Qaddisin Sqallin
meqjuma f’Malta
Introduzzjoni
Il-konnessjoni storika u kulturali ta’ bejn Malta u Sqallija ilha teżisti għal mijiet u anki eluf ta’ snin f’ħafna modi. Fost ħafna influwenzi Sqallin li l-Maltin aċċettaw fil-kultura tagħhom u li għadha tinħass hi l-għażla tal-qaddisin fid-devozzjoni tagħhom. Mod kif din id-devozzjoni kibret kienet bis-saħħa tal-kuntatti li minn dejjem kien hemm bejn il-poplu Malti u dak Sqalli.
Terġa’, fis-sekli erbgtax u sittax, f’Malta stabbilew ruħhom bosta ordnijiet reliġjużi li ġew minn Sqallija li daħħlu magħhom f’Malta l-qima u l-popolarità tal-qaddisin li kienu mdorrijin bihom.
Insibu żewġ qaddisin Sqallin li kienu u għadhom magħrufa sew mal-Maltin. Dawn huma Sant Agata, Santa Venera u Santa Luċija. Hemm qaddisin oħra li mhumiex Sqallin, biss li għexu għal ħafna żmien fi Sqallija u magħrufa mill-Maltin. Dawn huma San Kaloġeru, San Filippu (San Filep) ta’ Aġira, San Ġużepp Labrè u San Korradu. Ma’ dawn inżidu lil Santa Rosalija patruna ta’ Palermo.
F’dan l-artiklu ser nagħti xi informazzjoni dwar il-ħajja ta’ dawn il-qaddisin, il-kult tagħhom fi Sqallija u l-konnessjoni tagħhom ma’ Malta.
—–
SANTA AGATA
Sant’Agata twieldet f’Katanja minn familja nobbli, bejn l-229 u l-235 w.K. F’żogħżitha kienet talbet lill-Isqof ta’ Katanja biex jappuntaha djakonessa ħalli tkun tista’ xerred it-tagħlim Nisrani u tħejji liż-żgħar għall-magħmudija, l-ewwel tqarbina u l-griżma tal-isqof. Għalhekk, fl-ikonografija tagħha Santa Agata tidher liebsa il-flammeum, il-velu tas-saċerdozju u t-tunika twila, id-dalmatika u l-istola ‘a tracolla’.
Ġara li fi żmienha, l-Imperatur Dezju ried irażżan it-tixrid tal-fidi Nisranija. Bagħat għalhekk fi Sqallija lill-prokonslu Quinzanu biex dan iwettaq l-ordni tiegħu. Quinzanu sar jaf bid-djakonessa Agata u beda jippersegwitaha. It-tradizzjoni tgħid li din it-tfajla ħarbet mal-familja tagħha lejn Palermo imma Quinzanu bagħat in-nies tiegħu jfittxuha hemm, u meta sabuha din inġiebet lura Katanja. Ittorturawha u qatgħulha sidirha barra. Hi mietet martri fil-5 ta’ Frar tas-sena 251.

Il-kult ta’ Sant’Agata fi Sqallija
Ftit wara l-mewt tagħha, Sant’Agata kienet saret qaddisa magħrufa u meqjuma mill-Insara. Dan nafuh minn epigrafija fuq qabar li nstab, ta’ tarbija ta’ 18-il xagħar. Jingħad li daqs sena wara l-mewt tagħha l-Etna żbroffa b’mod li l-lava bdiet riesqa lejn il-belt ta’ Katanja. Biss, il-Kataniżi bdew jitolbu lil Sant’Agata u l-lava waqfet milli tasal sa Katanja. Wara dan il-fatt, il-qima lejn Sant’Agata żdiedet sew u din saret il-qaddisa patruna ta’ dik il-belt.
Il-festa ta’ Sant’Agata tiġi ċċelebrata fil-5 ta’ Frar, jum il-martirju tagħha. Agata mhix biss hi l-patruna ta’ Katanja imma wkoll ta’ bosta postijiet oħra fl-Italja, bħal, Gallipoli, u r-Repubblika ta’ San Marino. Il-fdalijiet tagħha jinsabu fil-Katedral ta’ Katanja. Minn dan il-katidral, kull sena toħroġ l-istatwa tagħha f’purċissjoni spettakolari.
