AĦNA L-MALTIN
Ħarsa kemxejn qarsa lejn il-karattru Malti
Tista’ tgħid li kull meta ktibt artikli fuq din il-website dawn dejjem kienu dwar l-istorja u l-folklor tal-gżejjer Maltin. Għaldaqstant, aktar iva milli le, dejjem ktibt dwar il-passat, bl-intenzjoni li l-artikli jgħinuna niflu dak li xi darba għadda minna. Biss, il-kultura fis-sens ta’ folklor, dejjem tibqa’ tiżviluppa madwarna minn ġenerazzjoni għall-oħra u ma tiqafx. Ċert li l-mod ta’ ħajja li ngħixu fiha llum, ħamsin sena oħra ser nittrattawha b’għajn kritika jew hux ukoll nistudjawha bħala parti mill-folklor tagħna.
Ħsibt u rajt li f’dan l-artiklu nittanta nagħmel xi ftit osservazzjonijiet dwar il-karattru tal-Maltin inġenerali – kif naħsbuha u naġixxu lkoll fil-ħajja preżenti, anki jekk b’kemxejn kritika pjuttost niggieża u fl-istess ħin b’laqta umoristika.
Taf xiex? Kultant nieħu gost noqgħod nikkontempla bejni u bejn ruħi dwar l-imġiba tagħna l-Maltin fil-ħajja ta’ kuljum, u anki kif din tipparaguna ma’ dik ta’ nies barranin. Dan minħabba li fis-snin twal li qattajt naħdem fil-qasam tat-turiżmu sirt aktar konxju ta’ kif naġixxu aħna l-Maltin a paragun mal-barranin. Ngħiduha kif inhi, kull poplu għandu l-mod tiegħu kif jaħseb, jesprimi ruħu u jgħix. Fit-taħlit li kellna u li għad għandna mal-barranin, żgur li xi ftit minn dawn it-tendenzi ħadnihom mingħandhom wara kollox.
Xi żmien ilu, zijuwi rrakkuntali kif darba, waqt li kien l-ajruport ta’ Heathrow, sama’ żewġ Ingliżi li kienu qed jistennew l-istess titjira tiegħu lejn Malta, jitkellmu bejniethom dwar Malta u l-Maltin. Mid-dehra wieħed minn dawn kien jaf il-Malta sew u kien qed jgħaddi ftit ta’ kummenti lill-sieħbu dwar il-Maltin kif jafhom hu. Dan qal xi ħaġa jekk: ‘Now when we land at Malta’s airport do not be surprised to see friends and relatives fighting amongst each other. They shout a lot when speaking to one another and often gesticulate wildly with their hands, but they mean no harm – they are just having a friendly argument and simply trying to prove a point, that’s all!’ Din l-osservazzjoni turi li aħna l-Maltin għandna mit-Taljani u nies oħra Mediterranji, għax biex nitkellmu, ngħollu l-vuċi u nirraġġaw ħafna bl-idejn. B’daqshekk ma fiha xejn – sakemm ħadd ma taqbiżlu waqt diskorsu biex jirbaħ l-argument u jibda jfajjar bl-addoċċ.
Maltese Gemgem
Hemm bosta x’wieħed japprezza fil-karattru tagħna l-Maltin. Biss ħa nibda b’osservazzjoni ta’ xi ħaġa li dejjaqni. Dan hu l-mod kif nesprimu ruħna ħafna drabi fuq kollox, pjuttost b’atteġġjament negattiv u ħafna drabi dwar bosta ċuċati. Kemm neqirdu, Madonna! Flok insibu dak li hu pożittiv, nippreferu naraw l-iswed u mhux l-abjad tal-ħaġa. Ikun għadu kemm sebaħ u ngergru fuq it-temp jekk ikun imsaħħab; anki jekk it-temp ikun xemxi, neqirdu. Neqirdu jekk nistennew f’xi kju – dan nagħmlu jien ukoll. Imma hawn min jibda jonfoħ ukoll jekk fil-quddiesa l-omelija tkun xi ftit itwal mis-soltu! Neqirdu mal-ħbieb tagħna fuq xagħarna jekk dan għandu bżonn qatgħa, bħallikieku ż-żejjed nippretendu li għandu jaqa’ waħdu. Donnu l-atteġġament ta’ tolleranza dwar dak li jdejjaqna hu zero.
