Ikklikkja fuq waħda minn dawn l-ittri biex tidħol fil-paġni tal-Enċikopedija KliemuStorja …
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Għal bosta minna, il-lingwa hi bħal magna tal-karozza – nużawha kuljum, biss, ftit minna nafu kif taħdem minn ġewwa. Dan għaliex ħafna minna jimpurtana biss li s-sistema tiffunzjoni meta niġu biex nużawha. Wara kollox, għall-mijiet tas-snin il-bniedem dejjem ikkomunika aktar bil-fomm milli bil-kitba. Ħadd minn dawn in-nies qatt ma żamm dizzjunarju f‘idu biex jaċċerta ruħu li kull kelma li ħierġa minn fommu jew dik li qed jisma’ hi korretta grammatikalment.
Fil-Malti għandna bosta kliem li qatt ma analizzajnieh sew biex inkunu nafu għaliex jinstema’ jew jinkiteb kif inhu. Hemm studjużi li xogħolhom hu li janalizzaw il-kliem għal fonetika (il-ħoss) is-semantika (it-tifsira tal-kelma) u l-oriġini u l-iżvilupp tagħhom matul iż-żminijiet (l-etimoloġija). Hi ħaġa normali li l-ħoss tal-kliem jista’ jinbidel, kemm minn ġenerazzjoni għall-oħra, kif ukoll minn post għall-ieħor.
Fost il-ħafna kliem fil-Malti li nbidlu fil-ħoss tagħhom – aħna ngħidu, għaffiġnihom jew ikkorrompejnihom – hemm koċċ kliem li kienu suġġetti għat-tibdil kemm fil-ħoss, fit-tifsira, kif ukoll fl-iżvilupp etimoloġiku tiegħu. Dan it-tibdil sar mingħajr skossi, u bl-aktar mod naturali. Qiegħed nirriferi għal kliem li xi darba kienu jibdew b’vokali, biss illum għandhom l-artiklu ‘L-’ imwaħħal u integrat mal-kelma. Dan il-fenomenu fil-lingwistika jissejjaħ, agglutinazzjoni.
Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/
Jien dort dawra d-dizzjunarju Malti ta’ Joseph Aquilina (1987 – 1990) biex nara għall-kurżità kemm kapaċi nsib minn dawn il-kliem li żidnilhom l-artiklu ‘L-’. Mhux għax ridt nagħmel xi skoperta-bomba, imma ħsibt u rajt li din hi xi ħaġa li wieħed jista’ japprezza u jingosta meta jkun jaf biha. Biex nagħmilha aktar interessanti, fittixt fejn hemm bżonn l-oriġini tal-kelma kif kienet tinkiteb qabel u t-tifisra tagħha oriġinali filwaqt li qabbiltha mal-kelma kif nużawha llum. Bħal ma jiġri bosta drabi, mar-riċerka issib affarijiet oħra ta’ interess, bħal ngħidu aħna l-fattur storiku-soċjali marbut mal-kelma. Mela nispera li intom ukoll ser issibu dawn in-notamenti interessanti:
Kliem fejn żidna l-artiklu ’L-’
LABARDA Kelma li ġejja mit-Taljan alabarda. 1. Din hi tip ta’ lanza li kienet tintuża mis-seklu sittax sas-seklu tmintax. 2. Fil-kuntest tal-lum, l-istess kelma tirriferi għal dik il-parti ta’ fuq nett tal-arblu li miegħu jinżamm l-istandard tal-banda fil-marċ, li jkun fiha l-arma tas-soċjetà mużikali. LABARDIER / ALABARDIER. Mit-Taljan alabardiere. Suldat li jġorr u jgara l-lanza.
