Il-ĦOBŻA MALTIJA

 

F’Diċembru tal-2020, ħarġet l-aħbar li l-ftira Maltija ġiet mogħtija rikonoxximent mill-UNESCO bħala, ‘Wirt Kulturali intanġibbli Dinji tal-Umanità’. B’dan nifhmu li din l-ikla Maltija issa għandha ġieħ xieraq u hi apprezzata mad-dinja kollha; l-istess bħat-Taljani li fl-2017, ingħataw unur simili għall-Pizza Napoletana. B’dan l-unur issa l-Maltin mhux biss għandhom ikunu kburin, iżda qed iġorru r-responsabbiltà biex dan il-wirt Malti jinżamm fil-kwalità tradizzjonali tiegħu u ma jinbidilx jew jinqered.

ftira 10115_110208

Meta qrajt din l-aħbar ħadt gost immens. Biss, ħsibt bejni u bejn ruħi, għaliex kellha tkun il-ftira Maltija li tieħu dan l-unur, u mhux il-ħobża Maltija – dik li meta tkun imsajra kif suppost ikollha l-qoxra ta’ barra sabiħa, imbaskta u tqarmeċ u l-lbieba tagħha ta’ tjubija kbira. Wara kollox il-Maltin imdorrijin jieklu aktar din il-ħobża tradizzjonali milli l-ftira. Il-ħobża Maltija rriduha fuq il-mejda tista’ tgħid kuljum ma’ kull ikla. Hi l-ikla bażika li l-omm kienet tipprepara, imħawra biż-żejt u t-tadam u mimlija bil-kumpanaġġi biex niħduha magħna l-iskola u nikluha bejn il-lezzjonijiet, fil-brejk!

 Kultant nagħtu tort lill-ħobża Maltija għax qed niħxienu żżejjed, biss dan mhux tort tagħha miskina, iżda x’aktarx tort tal-kumpanaġġi li ndeffsu fiha bl-addoġġ, bħal ħafna butir, ġobon u x’naf jien, kollha ingredjenti li jħaxxnu. B’dawn il-ħsibijiet f’moħħi qbadt infittex biex nara x’nista’ nsib ta’ interess dwar it-tradizzjonijiet u l-istorja tal-ħobż Malti.

hobza mal-bieb py 2Intant, nissuspetta li l-ħobża Maltija bil-mod il-mod qiegħda x’aktarx tingħata kemxejn il-ġenb. Il-fatt li l-bejjiegħa tal-ħobż ma għadhomx spissi daqs qabel iduru mat-toroq bil-van ibigħu l-ħobż triq triq, biex il-mara tad-dar toħroġ minn darha kif tisma l-ħoss insidjuż tal-ħorn u tersaq lejn il-kaxxa tal-vann ma’ xi nofs tużżana nisa oħra bil-ġewlaq f’idhom, biex tixtri l-ħobż. Kemm kienu joqgħodu attenti li jingħataw ħobż bil-qies – jekk mhux ħobża tar-ratal (800 gramma), kienu jixtru dik tan-nofs artal (400 gramma). Jekk l-użin tal-ħobża ma jwassalx, il-bejjiegħ kien iżid ġonta biex l-użin ikun sew. Hawn il-ħobża tingħata l-attenzjoni tagħha mija fil-mija. Minflokk, illum ħafna qed nixtru l-ħobż mis-supermarkets, fejn il-ħobża Maltija ma tinbiħx waħidha, iżda qed ikollha tikkompeti għall-attenzjoni ma’ ħobż ieħor ta’ kwalitajiet differenti. kultant fuq l-istess xkaffa. 

 

Il-tradizzjoni tal-ħobż Malti

Fit-talba tal-’Missierna’, forsi l-aktar talba popolari tagħna l-Insara, ngħidu: ‘Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum …’ Għax kien għal dan l-ikel bażiku l-aktar li konna nitolbu. Meta l-Maltin ta’ dari kienu jaħdmu xi xogħol, l-aktar fl-għelieqi, bosta drabi kienu jitħallsu bil-qamħ jew bix-xgħir biex dan jiħduh magħhom id-dar, u jaħdmuh u jagħġnuh f’ħobż. Dawk impjegati mal-Ordni ta’ San Ġwann kemm-il darba kienu jitħallsu parzjalment bil-ħobż u parzjalment bi flus. Dan ifakkarni fl-espressjoni Ingliża, breadwinner, il-bniedem li jaqla’ flusu għall-familja; imma dawn il-ħaddiema kienu bread winners fil-veru sens tal-kelma. Imbagħad kien hemm dawk li jew għax xjaħu jew inkella għax mitilhom ir-raġel l-Ordni kien jagħtihom daqs ħobża kuljum biex ikollom biex jitrejqu.

