnu, għax ma tridx wisq biex dan jaqla’ l-inkwiet jew anki xi ġlieda. Mid-dehra l-Irlandiżi fis-servizzi li kienu jieqfu Malta, fosthom l-Irish Fusiliers, kienu magħrufa bħala nies imqarbin u fuq ruħhom sew. 2. Il-laqam tat-tim tal-futbol Furjaniż, wieħed mill-eqdem timijiet tal-futbol f’Malta. Dan it-tim kienu jgħulu ‘Tal-Ajrix’. Imlaqqam hekk għaliex il-flokk tal-futbol hu rrigat aħdar u abjad bħal dak tat-tim Nazzjonali tal-Irlanda. Jingħad li fl-1905, it-team tal-Furjana, li sa dak iż-żmien kien lagħab tliet logħbiet mat-tim tar-Royal Dublin Fusiliers, stazzjonat f’Lintorn Barracks, il-Furjana, kien wiret u addotta dan il-gear meta r-riġment kien ħalla Malta u telaq lejn l-Indja.
BAJLA (boiler) 1. Kontenitur kbir tal-metall li jintuża biex jitgħalla l-ilma fih. 2. Mixer li fih jitħallat is-siment mal-ilma u materjal ieħor biex isir tajn għat-tkaħħil. Hemm diversi tipi ta’ bajliet, kemm żgħar, kif ukoll dawk ġganteski li jkunu parti integrali minn-vettura li fuqha jkun qed jinġarr u jitħallat il-materjal.

BAMBOTT (bumboat) Dgħajsa li bil-Malti hi magħrufa wkoll bħala ‘tal-GADRAJ’. Fuqha kien jinġarr u jinbiegħ xi proviżjon lill-baħrin ta’ abbord. Isem meħud mill-Olandiż bohmboot li kienet dgħajsa jew tip ta’ kenura, magħmula minn zokk wieħed ta’ siġra.
BIFSTEKK (beef steak) Kelma li tinsab fid-dizzjunarju ta’ V. Busuttil (1900), imfissra bl-Ing. bħala beef steak. Erin Serracino Inglott jiktibha fil-Miklem Malti bħala BIFSTIKK. Waħda mill-eqdem kliem meħuda alla lettera mill-Ingliż. Wieħed jassumi li din il-kelma l-Maltin tgħallmuha mit-tisjir li kienu jsajru lill-baħrin tan-Navy u dawk tar-reġimenti Ingliżi.
BLAMANĠ (blancmange) Proprjament din hi kelma Franċiża biss din it-tip ta’ deżerta’ daħlet f’Malta u kienet popolari fi żmien l-Ingliżi. Din hi speċi ta’ krema ħelwa u ħafifa li bosta drabi tingħata forma f’kontenitur semisferiku. Tixbah fl-ingredjenti tagħha lill-custard, taħlita ta’ ħalib, krema, zokkor, ġelatin, u dqiq tar-ross jew cornflower. Wara li dawn l-ingredjenti jkunu mħallta, il-blamanġ tiddaħħal fil-friġġ biex tiksaħ u tissoda sew qabel ma tisserva.

BOJ (boy) Mod kif ta’ spiss, l-adulti kienu jsejħu lit-tfal li ma jafhuhomx. Kont tisma’, pereżempju, lil min jgħid, ‘Aw boj, x’jismek?’ jew, ‘Aw boj, taf tgħidli fejn hi l-għassa?’ Imbagħad meta xi tifel ikun xagħru ħamra kienu jgħidulu, ‘ġinġer’.