Il-kult ta’ Sant’Agata f’Malta
Jingħad li waqt il-persekuzzjoni tal-Imperatur Dezju, Sant’Agata ħarbet minn
Sqallija lejn Malta fejn sabet refuġju fil-katakombi tar-Rabat li llum hu msemmi għaliha. Hemm leġġenda li tgħid li meta fl-1551, l-Imdina kienet assedjata mill-armata ta’ Dragut, l-abitanti poġġew l-istatwa ta’ din il-qaddisa fuq is-swar tal-Imdina u fis, l-għadu waqqaf l-attakk u telaq ’l hinn. F’Malta jinsabu tliet kappelli ddedikati għal din il-qaddisa: waħda fil-katakombi ta’ Sant’Agata, ir-Rabat, oħra fl-Imdina, u kappella fiż-Żurrieq. F’din il-lokalità, b’ mod kurjuż din il-qaddisa hi magħrufa bħala Sant’Għati. Sant’Agata hi miżmuma bħala waħda mill-qaddisin patruni minuri ta’ Malta.

—–
SANTA LUCIJA
Santa Luċija twieldet f’Sirakuża fis-7 ta’ Marzu 283 w.K. u mietet fit-13 ta’ Diċembru 304. Billi omm Luċija kienet tbati mill-emoroġija kronaka, darba minnhom Luċija akkumpanjat lil ommha f’pelegrinaġġ għall-qabar ta’ Sant’Agata f’Katanja bit-tama li ommha tfieq. Waqt it-talb tagħhom, lil Luċija dehretilha Santa Agata mdawra bl-anġli li qaltilha, ‘Luċija oħti, konsagrata minn Alla, għalfejn qed titlob lili dak li int stess kapaċi tagħmel?’ Waqt il-vjaġġ lura lejn Sirakuża ommha fieqet, u Luċija stqarret ma’ ommha li hi kienet ser toffri l-kastità tagħha lil Kristu u li ser tħalli l-beni tagħha lill-fqar. Fit-tliet snin ta’ wara hi offriet ruħha għas-servizz ta’ dawk fil-bżonn, qrib il-katakombi ta’ San Ġiovanni f’Sirakuża. Biss ġara li missierha qabel ma miet, kien wiegħed lil sieħbu, raġel pagan, it-tifla tiegħu għaż-żwieġ. Naturalment, Luċija dan ma riditx tiżżewġu. Dak ir-raġel inkorla u biex jivvendika ruħu minn dik it-tfajla rrappurtaha lill-Prefett Paskaċju li kien jippersegwita lill-Insara, biex dan jarrestaha talli qed ixxerred il-fidi Nisranija.
Il-Prefett ġiegħelha toffri s-sagrifiċji lill-allat Rumani, biss Luċija rrifjutat. Paskaċju ordna lis-suldati tiegħu jieħdu lil Luċija biex jittorturawha, iżda mirakolożament din it-tfajla f’daqqa waħda bbieset u ħadd ma seta’ jċaqlaqha minn fejn kienet. Minħabba f’hekk Luċija ġiet akkużata li kienet saħħara, u s-suldati tefgħulha ż-żjut biex tmut maħruqa. Biss, in-nar ma setax jaqbad. Skont kif tkompli l-istorja, Luċija nqatlet billi deffsulha sikkina f’għonqha.
Il-kult ta’ Santa Luċija fi Sqallija
Id-devozzjoni lejn Santa Luċija kienet magħrufa diġà fil-bidu tal-ħames seklu w.K., kif jidher minn epigrafu ddedikat minn raġel devot tagħha fuq il-qabar tal-mara tiegħu. Santa Luċija hi venerata bħala qaddisa tal-Knisja Kattolika kif ukoll tal-Knisja Ortodossa. L-Ortodossi jemmnu li Santa Luċija nqatlet billi ddekapitawha. Ma ninsewx li Sirakuża kienet għal ħafna sekli taħt il-Biżantini u għalhekk hemm l-influenza Ortodossa kienet qawwija sew.