Ommi, waqt l-ikel kienet tħeġġiġna, ‘Kulu bil-ħobż għax mingħajru ma tixbgħux’, biex nintlew, għax jekk le, ta’ tfal li konna malajr konna nitolbu għall-aktar ikel li ħafna drabi ma kienx ikun hemm biżżejjed. Inkella kif kienet ser tifdi l-flus sa ma jasal il-Ġimgħa meta l-missier jerġa’ jgħaddilha l-paga? Fost l-ikel, il-ħobż kien l-irħas, u jimlilek l-istonku, waqt li jagħtik l-enerġija.

Bħal ħafna ħobż ieħor fid-dinja, il-ħobż Malti hu magħmul minn tliet ingredjenti bażiċi, jiġifieri, id-dqiq, l-ilma, u l-melħ. Biex it-taħlita togħla hemm bżonn il-ħmira – jekk mhux it-tinsila mill-għaġna tal-jum ta’ qabel. Biss mhux dejjem kien hekk. Kien hemm u għad hemm varjazzjonijiet tal-ħobż Malti. Matul iż-żminijiet il-ħobż Malti mbidel fl-ingredjenti tiegħu kemm-il darba. Nibda biex ngħid li ċertament, kull poplu li ħakem lil Malta introduċa riċetti differenti u modi ġodda tat-tisjir, skont kif kien jippreferi u mdorri f’pajjiżu. Ċert li l-Maltin kienu influwenzati minn dawn it-tradizzjonijiet barranin. Imbagħad kollox kien jorbot mall-qamħ li kont issib fis-suq. Apparti minn hekk, żgur li t-tip ta’ forn li jintuża jagħmel differenza fit-tisjir u t-togħma. Kulħadd jgħidlek li l-forn tal-ġebel jagħti togħma aħjar lill-ħobż mill-forn tal-elettriku.

mqabba mithna

Fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, il-qamħ li jitkabbar f’Malta qatt ma kien biżżejjed biex jitma’ l-poplu. Kwantitajiet kbar ta’ l-qamħ kienu jkunu impurtati regolarment minn Sqallija. Kien id-dover l-Universitas, jiġifieri, l-amministrazzjoni lokali, li kienet inkarigata li timporta l-qamħ, biex ma jkunx hawn il-ġuħ. Dan il-qamħ imbagħad kien jinħażen fil-fosos. Fil-lingwaġġ tagħna għadna ngħidu, ‘Malta qatt ma rrifjutat qamħ’, meta rridu nfissru li ċerti affarijiet huma assolutament essenzjali biex insostnuna.

Florianagrabja fuq il fosos

Fi żmien l-Ingliżi, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess. Dr John Hennen, tabib li kien għamel xi tliet snin f’Malta (1821-1823) biex jistudja s-sitwazzjoni tas-saħħa fost it-truppi Ingliżi u l-Maltin, jgħid li l-qamħ li kien jitkabbar f’Malta ma kienx iservi aktar minn erba’ xhur. Jgħid ukoll li t-truppi stazzjonati f’Malta kienu jixtru l-ħobż tagħhom mill-ifran Ingliżi għax dan kien aqwa fit-togħma mill-ħobż Malti. Il-Maltin kienu jikkunsmaw l-aktar dqiq maħlut. Hennen jgħid li l-qamħ li kien ikun merfugħ fil-fosos, bħal dawk tal-Belt u l-Furjana, kien jinkines mill-art biex miegħu titħallat in-nuħħala – dan kien ikun il-frak tal-qoxra tal-qamħ (Ingliż: bran). Dan il-metodu Hennen isejjaħlu, frumentanza. Il-qamħ impurtat issa beda jiġi mir-reġjun tal-Baħar l-Iswed jew inkella mill-Eġittu.

