A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
KULĦADD GĦAL XOGĦOLU
Termini ta’ ħaddiema tradizzjonali u x-xogħol tagħhom
Din hi lista ta’ nies mid-dinja tax-xogħol – nies tas-sengħa, professjonisti, artiġjana, u oħrajn li fl-antik, aktar mil-lum, kienu mfittxija għall-abiltà tagħhom biex jagħtu servizz f’qasam jew ieħor. Bosta minn dawn ma għadhomx jeżistu għax spiċċa żmienhom.
Fost in-nies ta’ ħidma tradizzjonali li jissemmew hemm xi wħud li llum jissejħu mod ieħor, bħal pereżempju, il-qabla li llum saret aktar magħrufa bħala majjistra jew midwife, tabib id-dbieb li llum sar magħruf bħala veterenarju, u r-regettier li sar magħruf bħala, antique dealer.
It-tifsiriet f’dan l-artiklu huma pjuttost imqassra. Dawn l-ismijiet jinsabu wkoll fil-paġni ta’ din il-website. Jekk tixtieq tkun taf aktar tajjeb li tikklikkja fuq l-ittra fejn tidher dik il-kelma partikulari fil-paġni tal-’Enċiklopedija’. https://kliemustorja.com/2019/02/26/test/
TERMINI
APPALTATUR * BALLATA * BARBIER * BASSAR * BEKKAMORT / BUKKAMORT * BIDILLU *
BUTTAR * ĊANĠIER * DAQQAQ * DEBBIEĦ * FUĦĦARI * FABIŻONJU * FAĦĦAL *
FAKKIN * FAKTOTUM / FAKTOTU * FELLIES * FUNTANIER * ĠABBAR/A * ĠANĠLATUR *
ĠARRIER (Ara: ĦAMALLU) * ĠIŻŻAR * GALOPPIN * GANDLAR * GARŻUN * GĦAĠĠIEN *
GROSSIST * GĦADDIELA * GĦAŻŻIEL/A * ĦADDAR * ĦAMALLU / PASTAŻ / FAKKIN /
ĠARRIER * ĦAŻNADAR * ĦUTTAB/A * INDURATUR * INĊIŻUR * KALDARAN * KALZRIER /
KARZRIER * KAPUMASTRU * KAPURJUN * KARDARAN * KATAPAN * KEFFIEN * KUĊĊIER *
KUNDUTTUR * KURDARA * KWAREŻIMALIST * LANDIER * LAWŻAR / LAWŻIR * LEGATUR *
MAĦMUL * MREDDGĦA * NAŻRIKA * NEWWIEĦA * PAĠĠATUR * PAKKETIST * PARRUKKIER
*PIŻATUR * PJANTUN * PJAZZIST * PURFUMATUR * QABLA * REGETTIER * RIBOKKATUR*
RUFFJAN/A * SAMSAR * SARRAĠ * SENNIEN * SENSAR * SILLAR * SPIŻJAR *
STAĊĊATUR * TABIB TAD-DBEJJEB * TAĦĦAN * TEBBIEĦ * TELLAR * TORĊMAN *
VEĠĠENT * VETTURIN * XEKKIEK * ŻEBBIEL *
TIFSIRIET
APPALTATUR Kuntrattur; negozjant li jbigħ b’kuntratt biex jaqdi l-bżonnijiet tal-bastimenti li jidħlu fil-port (Ing. ship-chandler). APPALT Kelma li norm. tintuża fil-frażi ‘kuntratt jew xogħol bl-appalt’, jiġ., xogħol b’kuntratt, jew bi ftehim għal proġett kbir, eż. bini ta’ xi stabbiliment, bħal lukanda eċċ.
BALLATA (Pl. kollettiv) Dawn kienu ħaddiema, fil-kwantità kbira tagħhom nisa, li kienu jballtu d-deffun biex bit-taħlita jinkesa l-bejt. Dan fiż-żmien meta l-kisi tal-bjut kien isir bit-torba (ara: TORBA). Il-ballata kienu jballtu d-deffun billi fost affarijiet oħra jużaw il-MARŻEBBA biex jillixxawh il-materjal f’livell wieħed.