Maċomen
La qed nitkellmu fuq l-intolleranza … mela xi tgħid għal fehmiet politiċi tagħna? Lanqas biss irrid nibda fuq dan. Ħa ndur minflok fuq il-fehmiet u x-xaqlib tagħna fil-futbol. Dejjem tagħna l-aqwa. ‘Irbaħna ta! Intom ma għandkom xejn!’ Meta nisma’ hekk, nibda naħseb, tgħid dawn għandhom xi tim f’idejhom u qed iħallsuhom il-miljuni? Imbagħad xi ngħidu għall-festa tal-qaddis tar-raħal jew belt. ‘Kemm kellna nar Man hux! L-oħrajn ħdejna lanqas biss jibdew!’ ‘U ħlew ta’ wiċċ għandha l-istatwa tagħna … mhux bħal ta’ dawk … dak il-qaddis donnu għandu wiċċ ta’ dimonju!’ Is-sens ta’ kburija personali u l-unur immaġinarju f’dawn l-affarijiet hu inspjegabbli: ‘jekk ma taqbilx miegħi fl-argumenti – mela int tellief u jien rebbieħ’.
Anki l-mod kif nimxu fit-triq – qed ngħid għall-irġiel. Jekk dak li jkun, irid juri kemm hu importanti jimxilek b’sidru ppuppat ’l quddiem u bi spalltu qisu xi Schwarzenegger meta kien fl-aqwa tiegħu. Anki saqajh jiftahom b’mod li meta jimxi jkun qisu arloġġ li jaqra l-10.10 ta’ filgħodu, għax il-ponot taż-żraben jippuntaw waħda lejn il-Grigal u l-oħra lejn ix-Xlokk, biex bħallikieku jrid jokkupa l-bankina għalih. Jekk ikun xi wieħed qsajjar, dan ukoll jitħajjar jiġġebbed ’l fuq kemm jiflaħ biex jidher akbar, bħallikieku qed jgħid, ‘isma mhux imbilli jien iqsar minnhek ta …, lili ħadd ma jagħmilli bżieq fuq imnieħri!’ Mhux b’ċajt imma niltaqa’ ma’ nies bħal dawn. Niftakar, darba mort naħdem f’post mal-Gvern u meta dħalt, l-ewwel ġurnata sibt il-persuna inkarigata tilqagħni – raġel qsajjar u qisu pespus. Dan kien ħdejn it-taraġ, u biex juri li hu importanti u li hu jikkmanda, qabel ma qalli bonġu tela’ fuq l-ewwel tarġa biex ilaħħaq miegħi (allavolja jien m’iniex twil). Meta niftakar f’din ix-xena, allavolja għaddew tant snin nibda nitbissem.
Anki fis-sewqan, ukoll nindunaw kemm hawn nies macho jiġru mas-saqajn. Pereżempju, ħafna, forsi daqs ħamsin fil-mija – probabbilment aktar, is-sewwieqa tal-vetturi, meta jduru l-kantunieri qatt ma jixegħlu l-indicators – jien naħseb li b’hekk dawn ikunu qed jibagħtu messaġġ li huma ala l-bubun, għax inkella jekk jixegħlu l-indicator jibżgħu li jidhru li huma pussies f’għajnejn is-sewwieqa l-oħra.
La bonġu u lanqas saħħa
Ħaġa oħra li tagħtini f’għajni hi li aħna l-Maltin ma tantx inħobbu nsellmu – ħlief lil ta’ ġewwa – u ftit nieħdu b’idejn xulxin. (Kos …. konna mħarrġin sew biex nilqgħu kontra l-Pandemija). Mhux qed ngħid għal meta nkunu f’xi triq iffullata tafx! M’hemmx għalfejn wieħed jagħmel bħall-Papa meta jkun fuq il-Popemobil u jxejjer lil kulħadd hu u miexi fit-triq. Lanqas trid tkun bħal xi MP, li meta jkun miexi fit-triq ixejjer u jitbissem lil kulħadd anki lil dawk li ma jafx, biex ikun żgur li ma jitlifx xi vot. Ħadd ma jagħmel hekk. Imma, ġieli konntu għaddejjin waħedkom minn xi sqaq dejjaq u kwiet u tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ xi ħadd li ma tafux u tgħid, dan ser insellimlu jew le? Jew tagħmilha tabirruħek li ma rajtux, anki jekk dan ser jgħaddi nkaxxat miegħek. Inħoss li lil dan il-proxxmu, anki jekk ma tafux minn Adam, trid tgħidlu bonġu biex tirrikonoxxih li hu bniedem u mhux nemusa. Dik li ma ssellimx f’sitwazzjoni bħal din naraha stramberija tal-Maltin.