Digital StillCameraIntant, għal ħafna żmien, il-qamħ kien normalment jitħallat max-xgħir. Ix-xgħir u l-qamħ kienu miżrugħa fl-istess żmien, jiġifieri f’Novembru, apposta. Biss, ix-xgħir kien jinħasad f’Mejju u l-qamħ fil-bidu ta’ Ġunju. D. Miège fil-ktieb tiegħu, Histoire de Malte (1840) jgħid li għalkemm it-tnejn kienu jġibu l-istess prezz, ix-xgħir kien jinżara fl-istess għalqa mal-qamħ għax billi hu aktar b’saħħtu kien jipproteġi s-sbula tal-qamħa kontra l-irjieħ tan-Nofsinhar. It-taħlit tal-qamħ max-xgħir jipproduċi dak li jgħidulu l-maħlut, jew mischiato. Kien dqiq samrani u aktar iebes biex tiddiġerieh. Għalkemm fit-togħma ma kienx tajjeb daqs il-qamħ abjad, din it-taħlita kienet tagħmel il-ħobż aktar nutrijenti.

Wara li jixtru d-dqiq mingħand it-taħħan, in-nies kienu normalment jagħġnu l-ħobż huma stess f’darhom. Din l-użanza baqgħet sa ftit ġenerazzjonijiet ilu. Kienu jagħmlu biżżejjed ħobż biex iservihom għal ġimgħa sħiħa – sa ġimgħa il-ħobż kien iżomm. Meta l-għaġina tinħadem u tingħata l-forma tagħha, in-nies kienet tmur għand il-furnar biex dan isajjar il-ħobż tagħhom fil-forn flimkien mal-ħobż ieħor li l-parruċana tiegħu jkunu ġabu. Il-ħlas ta’ dan is-servizz tal-furnar mhux dejjem kien fi flus. Ġieli l-klijenti kienu jieħdu l-ħatab jew ix-xewk magħhom, skont xi jsibu, biex dan jagħtuh lill-furnar bħala ħlas. Naturalment, il-furnar kienu juża dan biex ikollu biex iqabbad il-forn. (Ir-ritratt juri diarama ta’ xena f’forn tipiku Malti). Ħajr: Nenu, The Artisan Baker Restaurant, 143, Triq San Duminku, il-Belt Valletta).

hobz il-forn74

Fl-irħula u l-ibliet kien hemm normalment, aktar minn furnar wieħed, skont il-kobor tal-lokalità. L-akbar numru ta’ ifran f’lokalità waħda kien f’Ħal Qormi. Fis-seklu tmintax kien hemm għaxart ifran, waqt li fl-irħula u l-ibliet l-oħra kont issib ħafna anqas, bosta drabi wieħed jew tnejn biss. Mhux ta’ b’xejn li dan ir-raħal sar magħruf bħala Casal Fornaro. Sa ftit ilu din il-lokalità kellha sa 40 forn. Dawn mhux biss kienu jservu lill- Qrima iżda spiċċaw wkoll ibigħu fl-ibliet u l-irħula tal-madwar. Għajta komuni li kont tisma’ f’ħafna toroq kienet, ‘tal-Qormi l-ħobż!’, bħallikieku l-ħobż tal-ifran ta’ Ħal Qormi kien l-aħjar fit-togħma tiegħu.

Xi darba, il-ħobż kien ikkunsidrat kważi sagru – għaliex dan kien jirrapprapreżenta ‘il-Ġisem ta’ Kristu’ – offrut fl-Aħħar Ċena. Kien hemm żmien li l-ħobż ma kontx tarmih fil-landa taż-żibel, għax dan l-att kien meqjus bħala ħram. Jekk taqagħlek biċċa ħobż minn idek fit-triq u ridt tarmiha għax maħmuġa, din kont issibilha xaqq fil-ħajt u tinfilsaha hemm, bħala rispett. L-istess jagħmlu l-Lhud meta jkollhom xi biċċa karta li jridu jarmuha, għax għalihom il-karta tirrappreżenta l-Iskrittura.