BOLREJS (ball bearing race) Kienu jgħidulha rota tal-bolrejs. Din hi dik ir-rota tal-ħadid li bħalha kien jintużaw erba’ jew ħamsa biex jinħadem ‘karettuni’ ċatt, biex it-tfal jirkbu fuqu. Il-karettuni kienu jkun magħmula minn tavla jew twavel żgħar, kemm jifilħu tifel bilqiegħda fuqu. Il-ball races kienu jkunu meħuda minn spare parts ta’ xi gear tal-karozza jew parti minn xi magna li tkun iżżarmat. B’hekk it-tfal kien ikollhom mezz ta’ divertiment billi jsuqu l-karettun misjuq fuq dawn ir-roti. Ma xbinx kemm kienu jagħmlu storbju dawn ir-roti huma u jitħaxxknu mal-asfalt. Ara aktar: KARETTUN TAL-BOLREJS.
BUMBAJĦETT (Bombay Hat) Dan kien tip ta’ elmu li f’Malta konna nassoċjawh l-aktar mal-militar Ingliż tal-era Vittorjana. Hemm simijiet oħra marbuta ma’ dan it-tip ta’ kappell militari: Bombay Bowler, jew Pith Hat. F’Malta, illum, il-membri tal-Forzi Armati u l-Pulizija jilbsu dan it-tip ta’ elmu bħala parti mill-uniformi tagħhom f’okkażjonijiet ċerimonjali. Illum, l-isem uffiċjali ta’ dan it-tip ta’ kappell hu Wolseley Hat, imsemmi għal Field Marshal Sir Garnet Wolseley (1833-1933).


ĊISK IĊ- (cheques) Dan l-isem hu marbut mal-brand name ta’ birra li hi prodotta f’Malta. Biss, oriġinarjament, ‘iċ-Ċisk’ kien il-laqam li ngħata lil Emmanuele Scicluna, imprenditur sinjurun li għex fis-seklu dsatax. Jingħad li l-laqam ġej minħabba li kien dan l-imprenditur li daħħal fl-ambitù tan-negozju Malti l-użu taċ-ċekkijiet, li l-Maltin bdew isejħu ‘ċisk’ flokk cheques – każ ta’ metateżi, bħal meta wieħed jgħid, artal flok altar, jew Neriku flok Enriku. Scicluna u ħuh Giovanni Battista kienu membri fundaturi taċ-Chamber of Commerce fl-1848. Emmanuele Scicluna kien ukoll filantropu li kkontribwixxa bosta għajnuniet finanzjarji lill-għaqdiet tal-karità. Il-Markiż Scicluna miet fl-1886. Kont spiss tisma’ lil min jgħid, ‘Mela lili ħsibtni ċ-Ċisk?’ Dan il-kumment kien jingħad meta xi ħadd jitlob jew jippretendi xi flus mingħand xi ħaddieħor u dan kien igerger billi jgħid din l-espressjoni.

DI U DO, ID– (Dee u Don) Idjoma: ‘Dawk it-tnejn dejjem flimkien, qishom id-di u d-do!’ Din il-frażi tirriferi għal tnejn min-nies li bħala ħbieb intimi jagħmluha ta’ spiss flimkien fis-soċjetà. Storikament, din l-idjoma nħolqot minn analoġija ispirata mill-fatt li għal bosta żmien lejn l-aħħar tas-seklu dsatax – bidu tas-seklu għoxrin, fil-port ta’Marsamxett kien hemm żewġ vapuretti tan-Navy Ingliża sorġuti ħdejn xulxin għal żmien twil. Dawn kienu żewġ gunboats, waħda jisimha HMS Dee u l-oħra, HMS Don. Imsemmijin hekk għal żewġ xmajjar fl-Iskozja li jġibu l-istess isem, Dee u Don. Mid-dehra dawn rari kienu jiċċaqalqu minn posthom.
FAJJAR (to fire) Kelma li nużaw mhux ħażin, bħal meta ngħidu, , beda jfajjar b’idejh ’l hinn u ’l hawn, jew beda jfajjar ir-risposti bl-addoċċ. L-oriġini tal-kelma kif ittieħdet mill-Ingliż żgur li għandha x’taqsam mal-militar, bħal pereżempju, to fire a gun, eċċ.
FERINAFF / FORINAFF (fore-n-aft) Tip ta’ beritta li ’l quddiem tagħha jixbah dak ta’ wara. Din tista’ tkun beritta li kienet tintlibes min-nies kwalunkwe inkella tista tkun tip ta’ berritta oħra li tintlibes mill-militar. Il-ferinaff tissemma fir-rumanz-faxxikli ta’ Juann Mamo, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31) fejn l-awtur jgħid hekk: ‘[…] Fil-kexxun kont insejt qagħqa tal-għasel; neħħuha għax tarraqli l-ferinaff u t-terħa […]’. Sors: Sensiela ta’ Kotba Soċjalisti (1993), paġna, 102.
GALì 1. (galley) Terminu bl-Ingliż li jirreferi għall-kċina ta’ fuq abbord. Terminu li kienu jafuh sew il-Maltin li kienu jitħalltu mal-baħrin tan-Navy. 2. (gully) Gandott minn fejn jgħaddi l-ilma jew id-drenaġġ.

