Qwiel li fihom jissemma l-Milied

 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

Il-Milied kien u għadu punt ta’ riferenza għall-kalendarju ta’ bosta minna. Fl-antik meta l-ġranet ma kienux jingħaddu bin-numri iżda x’aktarx b’jiem partikolari, l-aktar il-festi tal-qaddisin, il-Milied kien importanti ħafna u għalhekk  jissemma b’diversi modi. Anki għall-bdiewa, Il-Milied ien dak il-jum fis-sena li miegħu kienu jorbtu d-drawwiet tagħhom u dan kienu jxerrduhom bejniethom  bi qwiel. Il-qawl la jindara u jkun aċċettat mill-poplu kien isir qisu regola li trid timxi magħha bilfors, għax jekk le, kien faċli li l-affarijiet imorru żmerċ. Kliem ix-xiħ żomm fih, jgħid il-Malti.

Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/

Hawn niżżilt lista ta’ qwiel li bosta minnhom sibthom fuq il-ktieb, Il-Qawl Iqul, ta’ J.S. Manduca u Ġ. Mifsud (1986).

Niżżilt ukoll xi idjomi li huma relatati mal-Milied.

  • Bejn il-Qala u l-Milied erfa’ l-moħriet minn ħalq il-wied – jiġ., bejn il-Kunċizzjoni tal-Qala u l-Milied mhux ta’ minn tħalli għodda fir-raba’ għax dawn qajla ser jintużaw. Jidher mill-isem tal-Qala li dan hu qawl li oriġina Għawdex.
  • Bħal dan il-qawl hemm ieħor: F’April u fil-Milied neħħi l-moħriet mill-wied – Skont dawn il-qwiel, ix-xogħol tal-ħrit li jsir mill-bdiewa ma jkunx għadu żmienu.
  • La jasal il-Milied erfa’ xkubettietek fuq il-farxa tal-bieb – dan il-qawl ifakkarna li fil-Milied il-passa tal-għasafar tkun għaddiet. Il-farxa ta’ fuq il-bieb hi dik it-tavla li ħafna drabi kont issib fuq il-bieb ta’ barra ġieli sserraħ fuq l-antiporta.
  • F’San Martin inkissru l-lewż, fil-Milied naqsmuh – jiġ., f’San Martin nieklu l-lewż, fil-Milied dan jinqasam fi kwantitàma’ meta l-familja mall-ikla tal-Milied.
  • Kemxejn simili għal dan il-qawl hemm ieħor: Fil-Milied il-lewż nasqmuh mal-bews.
  • F’Santa Katrina jibqgħalu xahar ġentili – dan ifisser li bejn il-festa ta’ Santa Katarina (25 ta’ Novembru u l-Milied, (25 ta’ Diċembru) hemm xahar preċiż bejniethom.
  • Fil-Milied nieklu tliet darbiet – B’dan il-qawl nifhmu li wara l-vġili (is-sawm) li qabel kien isir b’obbligu strett lejiet il-Milied, f’jum il-Milied wieħed seta’ jiekol aktar minn darba fl-istess jum.
  • Bħal dan il-qawl hemm dan li ġej: Min joħroġ fil-lejl tal-Milied irid jiekol tliet darbiet – parir li qiegħed jingħata biex wara s-sawm, matul il-jum tal-Milied wieħed jista’ jiekol kemm l-ikla ta’ filgħodu, dik ta’ nofsinhar u dik ta’ filgħaxija.
  • Il-Milied iġib il-ħelu – qawl sempliċi li jfakkarna kemm jittiekel ħelu f’jum il-Milied.
  • Il-Milied taż-żina, il-Għid tal-kċina –  jekk fil-Milied jagħmel temp tajjeb (iż-żina hawn tirriferi għall-okkażjoni meta wieħed jiddandan b’ilbis fin għal-okkażjoni – fl-Għid it-temp ikun ikrah. Dan hu qawl li jersaq ftit lejn it-twemmin superstizzjuż tal-irwiegel.
  • Meta l-Milied taħt il-bejt, l-Għid fuq il-bejt – Dan il-qawl hu kuntrarju għal ta’ qablu. Hawn l-għorrief qed ibassru li jekk  ix-xita tagħmel fil-Milied, wieħed jistenna li fl-Għid it-temp ikun bnazzi.
  • X’hin jasal il-Milied il-ħeġġa tax-xitwa tkun diġà bdiet – Minn hawn ’il quddiem il-bidwi jkun interessat fit-tbassir tat-temp biex irid jkun jista’ jagħmel pjanijiet u deċiżjonijiet f’waqthom għal dak li hu xogħol fir-raba’.
  • Meta jasal il-Milied l-omm timla l-platt bil-ftiet, u l-missier iqabbad iż-żnied – Il-Milied hu jum (jew żmien) ta’ meta wieħed jiekol tajjeb u ta’ serħan (fejn il-missier ikebbes il-pipa).
  • Mill-Milied ’il fuq iż-żmien jibda jagħti bil-buq – Mill-Milied ’il quddiem il-ħajja tkun iebsa għal dawk batuti. (buq hi kelma antika b’diversi tifsiriet, biss, ġeneralment, hi kelma li tirriferi għal oġġett li hu twil u vojt minn ġewwa, bħal tubu. F’dan il-każ il-kelma x’aktarx tirreferi għal xi qasba tal-kannamieli li setgħet tintuża biex isawtu biha).
  • Sal-Milied la bard u lanqas ksieħ.

Ikklikkja hawn biex tmur fuq il-homepage: https://kliemustorja.com/

Espressjoni fejn jissemma l-Milied

Ngħidu:  ‘Mill-Milied sa San Stiefnu’.  Espressjoni li tirriferi għall-ftehim jew arranġament, jew inkella it-tul ta’ żmien li jdum oġġett. Ngħidu, dawk it-tnejn damu jaħdmu flimkien mill-Milied sa San Stiefnu, jiġ., ma damux ma ġġieldu u separaw għax ma ftehmux.

Martin Morana

19 ta’ Diċembru 2020

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 

Aktar artikli mill-istess awtur  …  https://kliemustorja.com/

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s