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur: Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
BARBIER Sal-bidu tas-seklu għoxrin il-barbier ma kienx daqstant dak li jaqta’ x-xagħar, iżda kien dak li jqaxxar il-leħja u jagħmilha wkoll ta’ dentist. Dak li jaqta’ x-xagħar kien il-parrukkier, li kien ukoll dak li jbigħ il-parrokki. Il-ħanut tal-barbier kienu jsibuh bħala ‘l-ħanut tal-leħja’. Interessanti li fid-dinja Musulmana, il-barbier kien ukoll imqabbad jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni fuq it-tfal.
BASSAR / VEĠĠENT Wieħed li jaqra l-futur. Din il-kelma nsibuha fil-ħrafa ‘L-Erba’ Snajja’, li Patri Manwel Magri sama’ minn xi nies u li jirrakkontaha fil-ġabra tiegħu ta’ ħrejjef Maltin. Il-protagonist tal-ħrafa, żagħżugħ li telaq mid-dar biex ifittex ix-xogħol, jiltaqa’ ma’ klikka nies u jsaqsiehom, ‘X’inhi s-sena tagħkom?’… u dawk qalulu ‘Aħna bassarin’. Ara: Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ Mifsud Chircop, p. 52.
BEKKAMORT / BUKKAMORT Dak li jieħu ħsieb il-ġisem tal-mejjet u jippreparah għad-difna. Oriġ. Tal. Beccamorto. Skont il-folkor Taljan, il-beccamorto kien jaċċerta ruħu li l-persuna kienet verament mejta billi jigdmilha s-saba’ tas-sieq. Tal. beccamorto (beccare: tigdem + morto: mejjet).
BIDILLU Purtinar. Wieħed inkarigat jieħu ħsieb id-doveri relatati maż-żamma tal-binja, bħal skola jew każin. Idj: ‘Qisni l-bidillu ta’ kulħadd’ – jiġ., qisni wieħed imġiegħel innaddaf jew nirranġa dak kollu li hu ttraskurat minn ħaddieħor.
BUTTAR L-artiġjan li jaħdem il-btieti (pl. ta’ bettija).
ĊANĠIER Negozjant li jsarraf il-flus minn valuta għal oħra. Persuna li taħdem għal rasha f’dan ix-xogħol, jiġ., mhux impjegata f’bank, iżda fl-uffiċċju privat tagħha. Etim. prob. Tal. cangiare jew Fr. changeur.
DAQQAQ Wara li l-qoton ikun maħluġ (jiġ., mgħoddi mill-ĦALLAĠA), dan jittieħed għand id-daqqaq. Xogħol id-daqqaq kien li jinfex il-qoton (jagħmlu artab u miftuħ) bil-WATAR (speċi ta’ korda stirata mqabbda ma’ lasta). Il-lasta tkun imqabbda ma’ speċi ta’ qaws twil magħmul minn qasba tas-sajd b’saħħitha jew magħmula minn diversi qasab marbutin flimkien. Id-daqqaq idoqq iċ-ĊIEK (speċi ta’ martell) fuq il-watar li jitniżżel qalb il-munzell tal-qoton. Ma’ kull daqqa taċ-ċiek, il-watar jitriegħed bħal korda tal-kuntrabaxx u l-qoton ta’ miegħu jtir ’il barra u jinfirex. B’dan il-mod il-qoton ikun qiegħed jinfetaħ u jitpaħpaħ. Wara dan il-proċess il-qoton jinsilet f’ħajt irqieq fuq ir-raddiena. Ara: ĦALĠ, RADDIENA, SKOTTI.
FUĦĦARI Pl. Fuħħarin. Bniedem li jaħdem il-fuħħar. A. de S. (ċ. 1750 – 1767) jgħid li fi żmienu kont issib fuħħarin f’Birkirkara, il-Birgu u r-Rabat, Għawdex. Hu kien tal-fehma li l-aqwa fuħħarin kienu l-Għawdxin.
FABIŻONJO/U Fid-dinja tal-palk, din il-kelma tirrifieri għall-dak il-bniedem li jkun wara l-kwinti biex hekk kif ikun ser joħroġ l-attur inewwillu l-oġġett li għandu bżonn iżomm fuqu waqt ix-xena. (Ing. props), eż. ktieb, kappell, sikkina, maktur u affarijiet simili. Tal. fa bisogno.
