QADDISIN u FESTI FIL-FOLKLOR MALTI
Fil-ħajja ta’ kuljum, il-Maltin imdorrijin jitolbu għall-interċessjoni ta’ xi qaddis jew ieħor skont il-bżonn. Tista’ tgħid li hemm qaddis differenti, wieħed għal kull tip ta’ saram li jista’ jinħoloq. Min jaqlalek grazzja kbira meta tkun f’periklu kbir, u min sempliċiment jgħinek biex isiblek xi ħaġa li tkun tlift. Dawn Il-qaddisin infittxuhom mhux biss b’mod personali, iżda kultant anki bħala poplu sħiħ. Eżempju ta’ dan hu meta’ l-pajjiż ikun għaddej minn xi żmien ikraħ, bħal ma hi l-pesta, nuqqas ta’ xita, jew f’xi gwerra.
Apparti minn hekk, it-twemmin u l-kult ta’ dawn il-qaddisin jinħass dejjem u kullimkien. Biżżejjed inħarsu madwarna u naraw kemm knejjes, kappelli u niċeċ hawn magħmula bħala wegħdiet u grazzji maqlugħa. Darba fis-sena, l-irħula u l-ibliet jiċċelebraw il-festa tagħhom biex iqimu lill-qaddis patrun. Żgur li ma hemmx lok li dawn il-qaddisin ser ninsewhom.
U xi ngħidu, għall-dawk il-qaddisin li jum il-festa tagħhom iservi daqs l-aqwa kalendarju, speċjalment fejn tidħol il-biedja, għaliex dawn il-festi jindikaw il-mument tas-sena meta għandu jsir iż-żrigħ jew inkella l-ħsad tal-uċuh tar-raba’.
Hawn niżżilt lista ta’ xi wħud mill-qaddisin li l-aktar jissemmew fil-folklor Malti, b’deskrizzjoni qasira dwar min kienu u għaliex il-Maltin dejjem jitolbu l-interċessjoni tagħhom. Għal aktar tifsir fil-fond dwar bosta minnhom, tista’ żżur il-paġni tal-’Enċiklopedija’ ta’ din il-website. http://www.kliemustorja.com.
—
AGATA Qaddisa Siċiljana, (232 – 251 w.K.) patruna ta’ Katanja. Din għandha konnessjoni ma’ Malta għaliex it-tradizzjoni tgħid li xi darba f’ħajjitha din kienet ġiet Malta. Din il-qaddisa hi meqjusa bħala waħda mill-qaddisin protettriċi tal-Imdina.
ANARD Qaddis minn Nimoge jew Noblac fi Franza. (miet fl-559 w.K.). Qaddis patrun tal-priġuniera u l-ilsiera. Hu wkoll protettur tan-nisa fit-tqala. Wieħed mill-qaddisin meqjuma fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Kirkop. Qawl agrikolu: Għal San Anard (6 ta’ Novembru) ibża’ għall-art għax it-tgħaffiġ jagħmillha l-mard.

ANNA u ĠWAKKIN Omm u missier il-Madonna, in-nanniet ta’ Ġesù. Sant’Anna hi meqjuma bħala l-protettriċi tan-nisa fit-tqala. Jitolbuha wkoll in-nisa li jsibuha diffiċli li jkollhom it-tfal. Teżisti speċi ta’ taqbila li tgħid hekk: ‘Sant’Anna u San Ġwakkin / Il-Madonna u l-Bambin’. Hemm ukoll taqbila oħra għat-tfal li tibda: ‘Pizzi Pizzi kanna Dolores di Sant’Anna …’. Fl-antik, il-festa ta’ Sant’Anna kienet tkun festa pubblika. Din kienet tkun iċċelebrata l-aktar f’Santa Venera. Illum Santa Anna hi meqjuma fil-knisja parrokkjali ta’ Wied il-Għajn. Interessanti kif fil-forti Sant’Iermu, iż-żewġ kappelli li hemm huma t-tnejn iddedikati lil Sant’Anna.

