Ara wkoll:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *
ara wkoll:
L-attività tradizzjonali tal-barklori, il-baħrin u s-sajjieda kienet tirrikjedi u pproduċiet lingwaġġ għalih. F’dan il-lingwaġġ ta’ kuljum bdew jissawru idjomi u qwiel li bħal ma jiġri f’kull lingwa oħra iżewqu l-ilsien Malti u jirriflettu l-mentalità tan-nies tal-baħar. Hawn se naraw xi wħud minn dawn l-idjomi li kienu magħrufa l-aktar fl-ambjent marittimu.
Bastimenti u Opri tal-baħar
QIESU l-ARBANJA: Dan hu paragun li kien jingħata lil bniedem li ma jagħmel xejn ħlief jitgħażżen. Dan il-paragun ixebbah l-bastiment HMS Hibernia, li l-Maltin tan-naħa tal-Port il-Kbir kienu jsejħu l-Arbanja. li dam ħafna sorġut quddiem il-Forti Sant’Anġlu u allura magħruf bħala bastiment għażżin.
BAĦRI TAL-ARBANJA: BAĦRI TAL-BNAZZI – Idjomi li tingħad lil min fil-ħajja jbewweġ ‘l hinn hekk kif ifeġġ l-inkwiet.
JAQAW INT ĠEJ BID-DGĦAJSA ? Tingħad meta wieħed ma jkunx ċar u preċiż f’dak li jgħid u jista’ jkun li qieħed jiddieħak b’ħaddieħor.
DAK WEĠĠA’ – ISS ĦEJ, ĦUDU D-DOKK! Din tingħad biż-żuffjet meta xi ħadd iweġġa’ u wieħed jirrikmanda li il-persuna għandha tintbagħat fid-dokk (fit-tarzna) biex tirranġa ruħa sew (flok tiddewwa).
ĦAFIF QISU FIRILLA – Paragun li jsir dwar bniedem żvelt u irqieq ma’ opra partikulari tal-baħar li tixbah ħafna l-luzzu, biss iżgħar.
QISU / QISA KARRAKKA – Appellativ għal xi ħad jew oġġett pjuttost goff jew żmanġat u li għandu ħafna żmien. Dan il-paragun hu mal-bastiment tal-Ordni ta’ San Ġwann li dawn kienu ġabu magħhom minn Rodi. Għalkemm dan il-bastiment kien kbir spiċċa bla użu baqa’ sorġut għal ħafna żmien quddiem Sant’ Anġlu.
QISA L-PULENA: Riferenza għal xi mara dejjem liebsa pulit iżda li ma tantx tħobb tagħmel il-faċendi. Dan hu paragun mal-pulena (il-parti dekorattiva fuq il-pruwa tal-bastiment).
TAJJEB BISS GĦAS-SABORRA: Is-saborra hija dak il-materjal, ġeneralment ramel li jitqiegħed fl-stiva ta’ isfel tal-bastimenti biex meta l-bastiment ma jkollux tgħabija iżomm il-bastiment ibbilanċjat sew. Mela tajjeb biss għas-saborra ji riferenza għal dak il-bniedem li mhu kapaċi jagħmel xejn.
BAĦRIN AĦNA: Din l-idjoma tingħad meta xi ħaġa jew xi biċċa xogħol toħroġ tajba.
TILEF IL-BOXXLA: Bħal ma baħri jitlef id-direzzjoni għax il-boxxla (il-kumpass tan-navigazzjoni) ma jiffunzjonax il-bniedem jista’ jiġrilu l-istess u jġib ruħu ta’ bniedem li jitlef rasu għax ikun irrabjat jew eċitat.
BIL-BOXXLA MDAWRA LLUM: Burdata ħażina
MUR GĦAND BOXXLA XJATEN: Din ir-rikomandazzjoni mhi xejn sabiħa għax biha tkun qiegħed tibgħat lil xi ħadd f’direzzjoni fejn ruħek tintilef.
QALA’ DAQQA TAL-BARKLORI: Din hi riferenza għal daqqa jew tumakka li wieħed jagħti lil xi ħadd li biha tmiddu. Dan jintima li l-barklori kienu nies ta’ saħħa.
SAB IR-RIĦ FIL-QALA’: Sab min jibuttah bħal qala’ (pl. QLUGĦ) ta’ opra tal-baħar
TEFA’ L-ANKRI: Poġġa bilqiegħda u baqa’ hemm għal ħin twil.