LABATIJA Mit-Taljan abbazia, kunvent tas-sorijiet. Biex ngħidu kollox, ġieli din il-kelma tkun ippronunzjata wkoll ABATIJA. Din tista’ tkun dar fejn jgħixu t-tfal iltiema, jew dawk li ġejjin minn familji foqra. Interessanti li wieħed jinnota li l-isem tar-rovini fir-Rabat, Malta, magħrufa bħala l-Abatija tad-Dejr, l-isem hu riptetut. Dan għaliex ‘dejr’ tfisser l-istess ħaġa bħal ‘abatija’, l-ewwel waħda ġejja mir-Romanz u tat-tieni ġejja mis-semitiku. Tal. abbazia.
Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/
LABTU Kelma li ġejja mit-Taljan abito. Ġieli nħossu li għandna nippronunzjaw laptu. It-tifsira tal-kelma tvarja minn: 1 Tunika mingħajr kmiem li tintlibes mill-patrijiet. Din tintlibes minn fuq ir-ras u tiddendel minn quddiem u minn wara qisha fardal twil. 2. Drapp maqtugħ kwadru jew rettangolari li jiddendel mal-għonq u li fuqu jkun hemm xbiha ta’ xi qaddis; bħal speċi ta’ domna tad-drapp. Il-labtu l-aktar magħruf hu dak li jintlibes imndendel madwar l-għonq, b’devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu biex tħarishom. Il-Kavallieri Gran Kruċ tal-Ordni ta’ San Ġwann, waqt xi ċerimonji solenni kienu jilbsu labtu f’forma ta’ strixxa sewda bil-bizzilla. Dan il-labtu kien ikollu wkoll xi ornamenti oħra, bħal pereżempju il-wiċċ ta’ Kristu, jew xi emblemi tal-Ordni. Sqal. l’abitu.
LAĊIS Aktar milli nom, dan hu speċi ta’ laqam għad-dgħajjes li fl-antik kienu jġorru l-irmied maħruq minn fuq il-bastimenti lejn l-art. Kelma li nħolqot fis-seklu dsatax mill-Maltin li kienu jagħmlu dan ix-xogħol għall-Ingliżi, għaliex l-etimoloġija ġejja mill-Ingliż ashes. B’hekk insibu, dgħajsa tal-laċis, il-ħofra tal-laċis, il-pjanċa tal-laċis. Imbagħad jekk bniedem kien ikun liebes b’mod żmattat u bi ħwejjeġ maħmuġin, dan kienu jgħajruh, ‘tal-laċis’.
LAĠĠU jew AĠĠJU Somma flus li kienet tinżamm bħala persentaġġ ta’ profitt mill-bank meta l-klient isarraf ċekk għal flus kontanti. Somma ta’ profitt miżjud bħala parti mill-ħlas li l-bejjiegħ jaqla’ meta l-klient jinnegozja miegħu fid-deheb. Kelma li ġejja mill-Isqalli aggiu, jew mit-Taljan. Skont it-Trecanni, din il-kelma tfisser hekk: In economia, termine usato dapprima per indicare la differenza tra il valore intrinseco e il valore estrinseco di una moneta metallica nel barattarla con altra o con moneta di carta. .
LAMANK / LIMANK Mit-Taljan almanco. Fl-antik kienet tingħad ħafna, bħal meta konna ngħidu, ‘limank jaħasra smajt minnu’ jew, ‘limank qaluli qabel’. Illum aktarx ngħidu, mank.
LARINĠA Kelma li ġejja mill-Isqalli arangia u mit-Taljan arancia. Oriġinarjament, l-isem ta’ din il-frotta ġej mis-Sanskrit nagaranġa, isem li x’aktarx kaxkruha magħhom l-Għarab mill-Indja. Biss, illum l-Għarab għal, ‘larinġa’, jużaw il-kelma burtuqal.