ANTNIN ABATI Qaddis li twieled l-Eġittu fl-261 w.K. Dan il-qaddis hu l-prottettur tal-annimali. Fis-17 ta’ Jannar f’diversi postijiet isiru ċerimonji u t-tberik tagħhom. Sant’Antnin hu wkoll qaddis patrun kontra l-marda magħrufa bħala l-Ħruq ta’ Sant’Antnin. (Lat. Herpeszoster; Ing. shingles) Din hi infjammazzjoni li tista’ tfeġġ f’diversi f’partijiet tal-ġisem, eż., fuq id-dahar, fil-wiċċ u fuq il-għonq. Il-marda hi kkawżata mill-istess virus li jikkawża il-ġidri r-riħ, u li jibqa’ ma jmur qatt mill-ġisem. It-terminu, ‘Ħruq ta’ Sant’Antnin’ kien ingħata l-ewwel darba mill-patrijiet ta’ Sant’Antnin fi Vienne, Franza meta fis-sena 1095, in-nies ta’ din il-belt sofrew minn din il-marda. Fl-ikonografija, Sant’Antnin jidher ħafna drabi b’ħanżir ma’ ġenbu għaliex skont l-istorja, il-feriti kkawżati mill-marda kienu jkunu ttrattati bix-xaħam tal-majjal.

ANTNIN TA’ PADOVA (1195-1231) Fil-verità dan il-qaddis twieled f’Lisbona, u miet Padova. Magħruf bħala qaddis li jagħmel ħafna mirakli. Taqbila: Sant’Antin isib il-ħwejjeġ mitlufin.
ASSUNZJONI / SANTA MARIJA Titlu ta’ bosta knejjes f’Malta u Għawdex. Il-festa tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna li hi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu kienet importanti fil-kalendarju tal-bdiewa għax-dakinhar, kull sena, kienu jridu jħallsu l-qbiela lill-sid l-għalqa / l-għelieqi li kienu jaħdmu. L-istess ħaġa kien isir fil-Milied u fl-Għid.
BARTILMEW / BERT Il-festa ta’ dan il-qaddis patrun tal-Għargħur hi ċċelebrata fl-24 ta’ Awwissu. Qawl: San Bartilmew għandu l-muftieħ tax-xita. Din tingħad għaliex madwar dan il-jum imdorrijin għall-ewwel ħalba xita tal-istaġun.


BARBARA Qaddisa li għexet fis-seklu tlieta w.K. f’Nikodemja. L-istorja tgħidilna li din kienet mibgħuta għall-mewt minn missierha Dioscurus meta dan sar jaf li hi kkonvertiet għall-Kristjaneżmu. B’intervent divin ta’ tpattija, ftit wara, Dioscurus laqtitu sajjetta li qatlitu. Kien minħabba dan l-episodju li Santa Barbara saret protettriċi kontra s-sajjetti. Meta tfaqqa’ xi sajjetta hawn min jgħid il-ġakulatorja ‘Santa Barbara, la deni u lanqas ħsara’. Santa Barbara hi wkoll il-qaddisa protettriċi tal-bumbardiera u ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-isplussivi. Ftit wara li wasal l-Ordni f’Malta, kienet inħolqot fratellanza ddedikata lil din il-qaddisa fil-Birgu. Imbagħad, meta l-Ordni mar il-Belt, kienet inbniet kappella fi Triq San Ġorġ (Triq ir-Repubblika – ritratt), biex il-membri tal-fratellanza tal-bumbardiera, jkunu jistgħu jitolbu fiha. Qawl: Nhar Santa Barbara (4 ta’ Diċembru) iż-żara jikber għabara (kemm suppost). Ara wkoll: SANTABARBARA.
BASTJAN Qaddis li għex bejn 256 – 288 w.K. Kien ippersegwitat minn Diokletju u spiċċa biex rabtuh ma’ siġra u sparawlu bil-vleġeġ. L-assoċjazzjoni tiegħu bħala wieħed mill-qaddisin protetturi kontra l-epidemiji / il-pesta mhix ċara. Biss, interessanti li xi ħadd kiteb li meta San Bastjan sparawlu bil-vleġġeġ dawn kienu infettati bil-pesta. Forsi din hi kopja tal-istorja ta’ Apollo, l-alla Grieg li skont il-mitoloġija dan kien arċier li kien jispara vleġeġ bil-velenu tal-pesta. Ara: PESTA.