FAĦĦAL Wieħed li jrabbi l-ifħla, jiġ., iż-żwiemel jew il-gniedes li jinżammu biss biex inisslu ir-razza.
FAKKIN (D.) A. de S. jgħid hekk: Bottegaio, erbaggio, venditore di legume, salame, cascio, sardi, tonnina e cose simile. E.S.I. jgħid li fl-antik dan kien dak li jagħmel xogħol tal-idejn ta’ kull tip, bħal ġarr ta’ affarijiet eċċ. Fi żmien aktar riċenti dan l-appellativ sar jirriferi għal bniedem tax-xatt, qaddej jew reffiegħ li jaħdem fil-port. Sors: E.S.I. Ara: ĦAMALLU.
FAKTOTU / FAKTOTUM Dak inkarigat minn kull tip ta’ xogħol u dmirijiet f’assoċjazzjoni jew klabb, bħal pereż., segretarju ta’ każin tal-banda, eċċ). Servjent li jiżżattat għal kollox u jindaħal anki f’xogħol ta’ ħaddieħor li ma jkunx imqabbad jagħmel. Lat. fac = M. tagħmel + totum = M. kollox.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
FELLIES Dak li jistampa l-muniti tal-flus fiz-zekka.
FUNTANIER Persuna li xogħolha kien li tieħu ħsieb il-funtani pubbliċi, biex dawn ikunu kontinwament nodfa u f’kundizzjoni tajba. Fi żminijiet aktar riċenti din il-kelma kienet tintuża għal dik il-persuna li kienet iddur id-djar taqra l-arloġġ tal-ilma. Sors: E.S.I.
ĠABBAR Raġel li jiġbor l-iskart ta’ ħaddieħor. Bniedem li jfittex u jiġbor oġġetti biex jeħodhom, isewwihom fejn hemm bżonn, u jużahom kif irid hu. Qawl: Il-mara ġabbara hi l-għana ta’ darha. Sors: E.S.I. u Damma.
ĠANĠLATUR Wieħed li jġonġi jew isewwi oġġetti tal-metall li jkunu miksura. Din il-kelma nsibuha fil-ħrafa orali ‘L-Erba’ Snajja’, waħda minn bosta li Patri Manwel Magri ġabar lejn l-aħħar snin tas-seklu dsatax. Il-protagonist tal-ħrafa, żagħżugħ li telgħaq mid-dar biex ifittex x-xogħol fi triqtu, ‘[…] iltaqa’ ma’ xirka ġanġlaturi u baqa’ sejjer magħhom […]’. Ara: Manwel Magri, Ħrejjef Missirijietna, Ġorġ Mifsud Chircop, p. 53.
ĠARRIER L-istess bħal ĦAMALLU.
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
ĠIŻŻAR Wieħed li jġiżż is-suf tan-nagħaġ. Fl-istess ħin dan seta’ wkoll ikun biċċier jew debbieħ, dak li joqtol l-annimal biex jbigħ il-laħam tiegħu. Fiċ-Ċittadella, Għawdex, kien hemm parti mis-swar magħrufa bħala ‘s-Sur tal-Ġiżżara’.
GALOPPIN Bniedem li jkun qed jgħin fil-propaganda ta’ kandidat politiku li joħroġ għall-elezzjoni. Oriġ. wieħed li kien iterraq minn dar għall-oħra ħalli jara kif jindihes ma’ dak u l-ieħor biex jaqla’ xi ħaġa tal-flus. Tal. galoppino. Ing. Canvasser. Sors: E.S.I.
GANDLAR Wieħed li jaħdem fix-xogħol tax-xama’. Bniedem li jbigħ ix-xama’ Ara: ĊERERIJA.
GARŻUN Kull min jagħmel ix-xogħol ta’ wejter. Servjent. Tfajjel li jservi f’ħanut. Sqal. garzun, final. Fr. garçon. Sors: Kalepin (1941). Fil-kummiedja,‘L-erba’ Rikkardi’, (1856) insibu hekk, ‘[…] Jien garżun fl-ispiżerija tas-sur Karlu […]’. It-Teatru Malti tas-seklu dsatax L-ewwel volum, p. 88.