Sas-seklu ħmistax ma jissemma xejn li waqt it-torturi Luċija qalugħlha għajnejha barra. Dan l-episodju donnu ħareġ frott tal-immaġinazzjoni tas-segwaċi tagħha għaliex xi wħud interpretaw isimha Lucia hu isem li ġej minn lux li jffisser dawl – f’dan il-każ, id-dawl tal-għajnejn. Illum, din il-qaddisa hi meqjusa bħala patruna tal-għomja u protettriċi kontra l-mard tal-għajnejn. Jingħad li Luċija ndifnet fil-Katakombi ta’ Sirakuża. F’Ortiġja, Sirakuża, hemm il-katidral iddedikat għaliha, biss il-fdalijiet tagħha jinsabu fil-knisja ta’ Santa Luċija u San Ġeremija f’Venezja.

Santa Luċija u l-quċċija
Fl-1646, fi Sqallija kienet seħħet karestija kbira fejn il-popolazzjoni sofriet ġuħ kbir. Fl-eqqel ta’ dan iż-żmien diffiċli, preċiżament fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, waqt il-quddiesa, fil-katedral intlemħet summiena ittir u tieqaf tistrieħ fuq il-presbiterju. Fl-istess ħin instemgħet vuċi tħabbar li fil-port ta’ Sirakuża kien għadu kemm daħal bastiment mimli qamħ. Dan kien sinjal li t-talb lil Santa Luċija kien instema’. Il-qamħ tniżżel l-art, intaħan u tqassam lill-poplu. In-nies bil-ġuħ li kellha malajr għalliet il-qamħ mitħun kif kien u kilitu. Minn hawn inħolqot l-użanza tal-cuccia, ikla tipika tas-Sirakużani u l-qima lejn din il-qaddisa kibret bosta. L-istatwa tagħha tinġarr mill-katidral proċessjonalment fit-toroq ta’ Ortiġja, kull l-ewwel u t-tieni Ħadd ta’ Mejju.
Il-Kult ta’ Santa Luċija f’Malta
F’Malta, Santa Luċija hi magħrufa sew bħala l-protettriċi tal-mard tal-għajnejn. Hawn żewġ lokalitajiet imsemmija għal din il-qaddisa: ir-raħal ta’ Santa Luċija f’Għawdex u l-ieħor f’Malta. Fiż-żewġ inħawi hemm kappella ddedikata għal din il-qaddisa. Insibu wkoll kappelli oħrajn ddedikati għaliha, fosthom, waħda fin-Naxxar u oħra fil-Belt Valletta. Mill-’cuccia’ marbuta mal-ikla tradizzjonali f’Sirakuża ħarġet il-kelma ‘quċċija’ li fil-Malti bdiet tfisser forma ta’ festin bl-ikel li kien jingħata lill-foqra. Biss, din it-tradizzjoni u t-tifsira tagħha ntesew u l-kelma nbidlet u saret marbuta mal-festin li jsir lit-tarbija meta din tagħlaq sena. (Ara l-artiklu ‘il-Quċċija u Santa Luċija’ f’din l-istess website.) Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/2025/12/13/il-quccija-u-santa-lucija/
—–
SAN FILEP Ta’ AĠIRA
San Filep / San Filippu ta’ Aġira għex fl-ewwel żminijiet tal-Insara. Hemm żewġ interpretazzjoniet dwar min seta’ kien dan il-qaddis. Skont Atanasju ta’ Lixandra, dan il-qaddis twieled 40 w.K. f’Kappadoċa fit-Turkija u miet martri fit-12 ta’ Mejju ta’ 103 w.K. Imbagħad hemm il-verżjoni ta’ Ewsebju, li tgħid li San Filep twieled fi Traċja fir-raba’ seklu w. K. San Filippu kien sar qassis u ntbagħat mill-Papa jxerred il-fidi Nisranija fi Sqallija. Hemm għamel ħafna mirakli u eżorċita ħafna nies ipposseduti mix-xitan.
Il-kult ta’ San Filep fi Sqallija
San Filippu fi Sqallija hu magħruf bħala San Filippo ta’ Agira, post mhux wisq ’il bogħod minn Enna. San Filippo hu meqjum ukoll f’Limina, belt oħra fi Sqallija. Il-festa tiegħu hi ċċelebrata fit-12 ta’ Mejju. L-istatwa tiegħu li tinġarr f’ċerti rħula turi lil San Filippo bix-xitan taħt saqajh.