CORPUS CHRISTI Din il-festa tiċċelebra l-Ġisem ta’ Kristu u hi waħda mill-eqdem festi ċċelebrati f’Malta, għaliex insibuha ddokumentata anke f’nofs is-seklu erbatax. Sa daqs ħamsin sena ilu, din kienet festa li kull belt u raħal kien jiċċelebra b’solennità kbira billi ssir purċissjoni bl-Ewkaristija. Iċ-ċelebrant, kien jimxi fit-toroq tar-raħal bl-ostensorju, akkumpanjat mill-fratellanza, abbatini u nies devoti. Fi żmien l-Ordni, anki l-Gran Mastru u l-Kavallieri kienu jieħdu sehem fiha. Waqt l-Assedju l-Kbir, fit-21 ta’ Ġunju, il-Kavallieri ħadu sehem f’din il-purċissjoni, jumejn qabel ma waqa’ Sant’Iermu f’idejn it-Torok. Dari, għal din il-purċissjoni, ir-residenti tal-parroċċa kienu jifirxu t-twapet ħomor tad-djar tagħhom fit-triq, u jitfgħu l-fjuri mal-art, bħala sinjal ta’ riverenza lejn l-ostja li ċ-ċelebrant ikun qiegħed iġorr. Fil-parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, Corpus għadu jkun iċċelebrat bi prominenza kbira.

ELENA / LIENA Agius de Soldanis jgħid li fil-knisja matriċi tar-Rabat kien hemm l-imsiemer tas-salib li Santa Liena kienet sabet fl-Art Imqaddsa. Fil-Malti, kienet teżisti espressjoni antika, dwar ‘il-flus ta’ Santa Liena’. Din kienet riferenza għal flus li ma jiswew xejn, x’aktarx għax huma muniti antiki u għaldaqstant bla valur għax ma; għadhomx meqjusa bħala valuta legali. Skont leġġenda, f’Birkirkara kienu nstabu muniti antiki qodma bħal dawn li ma kienu jiswew xejn. Ara: KRUĊ, SANTU.

EPIFANIJA Bil-Grieg ἐπιφάνεια – epifaneia – tfisser ‘id-dehra, jew il-manifestazzjoni’ (ta’ Alla). Din il-festa tmur lura sas-sena 361 w.K., u hi marbuta mal-Milied, tant li kien hemm żmien li l-Milied kien iċċelebrat fis-6 ta’ Jannar. L-Epifanija nafuha l-aktar bħala l-festa tat-Tre Re, jiġifieri, l-Viżitazzjoni tat-Tliet Għorrief / jew s-Slaten Maġi. Biss, f’diversi żminijiet, u llum f’diversi reliġjonijiet Insara, l-Epifanija tirrapreżenta l-Magħmudija ta’ Kristu fix-xmara Ġordan. Isem ieħor bil-Malti għal din il-festa kien, L-Għid il-Ħamiem – A. de S. fid-Damma (ċ. 1750 – 1767) jgħid li l-Maltin ta’ qabel żmienu, kienu jiċċelebraw L-Għid il-Ħamiem – ‘It-Tberik tal-Ilma tal-Fonti tal-Magħmudija’, f’dan il-jum. Kien f’dan il-jum li tradizzjonalment kienet tingħata l-Istrina għax din tfakkarna fl-istorja tas-Slaten Maġi u l-għotja tar-rigali li dawn taw lil Kristu.

FILEP (SAN FILIPPU NERI) Hemm idjoma li tgħid: ‘Telgħalu San Filep’. B’din nifhmu li xi ħadd irrabja ħafna, jew kif ngħidu, tilef l-erre; ma baqax kalm. L-oriġini ta’ din il-frażi hi dubjuża, biss, jidher li din l-idjoma tirreferi għal episodju li għadda minnu San Filippu Neri (1515-1595). Dan il-qaddis kellu karattru ġentili għall-aħħar u anki kellu sens ta’ umoriżmu. Biss, darba minnhom, dan il-qaddis kien qiegħed jipprova jipperswadi bniedem ikkundannat biex jindem u jbiddel ħajtu. Il-midneb baqa’ stinat u ma riedx jisma’. San Filippu Neri, fl-aħħar qabżitlu, qabad lil dan l-ixxellerat mill-kozz ta’ għonqu u sabtu mal-art. Din l-istorja saret sors ta’ analoġija għal-limitu tal-paċenzja fil-konfront ta’ bniedem li jġiegħek tirrabja.
ĠEREMIJA Dan kien wieħed mill-erba’ profeti l-aktar importanti fil-Bibbja – l-oħrajn kienu Isaia, Eżekjel u Daniel. X’aktarx twieled madwar is-sitt mitt sena q.K. Ġeremija jibqa’ magħruf bħala l-profeta li kien jilmenta u jokrob fuq kollox, tant li kien hemm idjoma li tirreferi għat-‘t-tnehid ta’ Ġeremija’ bħala analoġija; riferenza għal xi ħadd li dejjem jilmenta ħafna.
ĠIMGĦA l-KBIRA Din il-festa hi l-aktar waħda importanti fil-liturġija tal-Knisja. Hemm bosta tradizzjonijiet marbuta magħha. Ma’ din il-festa hemm ukoll, id-Duluri, Ħadd il-Palm, l-Erbgħa tat-Tniebri, Ħamis ix-Xirka u l-Għid. Kollha bl-użanzi antiki tagħhom. Qawl: Fid-Duluri tiġi l-bilbla u ttir l-alwetta, jiġifieri dan hu żmien li l-istaġun jaqbel minn dak xitwi għal wieħed aktar sħun.
ĠOBB Idj: ‘Dak il-bniedem għandu l-paċenzja ta’ Ġobb’ – Il-paċenzja straordinarja ta’ persuna tkun ipparagunata ma’ dik ta’ Ġobb, persunaġġ bibbliku, eżemplari għall-paċenzja kbira li kellu. Alla kien ippermetta lix-xitan li lil Ġobb jeħodlu ġidu, imutulu t-tfal kollha tiegħu u ġiegħlu jsofri bosta mard. Ġobb bata dawn id-disfatti kollha b’rassenjazzjoni liema bħala, mingħajr qatt ma nkorla jew qata’ jiesu mill-ħniena ta’ Alla.