GĦAĠĠIEN 1. Kull min jagħġen xi taħlita, bħal pereż., wieħed li jipprepara taħlita ta’ siment, ilma u xaħx, biex ikaħħal. 2. Wieħed tas-sengħa li xogħlu hu li jagħġen u jipprepara l-għaġina. Meta l-għaġina, tkun qagħdet, l-għaġġien joħroġha mill-mejjilla u jqattagħha f’porzjonijiet ta’ daqs wieħed bħala biex minnha jsir il-ħobż. Wara dan il-proċess ikun imiss lill-ĦABBIEŻ biex l-għaġina jagħtiha l-forma tal-ħobża kif suppost isir. Ara: ‘Il-Ħobż’ ta’ Cav. Carmel Bianchi, www.cittapinto.com.
GROSSIST Dak li jbigħ bil-GROSSA, jiġ., bejgħ bil-kwantità li l-imprenditur (il-bejjiegħ bl-ingrossa) ibigħ lil tal-ħanut.
GĦADDIELA Mara li xogħolha kien li tqaxxar il-pil minn fuq il-wiċċ tan-nisa. M.A.V. (1796) jiddeskriviha bħala maestra di lisciare. GĦADDEL v. Irtokka, naddaf b’mod li ġab l-oġġett sabiħ u kif għandu jkun. Sors ieħor: G.B.F. (1845).
GĦAŻŻIEL Dak li jagħżel – (dak li xogħlu hu fuq ir-raddiena jaħdem biex it-tajjar isir ħajt.)
Pubblikazzjonijiet tal-istess awtur: Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
ĦAMALLU / PASTAŻ / FAKKIN / ĠARRIER L-erba’ appellattivi jfissru l-istess ħaġa: raġel li xogħlu hu li jġorr oġġetti ta’ ċertu toqol minn post għall-ieħor. Il-kelma hammall tintuża wkoll fit-Turkija bl-istess tifsira. Anki bil-Grieg il-kelma hamalis tapplika wkoll kemm għal wieħed li jġorr il-bagoll kif ukoll għal persuna ta’ karattru baxx. It-toqol li jġorr il-ħammalu kienu jirriferu għalih bħala MAĦMUL. Biżżmien il-kelma ħamallu saret tirriferi għal xi ħadd vulgari – għax mid-dehra dawn il-ħamalli ma tantx kienu ta’ manjieri ħelwin. Ara: Dizionario Portatile, Maltese, Italiano, Inglese ta’ F. Vella, 1843.
ĦAŻNADAR Il-bniedem inkarigat biex jagħmel ix-xirjiet bżonjużi tad-dar. Bniedem li xogħlu kien li jagħmel il-qadjiet neċessarji, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajxien ta’ kuljum. Id-Dizionario Portatile (1843) jittraduċi din il-kelma mill-Malti hekk: Tal. Maestro di casa; Ing. steward. L-isem ‘ħażnadar’ ġej mill-ilsien Tork, titlu għall-uffiċjal (teżorier) li jieħu ħsieb il-ġid tal-palazz.
ĦUTTAB/A Persuna, raġel jew mara, li xogħolha kien li ssib is-sieħeb jew is-sieħba addattat/a lil dak jew dik li jixtiequ jiżżewġu. Il-ħuttaba kienet tinvestiga bir-reqqa il-karattru tal-persuna kif ukoll l-familja tagħha, biex tkun taf x’ħobż tiekol. Ta’ xogħolha il-ħuttaba kienet titħallas.
INĊIŻUR Ħaddiem tas-sengħa li jinċidi, jiġ., jonqox bl-iskalpell b’mod fin, disinji jew kitba fl-irħam, fil-ġebel, fl-injam u fil-metall. Dan hu xogħol simili għall-intaljar li jsir mill-INTALJATUR. Wara, ix-xquq maħduma mill-inċiżur, ġieli jkun mimli bi rħam jew materjal ieħor, u b’hekk isir xogħol tal-interzjar li jsebbaħ.
INDURATUR Wieħed li x-xogħlu hu li jsebbaħ l-oġġetti u għamara biż-żebgħa jew folji tad-deheb. Fost ix-xogħlijiet l-aktar maħduma minn dan l-artiġjan, wieħed jista’ jsemmi l-induratura tal-arloġġi tal-lira, jew inkella tal-gwarniċi u għamara oħra.