Li ninjoraw lil xulxin hi normali wkoll meta nidħlu fil-ħwienet jew stabbilimenti oħra. Il-klijenti Maltin ħafna drabi, ma jsellimux lill-bejjiegħ kif jidħlu fil-ħanut, jibqgħu għaddejjin minn quddiemu biex imorru dritt jiflu x’hemm fil-vetrini – qisu l-bejjiegħ hu xi manekin, jinjorawh kompletament. F’pajjiżi fl-Ewropa, dawk iċċivilizzati, kulħadd isellem f’sitwazzjoni bħal din. Biss, biex ngħid kollox, hawn Malta lanqas il-bejjiegħa bosta drabi ma jitħajru jsellmu lill-klijent. Anzi, jekk meta tmur quddiemu ma jħarisx lejk b’ħarsa ċassa (poker face) u ta’ wiċċ Laskri qisu jrid jgħidlek, ‘xi trid ħi? Iddumx għax għandi x’nagħmel!’ Il-fatt li tal-ħanut ma jilqgħekx bi tbissima jew b’bonġu tagħtini f’għajni wkoll. Mur ifhimhom dawn l-użanzi.
Daħk ħamallu
Ambjent ieħor li narana differenti minn oħrajn hu fejn jidħol l-umoriżmu. Hemm ħafna modi kif wieħed iddaħħak u għaliex bniedem jidħak, u ċertament il-Maltin mhux neqsin mill-umoriżmu u d-daħk. Biss, donnu l-umoriżmu tagħna mhux dak sottili – dry jokes – għax dan ħafna donnhom ma nifhmuħx. Meta nattendu għal xi xow komiku, donnu nidħku aktar meta l-komiku jkun ta’ statura jew personalità goffa raff. Dan sa ċertu punt hemm raġuni valida, għax il-kariżma tidħol f’kollox. Biss, biex il-Maltin jidħku żgur, il-komiku jrid ħafna drabi jagħmilha jew ta’ xi karattru ħamallu, ta’ xiħ għakka, jew liebes ta’ mara. Fuq il-palk l-attur irid ikun akkumpanjat minn attur ieħor f’xi skeċċ, fejn dawn it-tnejn ikollhom djalogu fejn jagħtu botta u risposta lil xulxin, donnu kollox ippjanat u xejn spontanju. Donnu l-umoriżmu ta’ meta konna mmoru t-teatrini baqa’ magħna. Il-komiku modern, dak li jagħmel standing comedy ma jdaħħaqx lill-udjenza, almenu jekk ma jkunx liebes b’mod tad-daħk u jekk ma jitfax xi ċajta doppja sens. Insomma, anki l-comedians barranin, ħlief ilissnu l-F word ma jafux biex idaħħku. Insomma, fejn jidħol l-umoriżmu kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu.
Superstizzjonijiet u qima lejn dawk tal-Purgatorju
Fis-superstizzjonijiet, forsi aħna l-Maltin mhux esaġerati daqs it-Taljani. Ħlief meta nagħtu xi kumpliment. Hawn trid toqgħod attent meta tfaħħar lil xi ħadd – għax malajr dak li għadek kemm faħħart jagħmillek il-qrun minn taħt biex ma tgħajnux. Jekk tkun għaddej fit-triq u tiltaqa’ ma’ xi omm b’tarbija u tikkumplimentaha dwar is-sbuħija tat-tarbija tagħha trid tara kif tpoġġi l-kliem. Meta tikkumplimentaha trid bilfors iżżid ‘Alla, jbierek’, anki jekk tkun ateu, u mal-kumpliment tagħti koċċ barkiet – ‘jalla jżomm idejh fuqha din it-tifla xi ġmiel!’ Jekk ma tgħidx xi ħaġa hekk tista’ taqa’ taħt suspett li l-kumpliment tiegħek kellhom intenzjonijiet ulterjuri. L-istess meta xi ħadd jixtri karozza ġdida u dak li jkun jikkumentalek fuqha – minflok dan jgħidlek, ‘prosit kemm hi sabiħa!’ dan irid jgħidlek ‘ir-risq!’ Bħallikieku jekk ma jgħidlekx hekk hemm xi ċans li jkun qiegħed jagħmillha xi magħmul, u kif issuqha sa wara l-ewwel kantuniera tispiċċa bl-isteering wheel f’idejk u l-karozza issir koċċ scrap.
Ħa nsemmi stramberija oħra tagħna l-Maltin – dik li nsemmu l-erwieħ għal kull ħaġa ta’ xejn. Hekk kif nixorbu tazza ilma rridu kull darba ngħidu ‘għall-erwieħ’., qiesna qed ngħidulhom cheers, ejja ħu grog magħna!’ Jekk nieklu ikla tajba, l-istess, ‘għall-erwieħ, kemm kilt tajjeb’. Biss anki jekk wara l-ikla nitfewqu jew nitilqu xi waħda goffa mill-warrani, din ukoll noffruha lill-erwieħ. Dawn imsieken mhux biss ikunu qed isofru n-nar tal-Purgatorju iżda wkoll iridu wkoll ixommu l-porga tagħna …. U le xejn mhu sew!