REFA’ L-ANKRI: Qam minn fejn kien u ġabar anki ħwejġu u telaq ‘l hinn
KULL KALANKA PORT – (prov.) li jfisser li l-bniedem li jgħid hekk jaċċetta kwalunkwé soluzzjoni anki jekk din ma tkunx ta’ ħafna sodisfazzjon.
Kliem is-Sajjieda
BEŻAQLU FIS-SUNNARA: Jiġifieri wieħed ta x’jifhem lill-ieħor li aċċetta proposta iżda wara ħallieh b’xiber imnieħer.
IX-XILEP ĠEWWA: Il-ħut inqabad – riferenza li dak li kien wieħed qed jittanta li jdabbar issa ħadu.
NIEXEF DAQS GATTARELL / NIXEF QISU ARINGA Appellattiv għal xi ħadd ta’ statura rqieqa.
MELA QED INBIGĦU L-INĊOVA! Riferenza għal ħafna tqanċiċ biex wieħed jaqbel fuq prezz.
SAR QISU ARINGA: Appellativ li jingħata lil xi ħadd li jkun niżel ħafna fil-pis. Żgur li dan kien mogħti min-nies li kienu jgħixu minn fuq is-sajd u dawk li jieklu dan it-tip ta’ ħut.
SABLU RKAPTU: Sablu l-mezz jew ix-xbiek biex jistad
Paraguni
DAK FURBAN: Riferenza għal xi ħadd li jillħaqlu ħafna. Bniedem makak.
X’BELLIEGĦA NQALA’! Tfisser x’għawġ inqala’. Paragun mal-ilma baħar li jitla’ l-art wara xi maremot.
JORQOD DAQS BUMERIN: Bumerin hu dak li bl-Ingliż jissejjaħ il-monk seal. Speċi ta’ ljun tal-baħar żgħir li jgħix fil-Mediterran. Ma tantx għadek tara minnhom dawn għax kważi nqerdu mill-bniedem. Meta jintlemħu ġieli tarahom reqdin żaqqhom ‘il fuq, u għaldaqstant meta wieħed jorqod ħafna jixxebah mal-bumerin.
JIDGĦI DAQS BURDNAR: Dan id-diskors isir għax il-burdnara li kienu jaħdmu ix-xatt kienu magħrufa għal-lingwaġġ mhux xieraq li kienu jużaw. B’hekk il-burdnar kien jaqa’ fil-kategorija tal-ħammallu u l-pastaż li kienu l-istess, dak li jerfgħu u jġorru oġġetti goffi u tqal.
ĊORMA TFAL: Din tista’ taraha kullimkien biss il-kelma ċorma tfisser il-kru ta’ baħħara li jaqdfu jew iservu fuq il-bastimenti.
Forsi int taf xi oħrajn ! Fil-każ iktibli….
* * *
Ara aktar:
https://sites.google.com/view/maltesehumoursbutseriously/home
DAk sargu xih…bniedem makakk
Sargu xih b’gamblu jinten jinqabad
Dak bon…..iniggez ilsienu
LikeLiked by 1 person
Grazzi ħafna tal-kummenti tiegħek. Jekk inti taqbel jien ser inniżżel dawn l-idjomi li semmejt inti mal-bqija tal-lista li diġa msemmija.
Martin
LikeLike
Skont artiklu ta’ Joseph Muscat fil-perjodiku “L-Imnara” Vol.10, numru 1 tal-2012 immarkat b’numru 36, wieħed li jaqdi lil kulħadd jgħidulu ‘qisu kajjikk’ peress li kajjikk kien jintuża prattikament għal kull xogħol f’kull bajja tal-gżejjer Maltin. Milli jidher din l-informazzjoni sabha mix-xogħol ta’ Serracino Inglott.
Barra minn hekk fl-istess artiklu Joseph Muscat qal li waqt li kien qed jintervista lil ċertu Spiru Toscano dan tal-aħħar ħareġ bl-espressjonijiet kajjikkata u barkata biex ifisser ammont ta’ njam li tista’ tgħabbi fuq kajjikk jew barka.
LikeLiked by 1 person
Grazzi lil Dawn is-sinjuri Li qedin jiktbu halli inzommu il-Folklore taghna haj.
LikeLiked by 1 person