KALDARAN Artiġjan li jsewwi oġġetti tal-metall, kemm ram, bronż jew landa li jkollhom xi toqba fihom. LANDIER li jsewwi l-kaldaruni.
KAR(L)ZRIER Għassies tal-ħabsin.
Aktar artikli mill-istess awtur … https://kliemustorja.com/
KAPUMASTRU 1. L-imgħallem ewlieni fost il-bennejja, imqabbad mill-perit biex jissorvelja u jagħti d-direzzjonijiet lill-ħaddiema waqt ix-xogħol. Xi wħud minn dawn il-kapumastri kienu tant kapaċi fix-xogħol tal-ġebel u d-disinn tal-bini, li anke waslu biex għamluha kemm-Il darba ta’ periti. Fost dawn insibu lil Giovanni Attard (1570-1636), li ħadem fuq l-akwadott ta’ Wignacourt; Giovanni Barbara (1642-1728), li ddisinja l-knisja parrokkjali ta’ Ħal Lija, u Giovanni Bonavia (1671 – 1730), li ddisinja l-faċċata tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar. 2. Il-kapumastru seta’ wkoll ikun dak imħarreġ tajjeb fis-sengħa ta’ mastrudaxxa u dak responsabbli mill-bini tal-bastimenti.
KATAPAN Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kif ukoll fi żmien l-Ingliżi, xogħol il-katapan kien li jiġbor is-sisa jew it-taxxa, u li jaċċerta ruħu li l-istrummenti tal-użin tal-bejjiegħa kienu jaqblu fil-kejl ma’ dak uffiċċjali kif stabbilit mill-gvern. Sa żmien ilu, meta kien ikun hemm xi lment mix-xerrejja, l-uffiċjal ingarigat kien iqabbel il-miżien tal-bejjiegħ ma’ miżien li kien ikun hemm l-għassa tal-pulizija tal-lokalità. Idj. ‘Qiesu katapan!’ – tingħad għal xi ħadd li dejjem għandu x’jagħmel. Tal. accattare: M. tiġbor (ħlas dovut). Ara: PIŻATUR.
KEFFIEN Dak li jkeffen il-mejjet qabel ma jindifen.
KUĊĊIER Is-sewwieq tal-karozzin, kaless jew karozzella, eċċ. Sqal. cuccieri . Tal. cocchiere.
KUNDUTTUR Fi żmien meta l-karozzi tal-linja f’Malta kienu operati minn sidien individwali u mhux minn kumpanija waħda, il-kunduttur kien dak inkarigat li jbigħ il-biljetti lill-passiġġiera hekk kif dawn jitilgħu fuq il-karozza tal-linja. Kultant dan ix-xogħol kien isir minn xi ġuvnott, ħafna drabi xi neputi jew it-tifel tax-xufier stess. Dan ir-rwol baqa’ sa Frar tal-1979, meta mbagħad kien tneħħa l-obbligu li kull karozza tal-linja kien irid ikollha l-kunduttur tagħha.
KUNESTABLI Dan l-uffiċjal jissemma fid-dokumenti tas-seklu sittax u aktar tard, bħala l-bniedem responsabbli mit-tqassim tal-qamħ fir-raħal u l-madwar. Ħafna drabi jidher bl-appellattiv Tal. Conestabile, biss bil-Malti sibtha bosta drabi bħala, kunestabli. Fi żmien Mejdovali, il-kunestabli kien ikun magħżul mill-abitanti tal-lokal infushom u mill-kappillan, biex jirrappreżentahom fl-Università tal-Imdina Meta l-qamħ kien ikun impurtat mill-Università u mibgħut fl-irħula, dan l-uffiċjal kien jieħu l-inkarigu li jamministra t-tqassim hu. Biż-żmien il-kunestabli kellu wkoll l-obbligu li jara li tinżamm il-bonordni fil-belt jew raħal fejn kien jamministra. Matul il-pesta tal-1675-76, il-kunestabli kien inkarigat jissorvelja ż-żamma tal-regoli mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa biex irażżnu l-imxija tal-pesta. Fil-ktieb tiegħu L-Histoire de Malte, D. Miège (1841), jgħid li fi żmienu kull raħal kellu surġent u kunestabli assenjati biex iżommu l-bonordni. Ara: Society, Culture and Identity in Early Modern Malta ta’ Carmel Cassar, pp. 51, 52, 232; Il-Pesta tal-1675-76 ta’ Joseph Micallef (maqlub għall-Malti minn Joseph F. Grima).