Il-kult ta’ San Filep f’Malta
Mhux ċerti meta daħlet id-devozzjoni f’Malta għal dan il-qaddis. Fil-Lista tal-Milizja tal-1419/20, minn lista ta’ 1,667 isem, l-isem Filippu jew Lippu jidher tlettax-il darba biss. Dan jista’ jiġi interpretat li f’dak iż-żmien mhux għax kien hemm xi devozzjoni kbira lejn dan il-qaddis. Terga’, fl-istess lista, waqt li jissemmew l-ismijet ta’ 102 rġiel minn Ħaż-Żebbuġ, dan l-isem ma jidher imkien.

Skont xi sorsi, jidher li kien ċertu sinjur Sqalli, magħruf bħala l-Kataniż, li kien jismu Filippu, li kien ġie jgħix Malta fis-seklu sbatax, li ħallas għal bini ta’ knisja ġdida f’Ħaż-Żebbuġ. Meta din tlestiet għal kollox, dan talab liż-Żebbuġin biex din il-knisja tkun iddedikata għal qaddis tiegħu. Fis-seklu sbatax, iż-Żebbuġin talbu lill-awtoritajiet ta’ Aġira biex jagħtuhom framment mill-għadam ta’ dan il-qaddis biex dan jinġieb Malta u jitqiegħed għad-devozzjoni fil-knisja tagħhom. Biss, dawk ta’ Aġira ma ridux. Kien fis-sena 1723, bl-intervent tal-Granmastru Manoel de Vilhena li fl-aħħar, ix-xewqa taż-Żebbuġin ġiet milqugħa. L-istatwa tal-fidda tal-knisja arċipretali nħadmet minn ċertu Luigi Fontana minn Monte San Pietrangeli, fil-Provinċja ta’ Fermo, fl-1853.
Min hu midħla ta’ dan il-qaddis jaf li San Filep hu magħruf bħala Terror Daemonum, jiġifieri, ‘it-terrur tax-xitan’ billi San Filep kien eżorċista. F’Malta nħolqot espressjoni li tingħad b’ċajta-tingiża l-aktar mill-Qrima: ‘Viva San Filep, la x-xitan irid hekk’. Ir-riferenza għax xitan hi ovvja.
—–
SAN KURRAD
San Kurrad hu magħruf fi Sqallija u l-Italja bħala San Corrado Confalonieri. Dan il-qaddis twieled fl-1290, f’Calendasco, belt li tinsab fil-provinċja ta’ Pjaċenza. Dan kien iħobb jikkaċċja, u jingħad li darba minnhom, waqt li kien fil-kampanja kien kebbes xi nar li nfirex u għamel ħafna ħsara fl-għelieqi tal-madwar. Għal dan il-att kien weħel raħħal u l-awtoritajiet qatagħuhielu għal mewt. Kurrad ma riedx li dan ir-raħħal isofri l-mewt minħabba fih u għalhekk ammetta li kien hu li kebbes in-nar. Konsegwentament, biex iħallas għad-danni Kurrad biegħ kull ma kellu u rtira mill-ħajja pubblika.
Meta martu marret tgħix f’kunvent, Kurrad daħal patri mal-Franġiskani tat-Terza Ordni u beda jivvjaġġa mal-Italja u f’pajjiżi oħra jżur is-santwarji. Niżel anki fi Sqallija u wasal fil-belt ta’ Noto madwar l-1343, fejn beda jgħix il-ħajja ta’ eremita fil-wied ta’ Pizzoni (illum magħruf bħala Valle dei Miracoli). San Kurrad miet hemm fid-19 ta’ Frar, 1351.
Il-kult ta’ San Kurrad fi Sqallija
San Kurrad hu meqjum fil-Katidral ta’ Noto fejn hemm il-fdalijiet tiegħu. Il-festa tiegħu hi ċċelebrata fid-19 ta’ Frar u fl-aħħar Ħadd ta’ Awwissu. Darba kull għaxar snin, l-urna tal-fidda bl-għadam tiegħu tittieħed proċessjonalment lejn il-wied fejn kien jgħix bħala eremita. Fil-Katidral ta’ Noto hemm skrizzjoni li tgħid li San Kurrad mar jgħix hemm wara li ħarab minn Malta.