GALLUN (gallon) 1. Miżura ta’ ħames litri (preċisament: 5 litri . u 79 ta’ pinta). Din il-miżura kienet introdotta f’Malta mill-Ingliżi biex jitkejlu ċerti likwidi, bħal ilma, ħalib, pitrolju, eċċ. Il-gallun baqa’ miżura ta’ kejl f’Malta sas-snin sebgħin tas-seklu għoxrin. Sa dak iż-żmien, il-kontenitur biex tixtri l-pitrolju fih, kien landa li kienet tesa’ gallun bl-eżatt. 2. (galloon) Penz/ijiet forma ta’ strippi żgħar meħjutin fuq l-uniformi tal-uffiċjali tal-militar jew lazz imdendel mas-sider tal-uniformi li jindika r-rank tal-uffiċjal.
GAXIN (gash) Il-gaxin kien dak l-ikel żejjed li ma kienx ikun ikkunsmat – tilqit – li kien jifdal fil-kċina tas-Servizzi Ingliżi.Fi żmien l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, meta f’Malta kien għad hawn ħafna faqar, il-gaxin kien jinbiegħ lill-kumpaniji jew individwi b’tender, jew inkella direttament lill-ħaddiema tal-Port. Iċ-Chambers Dictionary jispjega l-kelma bl-Ingliż hekk: (gash: nautical slang), spare, extra. Il-kelma ġejja, oriġinarjament mill-Franċiż gashi, li tirriferi għal kull tip ta’ ambjent li hu miżmum fi stat ħażin u mħarbat.
GIGG / GIKK (gig) Tip ta’ dgħajsa qisha frejgatina, biss, ta’ daqs iżgħar, li tintuża l-aktar mid-dilettanti tas-sajd fl-ambjent tal-portijiet u l-bajjiet, jew f’baħar, mhux wisq ’il bogħod mill-kosta. Bħall-frejgatina, din tintuża l-aktar minn dawk li jħobbu jrejxu.

GIŻWAJER (wire gauze) Dan hu tip ta’ wire irqiq maħdum bħal xibka, li jintuża biex jiddawwar u jagħlaq l-ispazju ta’ mkejjen, bħal pereżempju xi gallinar, jew xi spazju żgħir fir-razzett fejn jinżammu l-fniek, eċċ. Illum, bl-Ingliż dan il-materjal, normalment hu magħruf ukoll bħala chicken wire.
GROKK (grog) Illum nifhmu b’din il-kelma, miżura ta’ daqs ta’ ħxuna ta’ saba’ ta’ kull xorb alkoħoliku. Biss, oriġinarjament, Il-grog kienet xarba speċifika li bdiet tingħata lill-baħrin tan-Navy Ingliża mill-1740 ’l quddiem. Din kienet tikkonsisti minn taħlita ta’ birra jew rum miżjuda bl-ilma.
IMPRESSED Terminu li kien jintuża mill-Maltin bħala riferenza għal dawk ix-xufiera awżiljarji fis-servizz pubbliku mal-gvern. Ix-xufiera kienu self-employed u kienu jużaw il-vettura tagħhom, u allura ma kellhomx impieg fiss mal-gvern iżda kienu jitqabbdu biss skont kif ikun hemm bżonn. Xogħol ix-xufiera, normalment, kien dak li jwasslu il-personnel tad-dipartimenti tal-gvern minn post għall-ieħor kif meħtieġ waqt il-qadi ta’ dmirhom. Il-vettura privata wkoll kienet tissejjaħ ‘impressed’. Il-vetturi setgħu jkunu wkoll ikbar, bħal pereżempju trakkijiet li kienu jintużaw biex iġorru oġġetti goffi u tqal, kemm jekk għamara kif ukoll ġebel mill-barrieri. Bl-Ingliż, it-terminu ‘impressed’ kien ifisser ‘To press or force into public service’. Dan it-tip ta’ impieġ spiċċa fl-2003, meta x-xufiera ġew integrati fis-sistema tas-Servizz Pubbliku fl-iskala 20.
KAJJIKK (kayak) Dgħajsa żgħira u ħafifa li jkollha l-poppa biċ-ċappa wiesgħa. Tintuża l-aktar mid-dilettanti tas-sajd. Tip ta’ luzzu żgħir. Etim. Mit-Tork. kayik u Fr. caique.