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur … ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
KURDAR Artiġjan li jaħdem il-ħbula. Sal-aħħar tas-seklu għoxrin il-ħbula kienu neċessarji ħafna, l-aktar għall-użu fuq bastimenti li jaħdmu bil-qlugħ. Fil-Birgu hemm triq magħrufa bħala s-Sur tal-Kurdara, (illum Triq it-Torri ta’ San Ġwann) minħabba li hawn kien isir dan ix-xogħol. Il-ħbula jkunu mmaljati minn diversi spag tal-kittien biex dawn jingħaqdu f’ħabel ta’ ħxuna skont il-bżonn hekk kif il-kurdar idawwar bir-rota. F’nofs is-seklu tmintax, il-Birgu kien hemm daqs 140 kurdar, fl-Isla, 40 u f’Bormla, 20. Sqal. Curdaru. (Sors: Joseph Muscat – ‘ The Arsenal’ pp. 295-297, Birgu – A Maltese Maritime City, Vol. 2.) Ed. Lino Bugeja, Mario Buhagiar, Stanley Fiorini.
KWAREŻIMALIST Il-predikatur magħżul biex jagħmel il-prietki tar-Randan. Fl-antik, bosta drabi l-kwareżimalisti kienu jkunu barranin, l-aktar patrijiet Taljani, u kienu jinġiebu apposta Malta għal dan iż-żmien biex jagħmlu l-prietka tagħhom f’diversi knejjes.
LANDIER Wieħed li jsewwi oġġetti tal-landa. Fl-imgħoddi kien hawn diversi landiera li jżuru l-irħula u l-ibliet kull tant żmien, biex jagħmlu xogħol ta’ tiswijiet fuq oġġetti bħal borom u bramel tal-metall. Dan ix-xogħol kien isir fit-toroq, prattikament wara l-bieb ta’ djar in-nies, jew fil-kantuniera ta’ xi pjazza tar-raħal. Sqal. landa. Ara: KALDARAN u ĠANĠLATUR.
LAWŻAR / LAWŻIR Bejjiegħ tat-toroq, l-aktar dak li jbigħ il-pezez tad-drappijiet. Fl-antik dan ir-raġel kien iterraq fl-ibliet u l-irħula b’romblu bid-drappijiet mgeżżwra miegħu li kien iġorr fuq spallejh. Etim. Għ. awżar – M. toqol, oġġett tqil. E.S.I. jgħid li l-kelma ‘liżar’ ġejja minn din il-kelma.
LEGATUR Persuna li tillega l-kotba. LEGATURA Ix-xogħol li jsir biex il-paġni ta’ pubblikazzjoni jinħietu jew ikunu nkullati, magħquda flimkien u fl-aħħar titwaħħal il-qoxra tal-ktieb. Ara: TBIGĦ. Tal. legatore.
MREDDGĦA Mara li kienet tkun imqabbda biex tredda’ t-trabi. Ing. wet-nurse.
NAŻIKA Bniedem li kien ikun inkarigat mid-dfien ta’ nies foqra. Sors: E.S.I. Etim. dubjuża – biss jista jkun ġejja mit-Tal. nasuto. Ara: BEKKAMORT.
NEWWIEĦA 1. Imsejħa wkoll ‘bekkejja’ li sas-seklu 18, kienu jitqabbdu biex jakkumpanjaw il-mejjet u l-qraba waqt il-funeral. A. de S. jgħid illi din l-użanza ma baqgħetx issir aktar fi żmienu (1712 – 1770). 2. Il-qanpiena li ddoqq moti ta’ dieqa. Ara: Ara: Gozo Ancient and Modern Religious and Profane, ta’ Alexander Bonnici, p. 143; Studies in Maltese Foklore, ta’ Joseph Cassar Pullicino, pp. 51-52.
PAKKETTIST Bniedem li jagħmel il-bużulotti, buffu jew ċajtier, anki fil-mod ta’ kif jimxi u jiżżegleg. Sors: E.S.I.