Il-kult ta’ San Kurrad f’Malta

F’Malta dan il-qaddis hu magħruf bħala San Kurrad, waqt li f’Għawdex hu magħruf bħala San Kerrew. Il-leġġenda tgħid li dan il-qaddis kien jgħix waħdu fl-għar u l-kappella ddedikata lil San Pawl Eremita li hemm f’Wied il-Għasel, barra l-Mosta. Minn hemm kien tkeċċa mill-bdiewa għal xi raġuni jew oħra. Hemm diversi verżjonijiet ta’ din il-leġġenda. Waħda minnhom tirrakkonta kif San Kurrad tar fuq il-mantell tiegħu lejn Kemmuna u imbagħad lejn il-Qala, Għawdex. Hemm għex ta’ eremita f’kamra taħt il-kappella ta’ Sant’Antnin. Qatta’ żmienu hemm ifejjaq in-nies morda. Sal-lum għad hemm ħafna Għawdxin iżuru dik il-kamra fejn għex biex dan il-qaddis ifejjaq it-tfal iż-żgħar.
—–
SANTA ROSALIJA
Din il-qaddisa għexet f’Palermo bejn l-1130 u l-4 Settembre tal-1170. Dan kien żmien meta Sqallija kienet taħt in-Normanni. Missierha kien Sinibaldi, il-konti ta’ Montedelle Rose u San Stefano Quisquina. Rosalija għexet żogħżitha fil-ġid, midħla tal-palazz ta’ Re Ruġġieru (it-tifel tal-Konti Ruġġieru). Fl-1149, minħabba is-sbuħija tagħha ntagħżlet bħala ‘damigella d’onore’ fil-palazz tar-reġina Sibilla di Borgogna.
Skont il-leġġenda, darba minnhom, missierha Sinibaldi salva lir-Re Ruġġieru meta dan kien attakkat minn iljun; bi tpattija r-re offrilu li jżewwiġlhu lil Rosalija lir-re Baldwinu. Rosalija ma riditx u fil-jum meta kienet ser tiżżeweġ ta’ bilfors stqarret li waqt li kienet qed tipprepara ruħha għat-tieġ, fil-mera rat il-wiċċ ta’ Kristu. B’dan riedet turi li flok tiżżewweġ hi riedet tiddedika ħajjietha għall-fidi Nisranija. Konsegwentament, ta’ ħmistax-il sena ħalliet il-Palazz Rjali kif ukoll id-dar tal-ġenituri tagħha u marret tgħix fil-knisja tas-Santissimu Salvatur f’Palermo, li dak iż-żmien kienet ukoll isservi ta’ monasteru. Il-ġenituri tagħha baqgħu jsusu warajha biex hi toħroġ minn hemm u tmur lura għal ħajja ta’ qabel.
Dan il-ħafna ndħil lil Rosalija dejjaqha, u għalhekk qabdet u marret tgħix f’għar f’Santo Stefano Quisquina fil-provinċja ta’ Agriġento, fejn għexet għal tnax-il sena sħaħ. Imbagħad, bil-permess tar-reġina Sibilla, marret lura lejn Palermo u bdiet tgħix f’għar fuq Monte Pellegrino. Hemm għexet sakemm mietet fl-4 ta’ Settembru tal-1170, fl-età ta’ 40 sena.
Il-kult ta’ Santa Rosalija fi Sqallija
Diġà, sa s-sena 1196, il-qima lejn din il-qaddisa kienet kibret sew. Inbnew żewġ knejjes ddedikati għaliha, waħda fuq Monte Pellegrino, magħrufa bħala il-knisja ta’ Santa Rosolea, u l-oħra fil-kwartier ta’ Olivella fejn kien hemm id-dar ta’ missierha Sinibaldi. Fis-seklu 20, inbniet knisja ġdida ddedikata għaliha qrib Il Giardino Inglese.
Fis-sena 1624, u dik ta’ wara, il-belt ta’ Palermo nħakmet mill-pesta, u l-abitanti tagħha talbu għall-interċessjoni ta’ din il-qaddisa. Meta l-pesta battiet, il-poplu emmen li dan kien bl-interċessjoni ta’ din il-qaddisa u b’hekk Santa Rosalija saret il-protettriċi ta’ din il-belt. Jingħad li waqt il-pesta, fis-7 ta’ Mejju kienu nstabu l-fdalijiet tagħha fuq Monte Pellegrino.