KONBIFF (corned beef) Laħam taċ-ċanga msajjar, ikkapuljat, u ppriservat fil-laned tal-preserve. Magħruf ukoll bħala Bully Beef li kien l-isem tal-brand popolari li kont issib għal bejgħ. Jissejjaħ corned beef għaliex dan il-laħam ikun magħġun u mħallat bil-frak tal-melħ. Il-konbiff kien ikkunsmat bil-kbir mis-suldati fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija. Intant, l-isem Bully Beef ġejja mill-Franċiż boeuf bouilli – bil-Malti, laħam taċ-ċanga mgħolli.
LUFA (loofah) L-isem ta’ pjanta tropikali u l-frotta li tikber mill-istess siġra. Fit-tul u l-għamla tagħha l-frotta tixbah lil ħjara. Mill-ġewwieni ta’ din il-frotta tikber bħal speċi ta’ sponża li tintuża biex wieħed jinħasel biha ħalli jkun jista’ jnaddaf il-qoxra tal-ġilda. Il-lufa ġieli jqabbdulha manku magħha jew jorbtuha mit-truf bi spaga biex dak li jkun jaħkimha sew. Hawn min jgħidilha ‘lfufa’. Oriġinarjament, il-kelma Ingliża ġejja mill-Għarbi luffa.

MESS (mess hall) Riferenza għas-sala jew binja fejn jiltaqgħu biex jieklu u jissoċjalizzaw l-uffiċjali tal-militar Ingliż, ta’ ċertu rank biss. F’Malta kien hawn numru mhux ħażin ta’ binjiet li fi żmien l-Ingliżi kienu jservu ta’ mess. Pereżempju, fis-seklu dsatax, kien hemm il-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu li kien iservi għalhekk. Tant hu hekk illi l-abitanti tal-Birgu mdaħħlin fiż-żmien baqgħu isejħu dan il-Palazz bħala l-Mess. Il-Belt Valletta kien hemm il-mess tal-R.A.F. ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq, fejn illum hemm il-binja l-ġdida tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Il-Belt ukoll, kien hemm mess ieħor fi Triq il-Merkanti, ftit ’il fuq mill-Ministeru tas-Saħħa. Minn dan l-isem, Herbert Ganado joħroġ il-verb immessja: ‘[…] Il-kmandant kien ta’ spiss jimmessja mas-suldati […]’. (Rajt Malta Tinbidel – Tieni Ktieb).
MOTOR Antikament dan kien appellativ komuni għal kull tip ta’ vettura. Kont tisma’ lil min iwissi lit-tfal tiegħu li jkunu qed jilgħabu fit-triq: ‘Ara ġejja l-motor!’ jew, ‘tfal, itilgħu fil-motor ħa mmorru l-baħar!’ Juann Mamo jirriferi għall-karozzi tal-linja speċifikament, meta f’Il-Berqa tas-17 ta’ Settembru 1932, hu jikteb hekk: ‘[…] u reġa’ rħielha lejn Ħal Safi bil-mixi, f’xemx taqli l-ankri, għax motors m’hemmx […]’. Sors: Mark Vella, 2010, paġna 35. Dak iż-żmien kien hemm ukoll terminu ieħor għal karozzi: karozza tan-nar. Ara wkoll: NEMNEBUS.
PIKLES (nom: pickles jew verb: to pickle) Riferenza għall-proċess jew għall-istat ta’ konservazzjoni ta’ diversi tipi ta’ ħxejjex ikkonservati fil-ħall biex dawn jirtabu u jieħdu t-togħma, u fl-istess ħin iżommu fi stat tajjeb għal ħafna żmien. Eż., basal tal-pikles, jew diversi tipi ta’ ħxejjex oħra bħal ħjar, pastard eċċ., imqatta’ f’biċċiet, u ppriservat fl-ilma bil-melħ jew fil-ħall.
PONĊ (punch) Xarba li tkun magħmula minn taħlita ta’ bosta xorb u ingredjenti differenti, l-aktar dak imħallat bl-inbid eċċ. Il-ponċ jista’ jinkludi wkoll taħlita ta’ biċċiet tal-larinġ u ħwawar. Fid-dizzjunarju tiegħu, G. B. Falzon (1845) jiddeskrivih hekk: ‘[…] ponchie, bevanda forte composta con rum limone e zucchero […]’. E. Serracino Inglott, fil-Miklem Malti, jagħti l-verżjoni tradizzjonali tal-ingredjenti kif kien jafha hu: misħun bi ftit rum, ġulepp tal-ħarrub, qoxra lumija u zokkor.