PARRUKKIER Kelma li fl-antik kienet tirriferi mhux biss għall-barbier iżda wkoll għall-persuna li kienet tbigħ il-parrokki. Din il-kelma ġejja minn pelluchiere, jiġ., dak li jinnegozja fil-parrokki. G. B. Falzon (1845) jgħid li fi żmienu l-parrukkier kien ukoll iqaxxar il-leħja.
PASTAŻ Ara: ĦAMALLU Qawl: ‘Min jerfa’ qoftu mhux pastaż’ – jiġ., dak il-bniedem li jġġorr oġġett li hu tiegħu mhux neċessarjament qed jagħmel għaliex dan hu xogħlu.
PIŻATUR L-uffiċjali inkarigat biex jaċċerta li l-għodda tal-użin użati f’kull tip ta’ kummerċ jiffunzjonaw tajjeb u skont il-kriterji stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti. Il-piżatur kien ukoll dak li jiżen l-oġġetti tal-ikel jew merkanzija oħra fid-dwana. Fi żmien l-Ordni, dan l-uffiċjal kien imsejjaħ, KATAPAN, mit-Taljan accatapani.
PJANTUN Suldat jew pulizija tal-għassa. Laqam jew rif. għal xi pulizija li jkun stazzjonat f’post partikulari mingħajr ma jitħarrek. Sqal. piantuni, il soldato in sentinella.
PJAZZIST Il-bniedem imqabbad min-neguzjant/i biex idur il-bejjiegħa tal-imnut u jbegħilhom il-prodotti bl-ingrossa.
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
PURFUMATUR / PROFUMATUR Il-bniedem responsabbli, f’każ ta’ mxija tal-pesta kien jiddisinfetta l-postijiet fejn kien jinstab li hemm xi mard li jittieħed. A. de S. jgħid li l-pesta tal-1675-76 kienet eliminata għal kollox meta kienu ġew numru ta’ profumaturi minn Marsilja u ddiżinfettaw id-djar, bil-ħwejjeġ u n-nies b’kollox. Sors: Gozo – Ancient and Modern Religious and Profane, p. 148.
QABLA Majjistra.
REGETTIER / RIGATTIER Bejjiegħ li jixtri u jbigħ affarijiet użati u qodma, bħal għamara jew raċanċ u remiżolji ta’ kull tip. Illum naqsu ħafna dawn il-bejjiegħa li jbigħu mid-djar, garaxxijiet, kmamar jew btieħi tagħhom. Biss preżentement għadek tara minnhom kull nhar ta’ Ħadd f’ċerti swieq tat-toroq, eż., kull nhar ta’ Ħadd fil-grawnd tal-Fortini, il-Birgu, jew fir-Razzett tal-Inspire, Wied il-Għajn. Tal. rigattiere.
RIBOKKATUR Fi żmien l-Ordni, dan kien il-bniedem inkarigat li jieħu ħsieb il-kamra mortwarja fl-isptar tas-Sagra Infermerija. Xogħlu kien li wara xi operazzjoni jew awtopsja, jerġa’ jqiegħed l-organi tal-ġisem f’posthom u jħit il-feriti, eċċ. Tal. rimboccare – M. v. deffes xi ħaġa ’l ġewwa.
RUFFJAN 1. Bniedem ta’ karattru ħażin jew ta’ qattani. 2. RUFFJANA Mara li tqaħħab lin-nisa billi tagħmilha ta‘ medjatur mall-klijent imbagħad taqsam fil-qliegħ. Idj: ‘Qishom il-qaħba u r-ruffjana’. 3. Xi ħadd li jagħmilha ta’ medjatur. Fig. wieħed li jkollu jbaxxi rasu għal kollox. Ngħidu, ‘mela jien ir-ruffjan tiegħek!’
SAMSAR / SENSAL / SENSAR Bniedem li jagħmilha ta’ intermedjarju bejn il-bejjiegħ u x-xerrej. Bniedem li n-nies imorru għandu biex jitkixxfu x’bejgħ hemm fis-suq, l-aktar fil-proprjetà.
SARRAĠ u / jew SILLAR Dak li jaħdem jew ibigħ is-sruġ (pl. ta’ SARĠ).