ĠUŻEPP LABRÈ Qaddis Taljan li għex bejn l-1748 u l-1783. Dan kien magħruf bħala l-qaddis patrun kontra l-mard tal-ġdim u l-qamel. San Ġużepp kien daħal mat-Terza Ordni ta’ San Franġisk, biss, ħajtu qattagħha jiġġerra minn post għall-ieħor, iżur is-santwarji l-aktar magħrufa fl-Ewropa. Skont l-għajdut tal-folklor Malti, fost il-pajjiżi li żar, San Beneditt Ġużepp Labrè kien ġie Malta. Matul din il-miġja, il-qaddis kien żar is-Santwarju tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla u dak tal-Mellieħa. Jgħidu wkoll li hu kien jitlob fuq it-taraġ ta’ San Ġakbu, fi Triq il-Merkanti, il-Belt, fis-Santwarju tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar, u l-Kapuċċini tal-Furjana. F’Għawdex żar il-Kunċizzjoni tal-Qala, il-Matriċi ta’ Santa Marija, u kien ukoll jitlob fuq iz-zuntier ta’ San Ġorġ, ir-Rabat. Fir-Rabat, Għawdex hemm kappella fi Triq Fortunato Mizzi, qrib fejn kien hemm ‘il-Kamra tal-Lampa’, li jgħidu li kien jorqod fiha. Fl-antik kienu jgħidu, ‘Maħmuġ daqs San Ġużepp Labrè’.

ĠWANN IL-BATTISTA Il-qaddis patrun tal-Ordni ta’ San Ġwann. Lejlet l-24 ta’ Ġunju, il-festa ta’ dan il-qaddis kienet issir ħuġġieġa. Fi żmien l-Ordni, il-ħuġġieġa kienet tagħmel parti mill-mixegħla ta’ fjakkli, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet. Sa ftit żmien ilu, fil-ħuġġieġa kienu anki jlibbsu pupu tat-tiben, Ara: TRAJBU. Hemm leġġenda ħelwa dwar l-oriġini tal-ħuġġieġa marbuta ma’ San Ġwann il-Battista, li tgħid li l-Madonna u Santa Eliżabetta kienu qed jistennew li jelldu madwar l-istess żmien. Il-Madonna marret iżżur lil Santa Eliżabetta biex tarrafha li se jkollha tarbija. Billi dawn kienu joqgħodu ’l bogħod minn xulxin mhux ħażin, ftehemu li meta waħda jew l-oħra telled, din tqabbad ħuġġieġa biex turi li t-twelid kien seħħ. Hekk sar, għaliex meta Santa Eliżabetta kellha lil San Ġwann, din xegħlet ħuġġieġa biex il-Madonna tkun mgħarrfa li hi (Santa Eliżabetta) kellha tarbija.