PORFUM / PURFUM (perfume) Kull tip ta’ disinfettant, imsejjaħ hekk għax ikollu riħa tfugħ u qawwija, għalkemm mhux dejjem. Normalment, il-purfum jintuża biex jitħallat mal-ilma għal ħasil tal-art jew madum tal-ħajt. Oriġinarjament, din il-kelma l-Ingliżi ħaduha mill-Franċiż parfum.
PRINTES / APPRINTES (apprentice) Riferenza għal xi żagħżugħ li jkun beda jittrenja f’xogħol tekniku. Biss, dan it-terminu jirriferi l-aktar għal xi żagħżugħ ingaġġat bħala apprintes fit-Tarzna. Fi żmien meta biex issib xogħol fiss kont trid tagħmel wegħda, din il-pożizzjoni kienet magħrufa u meqjusa ta’ privileġġ. Għalhekk meta xi ġuvni kien jirnexxilu jidħol printes / apprintes id-Dockyard, in-nies kienet tieqaf teħodlu b’idu biex tifraħlu.

PUFTA (pooftah) Din il-kelma tirriferi l-aktar għal omosesswali effeminati. Dan minħabba li oriġinarjament, fi Franza tas-seklu tmintax il-kelma pouf kienet tirriferi għal stil ta’ lbies jew xagħar li kien iddisinjat b’mod li jidher qisu minfuħ u assoċjat man-nisa sinjuri u nobbli. Dan l-ilbies kien sar popolari meta r-Reġina Marie Antoinette bdiet tidandan b’ilbies ta’ dan l-istil, (madwar l-1780-90). Fr. bouffer: Malti: tonfoħ. Appropożitu; dan ifakkarna fi proverbju li jsemmi Mikiel Anton Vassalli, (1828), li jgħid hekk: Xoqqa li tinseġ maqjuma (jiġifieri li tiswa l-flus) ixidduha n-nies mehjuma (effeminati).
RAXIN (ration) Sistema ta’ bejgħ tal-ikel u oġġetti oħra bil-kwota skont in-neċessità, irregolata mill-awtoritàjiet tal-gvern. Din is-sistema kienet inbdiet fit-Tieni Gwerra Dinjija minħabba l-iskarsezza tal-ikel. Kien jingħata ktejjeb / kupun lil kull familja biex fih titniżżel il-lista tal-ikel li wieħed kien intitolat għalih. L-ikel kien jitqassam mill-Victory Kitchens, li minnhom f’Malta nħolqu mat-tnejn u erbgħin. Anki oġġetti ta’ bżonnijiet oħra kienu jinbiegħu bir-karta tar-raxin. Il-bejgħ razzjonat baqa’ jsir anki wara l-gwerra. Dan għaliex kemm in-neguzjanti, kif ukoll ix-xerrejja, baqgħu jaħżnu ċertu ikel, għax kien għad hemm il-biża’ ta’ xi skarsezza li setgħet titfaċċa minn żmien għal ieħor. Wara l-gwerra, ir-raxin normalment, kien japplika l-aktar għax-xiri tal-għaġin, iż-żejt, iz-zokkor u l-ħobż. Ir-raxin tal-ħobż kien twaqqaf fit-8 ta’ Frar 1977.
RILIF (relief) Riferenza għal tip ta’ benefiċċji soċjali mogħtija mill-gvern lil nisa romol, nies inkapaċitati u nies li kienu jisfaw bla xogħol, fost oħrajn. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘dak ilu fuq ir-rilif għal dan l-aħħar għaxar snin’.
SENTER Kelma li daħlet fil-Malti meta bdew jiġu impurtati armi tan-nar tal-kaċċa li flok li jimtlew biċ-ċomb u l-porvli minn quddiem tal-kanna, issa kienu jisparaw bis-sistema tal-centre breech-loading, jiġifieri, billi jiddaħħal l-iskartoċċ biċ-ċomb min-naħa ta’ wara tal-kanna.