Il-Malti qalbu f’idu
Biex nispiċċa b’nota aktar pożittiva irrid ngħid li l-Maltin jagħtu każ u jieħdu ħsieb ħafna ta’ xulxin – le mhux biss jilħqu salib xulxin – ma tarax! Il-Maltin jafu jħossu għal ħaddieħor u dejjem lesti biex jgħinu lil min hu fil-bżonn. Dan hu hekk, kemm minħabba t-twemin Nisrani tagħhom kif ukoll għax iħossu li għandhom jgħinu instintivament. Anki minħabba li Malta hu pajjiż żgħir u kulħadd jaf lil xulxin. Biżżejjed tara kemm jinġabru flus għall-karità. Hemm tara s-sens ta’ simpatija li għandna lejn min hu batut.
Biss kultant nesaġeraw – bħal meta naraw xi inċident – jekk bniedem jaqa’ fl-art f’nofs ta’ triq, f’daqqa waħdu jmorru fuqu tużżana nies lesti biex iqajmuh u jfarfrulu l-ġlekk. Barra minn Malta, jekk bniedem iħossu ħażin u jaqa’ fl-art, l-aktar fl-ibliet il-kbar bħal Londra jew Ruma, ħadd ma jersaq lejh. Forsi jkun hemm xi proxxmu iċempel l-ambulanza u din tiġi biex tieħu l-miskin l-isptar – u barra bla daqq. Hawn Malta mhux hekk – jekk xi ħadd jagħtih ħass ħażin f’nofs Triq ir-Repubblika, malajr tinġema’ madwaru ġgajta kbira ta’ nies biex tara xi ġralu. Kulħadd jibda jsaqsi ta’ min hu. Kulħadd jibda jwaġġal fil-ħofra jew iż-żrara li tfixkel fiha, u b’mod ta’ hekk jeħlu tal-Public Works li ma jridu jagħmlu xejn. Xi ħadd iġiblu siġġu minn ġo ħanut anki jekk dan aħjar kieku jibqa’ fl-art biex id-demm jiċċirkolha aħjar f’ġismu u rasu. Kulħadd jibda jsaqsi ta’ min hu. kulħadd jitkaża kemm se ddum biex tasal l-ambulanza (allavolja ħadd ma tkun ġietu f’rasu jċempel biex din tiġi). Tant tikber ir-rassa ta’ nies madwar dan il-povru li faċli jaqtgħulu ċ-ċirkolazzjoni tal-arja friska ta’ madwaru – b’konsegwenza li dan il-povru tagħtih aċċessjoni u jmut bil-qtugħ tan-nifs – hekk kif l-ambulanza tkun waslet wara l-kantuniera!
Wara dak kollu li għedt, nispera li ħadd ma ħa għalih. Naħseb li fhimt li dak li għedt għedtu b’laqta umoristika, anki jekk dan jista’ jitqies ukoll bħala qrid min-naħa tiegħi. Imbilli kultant niġbdu widnejn xulxin – kulħadd jaf li meta Alla tana par widnejn, dan għamlu biex meta tiġi xi pandemija bħal tal-Covid inkunu nistgħu indendlu ma’ kull waħda minnhom iż-żigarella tal-maskra iġenika.
– Forsi nkompli darb’oħra –
Martin Morana
29.01.2021
Aqra artikli oħra: https://kliemustorja.com/blog/
Forsi jinteressak ukoll li taqra dan il-ktieb:

Biex tkun taf aktar dwar il-karattru Malti u l-umoriżmu tal-Maltin … dan il-ktieb jinsab għand il-librara għal Euro 12.95 biss.
Dan il-ktieb issa jinsab ukoll għall-bejgħ bħala ebook fuq Amazon – Kindle
Ikklikkja hawn:
Pubblikazzjonijiet

Prosit.Ray
LikeLike
Prosit. Artiklu helu hafna.
LikeLiked by 1 person
Punt wiehed jekk joghgbok.
“aħna l-Maltin ma tantx inħobbu nsellmu” ? Din haga li qieghdin nidraw mill-barranin …..Meta mort l-ahhar darba Londra fuq L-Undergorund inti? L-aqqas biss eye contact ghax jahsbuk xi mignun u jekk tghid xi-haga anki jekk dik il haga hija “Bongu” qiesek offendejtilhom l-ommom! .
inveci insib meta nigi lura pajjizi kulhadd jitbissem u jekk tghid bongu jirrispondewk…….
M’Ahniex perfetti l’anqas, imma jiena kburi pjuttost li jienma Malti u nospera li inzommu it-tradizzjonijiet taghna hajjin u ma nitilqux nghagglu “down the slippery slope” sabiex naslu fejn waslu pajjiz ohrajn ;o)
Sahha “siehbi”! .
LikeLiked by 1 person