Matul is-sekli f’Malta kien jinħadem diversi tipi ta’ ħobż. Dan kien jingħata isem jew laqam differenti skont il-kwalitajiet tiegħu. Hekk insibu:

ĦOBŻ Tal-PTANZA:  Fi żmien l-Ordni, dan kien ħobż ta’ kwalità inferjuri li kien jitqassam lill-foqra min-nisa – imsejħa pitanziere – li kienu jaħdmu fis-Sacra Infermeria – ptanza ġejja minn pietanza – li tfisser karità (qabbel ukoll il-kelma mal-kelma Ingliża, pittance).

ĦOBŻ ta’ RODU    Dan ukoll kien ħobż tal-karità li kien jitqassam lill-foqra fi żmien l-Ordni.

ĦOBŻ tal-KEXXUN    Dan il-ħobż kien jitħallat bix-xgħir u għalhekk kien jissejjaħ ukoll ħobż tax-xgħir, jew ħobż tal-birra. Sa żmien ilu dan kien ikollu l-forma ta’ kaxxa (oblong) jew kexxun, forsi għax kien anki jitqiegħed ġo kexxun, [għalkemm jien għandi d-dubji tiegħi jekk dan hux minnu].

ĦOBŻ tal-FRANĊIŻ jew ĦOBŻ FRANĊIŻ    Ħafna mill-Maltin isibuh bħala fancy bread. Iltqajt ma’ din il-frażi jien u naqra skeċċ komiku, ‘Il-Kuġin’, miktub fl-1863 minn Carmelo Camilleri. F’din il-farsa, Toni jkun offrut biskuttell mal-kafè, u hu minflok, xtaq u saqsa għall-ħobż Franċiż. Jekk nieħdu dan il-kliem fil-kuntest tas-sitwazzjoni, bħala fatt li kien minnu, allura għandna nifhmu li dan kien tip ta’ ħobż li jittiekel mal-kafè bħal ma kien il-biskuttell.

ĦOBŻ ta’ SANT’ANTNIN   Dawn kienu jkunu ħbejżiet tondi li kienu jitqassmu lill-morda biex dawn bħallikieku meta jikluh ifiequ minn dak li għandhom.

ĦOBŻ ta’ SAN BLAS   Ħbejżiet żgħar daqs il-lewż li kienu jitqassmu lid-devoti wara li dawn ibusu r-relikwja ta’ San Blas fil-knisja ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

ĦOBŻ TA’ SAN NIKOLA    Ħbejżiet żgħar li kienu jitqassmu lin-nies biex jitħarsu mill-maltempati.

ĦOBŻ AŻŻMU    Dan il-ħobż isir mingħajr ħmira, ikun ċatt qisu ftira, bħall-ħobż li kien jittiekel mil-Lhud fil-festa tal-Għid.

AZZMU - Copy

 

Espressjonijiet:

‘Min jaf dak (il-bniedem) x’ħobż jiekol?’ – kumment li jingħad meta wieħed ikun irid jaf dak li jkun x’tip ta’ karattru hu, u mil-liema klassi tas-soċjetà ġej. Din tingħad għaliex kienet ħaġa magħrufa li s-sinjuri kienu jieklu l-ħobż magħmul mid-dqiq fin u abjad waqt li dawk fqar u tal-klassi ‘l-baxxa kienu jieklu ħobż maħlut u iswed għax kien irħas.

Ngħidu, ‘fik il-ħobż ħej!’ Rimarka li tingħad b’mod ironiku, pereżempju, meta xi ħadd jitlob lil xi ħadd għal xi flus. Jiġifieri, min jgħid hekk, x’aktarx jew qiegħed iwaqqa’ għaċ-ċajt lil dak li jrid il-flus mingħandu; inkella jaf dak li jgħidha jaf li fin-negozju ma’ dak li jkun ser imur minn taħt.

Qwiel

  • Il-ħobż tax-xgħir hu għasel fost il-fqir. (Fl-antik il-ħobż tax-xgħir kien magħdud bħala ħobż tal-foqra). (sors: Agius de Soldanis 1767. u Mikiel Anton Vassalli, 1828)
  • Forn li ma jagħlaqx biebu ma jsajjarx ħobżu. (A. de S. u M.A.V.)
  • Aħjar ħobża sewda fl-art milli bajda ta’ fuq il-baħar.
  • Il-ħobż agħtih lil min jaf jieklu (M.A.V.)
  • Ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus. (M.A.V.). Il-bniedem li għandu kollox jiġi jitmellaħ minn kulħadd.