SERKIN (sulky) Is-serkin huwa dak il-karettun ħafif miġbud minn żiemel wieħed u li jesa’ rikkieb wieħed – għalkemm, ġieli tara żewġ persuni fuqu. Jintuża l-aktar mill-ġerrejja taż-żwiemel fit-tlielaq tat-trott. Bil-Malti magħruf ukoll bħala gig.

SIKSPENZ (sixpence) Munita Ingliża ċkejkna li f’Malta kienet fiċ-ċirkolazzjoni meta kienu jintużaw il-flus Ingliżi, sas-sena 1972. Il-munita tas-sikspenz kienet tiswa daqs sitt soldi jew inkella nofs XELIN.

SKRUN (screw) Bil-Malti, l-iskrun normalment jirreferi għal dak li l-Ingliżi jgħidulu propellor, bħal ma hu skrun tal-lanċa, tad-dgħajsa li taħdem bil-mutur, jew inkella għal wieħed mill-iskrejjen tal-ajruplan. Biss, dan l-istess nom jista’ jirriferi wkoll għal xi tip ta’ ġugarell li jkun magħmul minn diversi pali ħfief x’aktarx tal-plastik li jduru bir-riħ. Il-kelma skrun tista’ wkoll tintuża – għalkemm ma għadhiex tingħad – għal dak li llum nafu komunament bħala vit, oġġett tal-metal li jiddeffes f’toqba irqieqa fl-injam jew f’materjal ieħor, bis-saħħa tat-turnavit biex jissikka l-oġġett f’postu. (Ara r-ritratt li jispjega iż-żewġ tifsiriet).

SLOPP (slop-pail) Satal jew barmil li normalment, iżomm fih xi ilma maħmuġ, jew ilma lest li jintrema fil-loki. Din il-kelma tintuża l-aktar fil-bliet tan-naħa tal-port. Fin-Navy Ingliża dan it-terminu jirriferi għal tiċlisa ilma li tinxteħet biex tinħasel il-gverta tal-bastiment.
SPAKXIN (inspection box / chamber) Ħofra fit-triq jew kmajra żgħira, magħmula apposta, biex minnha dak li jkun inkarigat jista’ jispezzjona d-drenaġġ jew xi sistemi oħra tax-xogħol. Imsejħa hekk għaliex minn din it-toqba jew kamra dan kien jista’ jagħmel ‘inspection’ tax-xogħlijiet li jkunu saru jew qed isiru, u jirregola l-affarijiet tekniċi fis-sistema li tkun għaddejja taħt l-art.