Skont l-opinjoni ta’ ħafna, isimha hu amalgazzjoni ta’ rosa u lilium (rosa u ġilju) – Rosalia. Santa Rosalija hi magħrufa mill-Palermitani bħala ‘la Santuzza’. Il-festa tradizzjonali li ssir ad unur ta’ din il-qaddisa tiġbed eluf kbar ta’ nies minn Sqallija kollha. Il-fdalijiet ta’ Santa Rosalija huma miżmuma fil-katedral ta’ Palermo li hu ddedikat għaliha u għal Maria Assunta. Il-festa ta’ din il-qaddisa tiġi ċċelebrata bejn l-10 u l-15 ta’ Lulju. Imbagħad fl-4 ta’ Settembru, issir dik li jgħidulha acchianata (bit-Taljan ‘la salita’ sa l-Għar ta’ Santa Rosalia fuq Monte Pellegrino, mixja li tieħu madwar siegħa. Viċin il-grotta ta’ Monte Sicani f’San Stefano Quisqina, Agrigento, inbena santwarju magħuf bħala l’Eremo di Santa Rosalia.
Il-kult ta’ Santa Rosalija f’Malta
F’Malta din il-qaddisa mhix daqstant magħrufa. Biss, meta Malta ntlaqtet mill-pesta fl-1675 bosta bdew jitolbu lil din il-qaddisa biex teħlishom minn din l-epidemija qerrieda. Fil-knisja ta’ Sarria, il-Furjana, fejn wara li għaddiet il-pesta, il-Kavallieri tal-Ordni kienu għamlu pellegrinaġġ ta’ ringrazzjament u reġgħu bnew kappella ikbar u isbaħ, hemm pittura tal-Mattia Preti li turi lil Santa Rosalija.
—–
SAN ĠUŻEPP LABRÈ
San Ġużepp Labrè twieled f’Boulogne, fi Franza, fl-1748. Ipprova jidħol f’diversi ordnijiet ta’ patrijiet iżda ma rnexxielux. Għalhekk għażel li jqatta’ ħajtu jiġġerra minn post għall-ieħor, biex iżur is-santwarji magħrufa fl-Ewropa. Darba f’sena kien jagħmel pellegrinaġġ lejn is-Santwarju ta’ Loreto. L-aħħar snin ta’ ħajtu għexhom fil-Kolossew ta’ Ruma fejn qatta’ l-aħħar snin ta’ ħajtu. Miet fil-Gimgħa l-Kbira 16 ta’ April, 1783. Il-fdadlijiet tiegħu jinsabu f’Ruma, fil-knisja tal-Madonna dei Monti.
Il-kult ta’ dan il-qaddis fi Sqallija
Dan il-qaddis hu meqjum f’Modika, fil-knisja parrokkjali ta’ San Pietru Appostlu, għaliex jingħad li matul il-vjaġġi li għamel fi Sqallija hu żar anki din il-belt. Hemm ukoll ħjiel li fiż-żmien li qatta’ fi Sqallija dan żar Acireale. Hu magħruf bħala l-qaddis patrun kontra l-mard tal-ġdim u l-qamel.
Il-kult ta’ San Ġużepp Labrè f”Malta

Skont il-għajdut tal-folklor Malti, San Beneditt Ġużepp Labrè kien ġie wkoll Malta. Jingħad li matul din il-miġja, il-qaddis kien żar bosta knejjes, fosthom, is-Santwarju tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla u dak tal-Mellieħa. Jgħidu li kien jitlob fuq it-taraġ tal-knisja ta’ San Ġakbu, fi Triq il-Merkanti, il-Belt, kif ukoll fis-Santwarju tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar u l-knisja tal-Kapuċċini fil-Kalkara. F’Għawdex żar il-Kunċizzjoni tal-Qala, il-Matriċi ta’ Santa Marija (illum il-Katidral), u kien ukoll jitlob fuq iz-zuntier ta’ San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex. Jgħidu li fl-istess belt dan il-qaddis kien jorqod fil-kappella fi Triq Fortunato Mizzi, qrib fejn kien hemm ‘il-Kamra tal-Lampa’. F’dan il-post hemm l-istatwa tiegħu.
F’Malta, jekk kont tkun liebes ħwejjeġ maħmuġin u ma tkunx nadif kienu jgħidulek: ‘Kemm int maħmuġ, qisek San Ġużepp Labrè’. Fi żmien riċenti, fir-Raħal Ġdid kien hemm mara li kienet tiġġerra mat-toroq liebsa ħwejjeġ maħmuġin; lil din kienu jgħiduha bħala l-’Labrina’.