—–

Hemm ħjiel li dawk li stinkaw biex il-ftira Maltija tieħu l-istatus ta’ Wirt tal-Umanità issa qed jaħdmu biex il-ħobża Maltija takkwista dan l-unur ukoll. Biss, biex isir dan hemm bżonn ir-rieda tal-poplu billi meta jmur jixtri, jinsisti għall-ħobża ġenwina. L-għarfien u l-insistenza tal-awtoritajiet hu importanti biex dawn joħolqu regoli stretti maħsuba biex jipproteġu l-kwalitajiet bnini u nutrittivi tal-ħobża Maltija.

Martin Morana

15.01.2021

Ritratt tat-titlu tal-artiklu: Awtorità Maltija tat-Turiżmu

Bread (17)

 

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *
Sorsi ta’ Informazzjoni 

Aquilina Joseph, Dizzjunarju Malti - Ingliż. (1987 - 1990).

Cassar Carmel, ‘Popular Perceptions and Values in Hospitaller Malta’. Hospitaller Malta 1530 - 1798, Mallia Milanes Victor, Ed. Mireva Publications, 1993.

Galea Marco, Sors: It-Teatru tas-Seklu Dsatax, It-tieni volum, Mireva Publications, 1997.

Gambin Kenneth u Buttigieg Noel, Storja tal-Kultura ta’ l-Ikel, Pubblikazzjoni Indipendenza, 2003.

Gatt Ġużi, Qiegħda Fuq il-Ponta ta’ Lsieni, Klabb Kotba Maltin. 2015.

Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean. Thomas & John Underwood. 1830.

Lanfranco Guido, ‘Dwar il-Ħobż Malti’, Folklor. Klabb Kotba Maltin. 2004.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem Malti. Klabb Kotba Maltin, (1974 - 1989).

Hajr lil Noel Buttigieg tal-informazzjoni dwar l-istatus tal-ftira Maltija.

Ara: 'Maltese Ftira added to UNESCO’s intangible heritage', Times of Malta, December 16, 2020.

https://timesofmalta.com/articles/view/maltese-ftira-added-to-unescos-intangible-cultural-heritage-list.839294#:~:text=The%20Maltese%20flattened%20sourdough%20bread,Cultural%20Heritage%20of%20Humanity%20list.&text=It%20is%20the%20first%20Maltese,part%20of%20a%20culture's%20heritage.

https://kliemustorja.com/2021/11/20/ajjut-help/

Aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet mill-istess awtur:

4 Comments

  1. Artiklu nteressanti hafna, imma jidhirli li hemm xi haga mportantissima nieqsa.
    Il-hobza Maltija li nixtru illum x’aktarx m’hiex il-hobza li Konna nieklu qabel. Illum saru juzaw hmira tal-pakkett filwaqt li qabel kienu juzaw hmira li ilha gejja minn zmien il-kavallieri u kuljum kienu jzommu bicca biex tintuza ma l-ghagna tal-hobz ta’ l-ghada.
    Nispera ma qerduhiex. Darba tal-‘Maypole’ qal li jibza li se tinqered u tmur.

    Liked by 1 person

  2. ĦOBŻA tal-KEXXUN : Kont minghalija li din konna nghidulu hekk ghax , biex tiehu l-forma taghha, kien tkun moħmija go kaxxa/kexxun tal-metal [caisson]. Minghalija wkoll li hobz tal-francis u hobz tal-kexxun huma l-istess. Dawn l-espressjonijiet probabli gejjin mill-fran li kien hemm flok il-Valletta Design Cluster fejn il-furnar kien wiehed francis jismu Camois. [Din qrajtha xi kien imma ma nistax niftakar fejn, jekk mhux f’xi leaflet li hargu meta ferthu l-Cluster]

    Like

    1. Hekk hu, Niftakar li kienu jaħmuhom ġo kaxxa tal-landa jew ħadid u b’hekk kienu jkolhom dik il-forma u jissejħu tal-kexxun

      Like

Leave a comment