SENNIEN Wieħed li xogħlu hu li jsennen is-skieken u għodda bix-xafra. Is-sennien kien idur bil-magna tas-sinn fuq karettun, minn raħal għall-ieħor, b’mod regolari. Hekk kif iwaqqaf il-karettun f’xi pjazza jew triq, in-nies kienu joħorġu bl-għodod tagħhom biex is-sennien jieħu ħsieb jerġa’ jġib ix-xafra tal-għodda f’kundizzjoni tajba u li taqta’.
SPIŻJAR L-ispiżjar fl-antik kien dak li jipprepara u jbigħ il-ħwawar u l-ħxejjex aromatiċi, fost affarijiet oħra, bħala mediċina. Kelma li ġejja mit-Taljan spezie, jiġ., ħwawar. Fis-seklu ħmistax l-ispeziale kien magħruf ukoll bħala l-aromatore jew l-apotecario. L-ewwel apotekarju Malti li nafu bih kien Ġlormu Callus, li kien jopera kemm fl-Imdina kif ukoll fl-Isptar Santo Spirito, ir-Rabat. Fi żmien l-Ordni, kien hemm bżonn il-permess mingħand il-Protomedico biex tiftaħ spiżerija. Fi żmien l-Ingliżi dan il-permess kien jingħata miċ-Chief Medical Officer, li kien maħtur mill-Gvernatur. Ara: PROTOMEDICO u SEWWA FLIXKUN; LAMPIK, MAJOLIKA. Ara: Ħxejjex Mediċinali Maltin ta’ Guido Lanfranco. Ikklikkja hawn biex taqra dwar l-artiklu ‘PJANTI MEDIĊINALI’.
STAĊĊATUR Piżatur tal-oġġetti bħal qamħ, ġwież u merċa. Assessur li jaħdem f’dan il-qasam fid-dwana jew fil-pitkalija. Tal. staccatore setacciare, esaminare con minuzia. Sors: E.S.I.
TABIB TAD-DBEJJEB Tabib li jikkura l-annimali. Veterenarju. (D) Medico degli animali.
TAĦĦAN Dak li jitħan il-qamħ fil-mitħna.
TEBBIEĦ Bniedem li jitboħ. Kok. Tebbieħa hi l-kuċiniera.
TELLAR Wieħed li xogħlu hu li jtella’ u jirranġa d-daqqiet fuq il-vetturi. Nistgħu ngħidu li dan hu l-aktar xogħol artiġjanali riċenti li żviluppa b’mod individwali fl-aħħar deċenji, fi żmien meta kull tip ta’ xogħol ieħor isir kważi dejjem bil-magni. Ing. Panel-beater.
TORĊMAN Interpretu li jintermedja biex ifiehem diskors barrani bejn nies ta’ ilsna differenti. Oriġ. mill-Għarbi, torġman. Sors: V.B. (1900) u E.S.I.
VEĠĠENT Ara: BASSAR.
VELIER Dak li jagħmel jew isewwi l-qlugħ.
VETTURIN Sewwieq ta’ karozzin jew ta’ vetturi oħra. Kuċċier.
XEKKIEK Ħajjat tal-imtieraħ. Mill-verb xekkek. v. Taqqab b’imsella; xogħol li jsir meta wieħed ikun irid iwaħħal in-naħa ta’ fuq man-naħa t’isfel tas-saqqu biex il-mili ta’ ġewwa ma joħroġx. XEKKIEKA F. Vella (1843) jagħtiha bħala Tal. Trapunto u bl-Ing. quilt.
ŻEBBIEL Dak li jiġbor iż-żibel. (F. Vella 1843).
ŻMARRATUR Raġel tas-sengħa li jaħdem fil-barriera li xogħlu hu dak li jillixxa l-ġebla li tkun għadha kemm inqatgħet. Sqal. smarrari di grossare coll’ascia. Sorsi oħra: E.S.I. u J.A.
* * *
Pubblikazzjonijiet oħra tal-istess awtur: Ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Artikli / blogs oħra f’din il-website: Ikklikkja hawn : https://kliemustorja.com/blog/
A* B* Ċ* C* D* E* F*
Ġ* G* GĦ* H* Ħ* I* J* K*
L* M* N* O* P* Q* R* S*
T* U* V* W* X* Ż* Z*
‘Ajjut ….!’ … ‘Help …!’
Il-hanut ta’ Piju l-Kurrier jew ir-Regettier fi Pjazza Savina Ghawdex
LikeLike