ĠWANN T’GĦUXA Din il-kelma nsibuha norm. fit-toponimu / appellativ, San Ġwann T’għuxa żona f’Bormla qrib is-swar li jagħtu lejn il-Fgura, imsemmija hekk minħabba l-kappella li hemm qrib dawn is-swar. Intant f’dawk l-inħawi hemm daħla fis-swar li wkoll kienet iddedikata lil dan il-qaddis. Il-kelma għuxa x’aktarx ġejja mill-Għarbi, għ(r)ax li tfisser: ‘hu jgħin’. San Ġwann T’Għuxa (San Ġwann it-Tallab), kien il-Patrijarka ta’ Lixandra bejn is-sena 606 – 616 W.K.). L-istoriku Giovanni Bonello jipotesizza li dan seta’ kien il-qaddis patrun tal-Ordni oriġinarjament, u mhux San Ġwann il-Battista.
GIRGOR Dan l-isem jirreferi għal Papa Gregorju l-Kbir. Jgħidu li l-pelegrinaġġ li jiġi l-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir kien beda wara wegħda li l-Maltin għamlu minħabba xi raġuni jew oħra. Id-data meta beda dan il-pelegrinaġġ mhux stabbilit biċ-ċert. Hawn minn jgħid li beda fl-1519, oħrajn jgħidu li dan beda għall-ewwel darba fl-1543, ordnat mill-Isqof Cubelles bħala. Il-pelleġrinaġġ li kien jibda f’Ħal Tarxien kienu jattendu eluf kbar ta’ nies u jispiċċa fil-knisja parrokkjali antika ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun (San Girgor). Dan il-pelegrinaġġ kien u għadu mmexxi xejn inqas mill-Isqof ta’ Malta. Fl-antik, mijiet ta’ prelati u qassisin ta’ bosta parroċċi u kunventi kienu jieħdu sehem. Ħafna żgħażagħ jorbtu din il-festa mal-ewwel għawma. Qawl: Nhar San Girgor, il-kaboċċi ‘tiha ‘l-ħmar. Jiġifieri li l-kaboċċi li jkunu maħsuda dak iż-żmien ma humiex tajbin għall-ikel.
GĦID IL-ĦAMIEM Ara: EPIFANIJA.

GĦID IL-KBIR / L-IRXOXT Din hi l-aktar festa importanti fil-liturġija tal-Knisja, għaliex turi li Kristu rebbieħ fuq il-Mewt, u li hu verament l-Iben t’Alla. F’Malta għandna ħafna użanzi marbutin ma’ din il-festa. Il-purċissjoni tal-Irxoxt issir f’diversi parroċċi f’Malta u Għawdex, eż.: il-Belt Valletta (Ġiżwiti u San Franġisk); il-Birgu; Bormla; l-Isla; il-Gżira; Ħal Għargħur; Ħal Qormi (San Bastjan u San Ġorġ); Ħaż-Żebbuġ; il-Mosta; in-Naxxar; ir-Rabat; Raħal Ġdid; iż-Żejtun. F’Għawdex, il-purċissjoni ssir, il-Fontana; in-Nadur; il-Qala; ir-Rabat (San Ġorġ); ix-Xagħra u ż-Żebbuġ. F’ċerti lokalitajiet hemm id-drawwa li r-reffiegħa, kull tant ħin, jaħkmu l-lasti tal-bradella f’idhom u jiġru bl-istatwa kemm jifilħu għal distanza qasira.
GĦID IL-ĦAMSIN Din il-festa liturġika, imsejħa wkoll Pentekoste, hi ċċelebrata ħamsin jum wara l-Għid il-Kbir. L-għid ifakkar l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli li seħħ għaxart ijiem wara t-Tlugħ is-Sema ta’ Ġesù Kristu. Il-kelma Pentekoste bil-Grieg tfisser: Ħamsin Jum.
GĦID TA’ AWWISSU Rif. għall-festa ta’ Santa Marija (l-Assunzjoni, li hi ċċelebrata fil-15 ta’ dan ix-xahar.

IERMU, Sant’Iermu (bit-Tal. Sant Elmo) hu isem ieħor għal Sant’Erasmus, qaddis li kien isqof ta’ Formiae fil-Campagna, l-Italja, meqjus bħala protettur kontra l-maltempati, l-aktar fuq il-baħar. In-’nar ta’ Sant’Iermu’ hu fenomenu tan-natura li jseħħ meta xi sajjetta tolqot oġġett fl-art jew xi arblu tal-bastiment u f’dak il-mument tipproduċi enerġija tal-elettriku. Sant’Iermu sar protettur kontra l-maltemp għax meta kien qiegħed jipprietka, faqqgħet sajjetta u din għal ftit ma laqtitux. Il-Forti Sant’Iermu hu ddedikat lil dan il-qaddis. Minkejja ta’ hekk, l-ebda waħda miż-żewġ kappelli li hemm fiha ma hi ddedikata għalih; minflok, it-tnejn huma huma ddedikati lil Sant’Anna.