TEDIBOJ (Teddy Boy) Dan it-terminu kien popolari ħafna f’Malta fis-snin ħamsin u s-sittin tas-seklu l-ieħor, u kien jirriferi għal dawk iż-żgħażagħ li kienu jiddandnu bi ħwejjeġ u xagħar ta’ stil partikulari għal dik l-epoka. Dawn kienu jilbsu qliezet dojoq u nkaxxati, ġkieket twal li jwasslu sal-irkupptejn u kienu jżommu xagħarhom innukklat ’il fuq minn ngħashom. Fiż-żmien, kont tisma’ kummenti, bħal, ‘Ar’hemm, ħej! Ġejt liebes qisek xi tediboj!’ B’din l-espressjoni kienu wkoll jirriferu għal dawk li xagħarhom kien ikun imdellek bil-pomata. It-terminu oriġina f’Londra fl-1953, meta d-Daily Express ġabet il-headline Teddy Boys, meta rriferiet għal dawk iż-żgħażagħ li kienu jipprattikaw dan l-istil. Iż-żagħżagħ kienu abbinaw din il-moda mal-kultura tar-Rock ’n Roll, li dak iż-żmien kienet popolari.
TITOTLU / TITOTLA (teetotaller) Wieħed li ma jixrobx l-inbid. Riferenza wkoll għall-ħwienet magħrufa bħala ‘tat-titotla’, ħwienet fejn ma jinbiegħx xorb alkoħoliku iżda biss, it-te jew il-kafè.
TOKIS (talkies) Riferenza għall-films bil-vuċi u l-ħsejjes, li bdew jidhru fiċ-ċinema mill-1931 ’l quddiem. Mill-bidu tat-tletinijiet ’il quddiem, il-films ma baqgħux silent movies. Mal-invenzjoni tal-ħoss fil-movies il-films saru magħrufa bħala ‘talkies’ u bil-Malti konnha ngħidulhom ‘tokis’. Kont tisma’ lil min jgħid, ‘sejjer sat-tokis nara film’. L-istess kelma tirriferi għas-sala taċ-ċinema nnifisha. Fir-riklami kien jeżisti s-slogan: ‘Iddeverti – Mur it-Tokis!’
TOLBOJ (tall-boy) Għamara li fiha jitpoġġew il-ħwejjeġ; tip ta’ gwardarobba pjuttost dejqa, b’ħafna kxaxen fuq xulxin.
TRAMM (tram) F’Malta, is-servizz tat-tramm beda fl-1903, fuq binarji tal-ħadid u b’fili tal-elettriku magħmulin apposta għal dan it-tip ta’ trasport. Dan is-servizz beda jitħaddem minn ħdejn il-Power Station l-antika, li dak iż-żmien kienet għadha taħt it-Telgħa tal-Kurċifiss. Is-servizz ma baqax jitħaddem fl-1929, minħabba telf finanzjarju, billi sa dak iż-żmien, bdew jiġu impurtati l-karozzi tal-linja u dawn bdew ikopru diversi rotot. Ara: NEMNEBUS.

XELIN (shilling) Munita kulur il-fidda li kienet tagħmel parti mis-sistema ta’ flus Ingliżi,li f’Malta baqgħet tiċċirkola sal-1972 qabel ma qlibna għal flus deċimali. Xelin kien jagħmel tnax-il sold. Għoxrin xelin kienu jagħmlu lira. In-nies tas-Sliema kienu jgħidulhom ‘tax-xelin’.

—–
Martin Morana©
15.09.2026
——
Bibliografija
Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary, Vol. I & II, ta’ Joseph Aquilina, (1987 & 1990).
Briffa Charles, Il-Ġrajja Wara l-Kliem – Infittxu l-Imgħoddi u l-Preżent. Horizons. 2018.
Busuttil Vincenzo, Dizzjunarju Malti-Ingliż, (1900).
Falzon Giovanni Battista, Dizionario Maltese, Italiano, Inglese. (1845).
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1979.
Vassalli Mikiel Anton, Lexicon – Ktyb il Klym Malti byl-Latin u Byt-Taljan eċċ., (1796).
Vassalli Mikiel Anton, Aforismi, ta’ Mikiel Anton Vassalli, (1828).
Vella Francis, Dizionario Portatile – Maltese, Italiano, Inglese. (1843).
Mark Vella, Juann Mamo – Ġrajja Maltija. Klabb Kotba Maltin. 2010.