LAMPIK / LAMBIK Bit-Taljan din ukoll tibda bl-L: lampico, biss jista’ jkun li l-Maltin ħaduha mill-Għarab li ġew minn Sqallija għaliex, fl-Għarbi, l-L tal-bidu sservi fil-fatt bħala l-artiklu għal-kelma, ambiq – al ambiq. Għal min ma jafx il-lambik hu dak l-istrument li kellu l-oriġini tiegħu fis-seklu tnax – żmien l-Għarab f’Malta. Fost affarijiet oħra, fih tkun ipproċessata l-essenza tal-pjanti, fjuri u ħwawar biex minnhom joħroġ il-qtar ikkonċentrat ta’ dik il-pjanta. F’dan il-proċess ta’ tgħolija u kondensazzjoni isiru ħafna żjut li minnhom jipproduċu fwejjaħ, mediċini kif ukoll essenza tal-ikel bħal ma hu l-ilma żahar. Sqal. lambicu / Tal. lambicco / alambicco.
Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/
LAMTU Mit-Taljan amito. Sustanza li tinsab l-aktar fil-qmuħ, fil-patata u fil-fażola. Din tintuża biex issir ċerta mediċina, ikel, kolla u fwieħa. Il-lamtu kien jinxtara fil-forma ta’ kubi żgħar ta’ ftit ċentimetri. Dawn il-kubi tal-lamtu kienu jintefgħu fl-ilma biex jinħallu u b’hekk il-ħwejjeġ jassorbuh. B’hekk, meta d-drapp jitgħadda jsir riġidu jew kif ngħidu, illamtat. Figurattivament ngħidu, ‘Kemm hu bniedem illamtat!’ – riferenza għal xi ħadd li hu mqit u iebes biex iċedi għall-ideat u r-rieda ta’ ħaddieħor. Ing. starch. Tal. amito.
LANT Mill-Isqalli l’antu. Tintuża fil-frażi, ‘il-lant tax-xogħol’, l-ambjent jew post li hu proprjetà ta’ xi ħadd. Il-post fejn isir ix-xogħol. Nużaw din il-kelma fil-frażi, ‘dan mhux lant’, jiġifieri, mhux hekk għandu jsir ix-xogħol; ngħidu wkoll, ‘għamel lant’ – għamel profitt. Sqal. l’antu, il nome che i contadini chiamano il luogo over lavorano.
LANŻITA Mill-Isqalli la ‘nzita. Lat. lanositas: xagħar jew suf. 1. Xagħra dritta u wieqfa li tkun iebsa u tniggeż, bħal tal-ħanżir. 2. Leħja li tkun ilha ma titqaxxar għal bosta jiem u li għaldaqstant issir wieqfa u tniggeż. 3. Xagħar tal-ixkupa. 4. Fig. Mibegħda jew għira. Ngħidu, ‘Għandu kull lanżita għalih!’
LAPSI Mill-Grieg, Anale(m)psis – M. It-Tlugħ ’il fuq u r-riċeviment ta’ Kristu fis-sema. It-Tlugħ is-Sema ta’ Ġesù Kristu.
LARDU Mill-Isqalli lardu (l) ardu. Tal. lardo, xaħam. Fid-Damma A. de S. isejjaħlu ARDU, u jiddiskrivieh bħala, smin tal-ħanżir immellaħ. Fid-dizzjunarju ta’ F. Vella. (1831) insibu t-tifssira bl-Ingliż ta’ din il-kelma bħala, bacon. Joseph Aquilina jagħtiha, LARDU / ARDU, x-xaħam jew il-qtar tax-xaħam mil-laħam taċ-ċanga. Erin Srracino Inglott jagħtiha bħala ARDU u LARDINA li hi t-taħlita tax-xaħam u laħam.
LASTA Mit-Taljan asta, bastone sottile. Bil-Malti nkunu qed nirriferu għal xi lasta ta’ xkupa jew affarijiet oħra simili.
Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/
LAWŻAR / LAWŻIR Għ. awżar – M. toqol, oġġett tqil. Bejjiegħ tat-toroq, l-aktar dak li jbigħ il-pezez tad-drappijiet. Fl-antik dan ir-raġel kien iterraq fl-ibliet u l-irħula b’romblu tad-drappijiet fuq spallejh. Biex juri u jaqta’ d-drapp lix-xerrej il-bejjiegħ ma kellux ħaġa oħra ħlief li jifrex id-drapp fuq idejh. E.S.I. jgħid li l-kelma ‘liżar’ ġejja minn hawn.
LEMBUT Mit-Taljan imbuto. It-tifsira bit-Taljan hi preċiżament bħal dik tal-Malti.
LEXXUNA Sqal. l+asciuni 1. Tip ta’ mannara. 2. Għodda li taqta’, f’forma ta’ qaws li tintuża mill-mastrudaxxa biex iqatta’ l-injam li jkun qed jaħdem fuqu.
LHUDI Oriġ. Għ. jahudi. Fil-Malti l-ewwel ittra ‘L’ oriġinat bħala l-artiklu u biż-żmien saret parti integrali tal-kelma.
LINKA Mit-Tal. inchiostro. Oriġinarjament, mil-Latin encauston u mill-Griek egkauston…. li kien tip ta’ likwidu aħmar meħud mill-bekkum (Isem xjentifiku: Murex trunculus). Dan il-materjal kien jintuża biex minnu jipproduċu l-linka ħalli jiddisinjaw u jiktbu biha.
LIXKA / LISKA Sqal. l’isca / Tal. L’esca. Lixka / liska. 1. Kull tip ta’ biċċiet ta’ għalf, bħal ġobon, ħniex, gambli, ċkal eċċ., li jitqiegħed mas-sunnara fin-nases biex jattira u jinqabad il-ħut. Nużaw din il-kelma fl-espressjoni, ‘bela’ l-liska’ – ‘jew belagħha’ rif. għal xi ħadd li jkun waqa’ fin-nasba bi pjan maħsub. 2. LIXKA TAŻ-ŻNIED Ħjut ta’ ħaxix u sbul niexef li kien jintuża biex jitkebbes in-nar biż-żnied jew bil-kubrita. 3. ĦAXIXA TAL-LIXKA Tip ta’ pjanta. Is. xj. Phagnalon rupestre.
LOPPJU / OPPJU Mit-Taljan loppio iżda oriġ. Il-kelma bit-Tal. kienet oppio bħal fl-Ing. opium. Is. xj. Papavera soniferum. Sustanza li tintuża biex tmewwet is-sistema tan-nervituri waqt xi operazzjoni biex ma jinħasx l-uġigħ. Din il-pjanta hi magħrufa bħala s-sors tal-morfina li tittieħed minn ġol-boċċa tal-fjura.
LUZZU Kelma li ġejja mill-Isqalli guzzu (Tal. gozzo.) Fi Sqallija din hi dgħajsa tas-sajd li tintuża l-aktar biex jinqabad it-tonn. Fil-Nuovo Dizioario Siciliano-Italiano ta’ Vincenzo Mortillaro (1853) insibu hekk: barchetta colla quale i tonnaretti fanno la guardia sopra la rete detta il bordonaro, per osservare quando vengono i tonni. Fi Sqallija, biż-żmien il-konsonanti ‘g’ waqgħet u l-kelma saret uzzu. B’hekk f’Malta il-kelma daħlet fl-użu tagħha bħala uzzu u aħna waħħalnilha l-artiklu li biż-żmien sar parti integrali tal-kelma u l-isem spiċċa, luzzu.
Kliem li fejn neħħejnilhom l-‘L’ (jew deglutinazzjoni)
Issa niġu għal xi kliem ieħor li din id-darba neħħejnilu l-L minn fuq quddiem tal-kelma. Dan sar għax x’aktarx xi wħud bdew jaħsbu li din l-ittra kienet l-artiklu u mhux parti integrali mill-kelma. Jew nejja jew maħruqa. Pereżempju ta’ dan insemmi l-fatt li hawn min l-isem tal-mutur Lambretta jgħidlu, ambretta.