—–
SANTA VENERA , VERĠNI U MARTRI
Din il-qaddisa twieldet 100 sena wara Kristu, f’Aċireale, belt fil-kosta tal-Lvant ta’ Sqallija. Jisimha Venera għaliex l-isem ġej mil-Latin Dies veneris, li jfisser jum il-Ġimgħa, għax twieldet f’jum il-Ġimgħa l-Kbira. F’ħajjitha kienet tieħu ħsieb il-morda u ħadmet fl-apostolat f’bosta bliet ta’ Sqallija fosthom Katanja, Taormina, u Palermo. Kienet ukoll marret Franza. Kienet id-dixxipla ta’ San Pankrazju, Isqof ta’ Taormina. Santa Venera ġiet maqtula fl-143 w. K. fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Antoniju Piju.

Il-kult ta’ Santa Venera fi Sqallija
Il-fdalijiet tagħha jinsabu meqjuma fil-Katidral tas-Santissima Anunzjata f’Aċireale, u l-festa tagħha hi ċċelebrata fis-26/27 ta’ Lulju. Fi Sqallija hi meqjuma wkoll f’Avola, Palermo u Venerina. Fit-territorju ta’ madwar Aċireale hemm banjijiet sulfuruċi li skont kif jgħidu dawn huma mirakolużi minħabba d-demm li xerrdet hemm din il-qaddisa fil-martirju tagħha.
Il-Kult f’Malta
F’Malta għandna il-lokalità ta’ Santa Venera msemmija għal din il-qaddisa. Imsemmija hekk minħabba l-knisja antika ddedikata lil din il-qaddisa. Din il-knisja ġiet fdata f’idejn il-patrijiet Karmelitani fl-1912. Sitt snin wara, il-knisja u l-ambjent tal-madwar saru parroċċa.
—–
SAN KALOĠERO EREMITA
Skont ċerti sorsi, San Kaloġero twieled f’Kalċedonja fi Traċja (il-Greċja) fis-sena 446. Hemm min jgħid li dan il-qaddis twieled f’Kartaġni. Intant hu magħruf bħala ‘il Santo Nero’. Meta kien żar Ruma, il-Papa Ljun il-Kbir tah l-abitu reliġjuż. Mar jgħix fi Sqallija bħala missunarju, l-ewwel fuq il-gżira ta’ Lipari u wara għex għal 35 sena f’Sciacca, qrib Agriġento. Hemm inġabru madwaru xi dixxipli. Hu maħsub li San Kaloġero miet madwar is-sena 561.
Il-kult ta’ San Kaloġero fi Sqallija
Fi Sqallija dan il-qaddis hu wieħed mill-aktar magħrufa u llum għadek issib ħafna Sqallin imsemmija għalih. Jirrikorru għalih ħafna nies fil-bżonn għaliex hu magħruf bħala ‘tawmaturgu’, jiġifieri qaddis li jagħmel il-mirakli.
Il-kult tiegħu f’Malta
Fl-1742 ġew f’Malta l-eremiti ta’ San Kaloġero u dawn marru jgħixu f’Santa Venera fejn dak iż-mien kien kollu art agrikola. Marru wkoll jgħixu fil-knisja ta’ San Franġisk ir-Rabat, Għawdex.
—–
Bibliografija
Buhagiar Mario,‘The Chapel of St Paul the Hermit’, Heritage Encyclopedia. Midsea Publications.
De Soldanis, Gozo , Ancient and Modern, Religious and Profane. Media Centre Publications. 1999.
Grech Cremona Ġ., Qaddisin għal Kull Jum. Media Centre. 1997.
Guillaumier Alfie, Bliet u Rħula Maltin. Valletta Publishing & Promotion. 1987.
Goggi Joseph, ‘The Maltese Islands – Islands of Saints’, Malta Yearbook, 2002.
Mangion Fabian, ‘1676: When death came knocking’, The Sunday Times of Malta, September 20, 2026.
Said Philip E., ‘150 Sena mill-miġja tal-istatwa f’Ħaż-Żebbuġ’. Ktieb tal-Festa, 2013, Għaqda Każin Banda San Filep, 1851.
Spiteri Michael (Kilin), A Hundred Wayside Chapels of Malta and Gozo.Heritage Books. 2000.
Wettinger Godfrey, ‘The Militia List of 1419/20’. Melita Historica, 1969.