AJK Mit-Taljan laico. Bniedem b’vokazzjoni reliġjuża, biss mhux membru ma għandux l-Ordni Sagri tal-kleru. Il-fra li jgħix fil-komunità tal-patrijiet f’kunvent li ħafna drabi jkun qiegħed jaqdi l-ħtiġijiet tagħhom.
AWDEMJU Mill-Lat. Laudemium – M. rikonoxximent. Somma li tiswa l-ekwivalenti ta’ sena ċens, u li tingħata lil sid il-proprjetà meta jinbidel iċ-ċenswalist. L-għoti tal-awdemju mill-bidwi lil sid l-art hi użanza li ġejja minn żminijiet Medjevali. Il-kelma ‘(l)awdemju’ ġejja mil-Lat. laudemium – M. verb li jfisser ‘approva’. Illum din is-sistema spiċċat għax il-liġi teżiġi li biex il-awdemju jkun rikonoxxut irid jissemma espressament fil-kuntratt taċ-ċens, u jsir biss meta ż-żmien ikun aktar minn għoxrin sena.
TAĦWIED IEĦOR
LUPRAMENT 1. Kelma oħra għal ‘proprjament / proprja’ jew ‘eżatt bħal xi ħaġa oħra’. Ngħidu, ‘Luprament ħuh, kemm jixbhu!’ 2. Bi preċiżjoni. Din il-kelma niltaqgħu magħha fl-istorja ‘Lukarda u l-Għadd tan-Nies’, ta’ Temi Zammit: ‘[…] Jien luprament mhux Lukarda jisimni, imma Lutgarda.’ Sors: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 56.
LASKRI jew L-GĦASKARI ? Barra dawn l-eżempji li għandhom x’jaqsmu mal-artiklu ‘L-’, hemm kelma oħra li hi interessanti kemm storikament kif ukoll etimoloġikament. Din il-kelma tagħmel parti mill-idjoma ‘Wiċċ Laskri’. Bi probabbiltà kbira qed nagħmlu żball li qegħdin insemmu isem ta’ dan il-Gran Mastru fil-bata meta nirriferu għal xi bniedem imqit jew sever. L-analoġija hi żbaljata. Suppost iridu ngħidu, ‘Qisek wiċċ l-GĦASKRI’. Skont Erin Serracino Inglott u Joseph Aquilina, GĦASKRI hu aġġettiv li joħroġ min-nom, ‘għaskar’ li bil-Malti antik kien ifisser suldat, jew bniedem militari. Anki fl-Għarbi tal-lum, dan in-nom jirriferi għal suldat ġieli, ta’ razza sewda, jew serv mill-istess razza; xi ħadd li jintbagħat għall-ġlied. Meta ngħidu ‘qisek wiċċ l-għaskri’, inkunu wkoll qed nirriferu għal xi ħadd b’wiċċ imqit u sever, bħal pereżempju, uffiċjal jew suldat fl-armata li jrid jidher hekk. Bl-Għarbi, Għaskarija tfisser armata.
* * *
Sorsi biblijografi:
Agius de Soldanis, DAMMA Tal Kliem Kartacinis mxcerred fel Fomm tal Maltin u l Għaucin. Ed. Rosabel Carabott -Pubblikaturi varji. (2017).
Aquilina Joseph, Dizzjunarju Malti – Ingliż, Midsea Books Ltd. 1987 / 1990.M.
Brincat Joseph, Il-Malti, Elf Sena ta’ Storja, Pubblikazzjoni Indipendenza. (2006).
Mortillaro Vincenzo Dizonario Nuovo Siciliano – Italiano – Terza Edizione. Stamperia di Pietro Pensante, Palermo (1853).
Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin. 1974 / 1989.
* * *
Ikklikkja fuq waħda minn dawn l-ittri biex tidħol fil-paġni tal-Enċikopedija KliemuStorja …
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur – ikklikkja hawn:
https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/