KURRAD / KERREW Hemm leġġenda li tgħid li dan il-qaddis kien jgħix bħal eremita fl-għar u l-kappella ddedikata lil San Pawl Eremita, li hemm f’Wied il-Għasel, barra l-Mosta. Minn hemm kien tkeċċa / ħarab mill-bdiewa għal xi raġuni jew oħra. Jeżistu diversi verżjonijiet ta’ din il-leġġenda. Waħda minnhom tirrakkonta kif San Kurrad tar fuq il-mantell tiegħu lejn Sqallija. Fil-katidral ta’ Noto, hemm skrizzjoni bil-Latin li tgħid li dan il-qaddis tar mirakolożament minn Malta lejn Sqallija fuq mantell. Imbagħad hemm leġġenda oħra li tgħid li San Kurrad tar fuq il-mantell lejn Kemmuna fejn baqa’ jgħix il-bqija ta’ ħajtu. L-aħħar verżjoni tgħid li meta kien imkeċċi minn Wied il-Għasel, San Kurrad tar fuq il-mantell tiegħu lejn Għawdex, u għex ta’ eremita fl-għar li hemm taħt il-knisja ta’ Sant’Antnin fil-Qala. Hemm kien jmorru ħafna nies għandu bien ikunu mfejqa minnu. F’Għawdex dan il-qaddis hu aktar magħruf bħala San Kerrew.
KRISPIN Qaddis li miet martri ma’ ħuh Krispjanu, fi Soisson fi Franza, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Dijoklezjanu (287 AD.) Iż-żewġ aħwa kienu skrapan – jaħdmu filgħaxija, waqt li filgħodu kienu jxerrdu t-tagħlim Nisrani. San Krispin hu l-qaddis patrun tal-iskrapan. Waħda mill-fratellanzi li kien hemm fil-knisja parrokkjali ta’ San Pawl, il-Belt, kienet dik ta’ San Krispin.

KRUĊ, SANTU Il-festa magħrufa bħala l-festa tas-Salib, jew il-festa tal-Eżaltazzjoni tal-Kurċifiss. Din il-festa kienet issir fl-14 ta’ Settembru, l-aktar f’Birkirkara, għax tfakkar l-episodju meta Santa Elena u binha l-Imperatur Kostantinu waqqfu l-ewwel knisja fuq il-Golgota. Il-festa tfakkar ukoll ir-ritorn tas-salib f’Ġerusalemm mill-Imperatur Heraclius fis-sena 630. F’Malta, dawn l-avvenimenti kienu jkunu mfakkra b’purċissjonijiet mill-fratellanzi ta’ bosta parroċċi, fosthom ta’ Ħal Lija, ta’ Bormla u ta’ Ħaż-Żebbuġ. Sal-Konċilju Vatikan II, din il-festa kienet meqjusa bħala waħda btala kmandata. ‘F’Santu Kruċ lanqas jinqatel bergħud!’ kienu jgħidu. Illum din il-festa għadha tiġi ċċelebrata b’purċissjoni f’Birkirkara, fl-4 ta’ Mejju, bir-relikwa tas-Salib Imqaddes u bl-istatwa ta’ Santa Liena. Din tfakkar is-sejbien tas-Salib.
KUNĊIZZJONI, IMMAKULATA Festa li hi ċċelebrata fid-dinja Kattolika fit-8 ta’ Diċembru, u li f’Malta u fl-Italja hi btala pubblika. Il-Knisja arċipretali ta’ Bormla hi ddedikata għat tifkira tal-‘Madonna li mit-tnissil tagħha hi mingħajr tebgħa tal-ebda dnub’. Din id-dogma ġiet stabbilita mill-Papa Piju IX, fit-8 ta’ Diċembru tal-1854, bil-bolla Ineffabilis Deus. Tradizzjonalment, f’jum din il-festa tinżera l-ġulbiena biex sal-Milied din tikber biżżejjed biex iżżejjen il-maxtura.

LAPSI It-Tlugħ is-Sema ta’ Ġesù Kristu. Festa li hi ċċelebrata mill-Insara, erbgħin jum wara l-Għid. Fl-antik, l-abitanti ta’ Birkirkara u l-madwar kienu jerħulha lejn il-knisja Ta’ San Ġiljan li hi ddedikata lit-Tlugħ is-Sema’. Wara l-quddiesa l-pellegrini kienu jagħmlu ikla ħdejn il-baħar, fil-bajja ta’ San Ġiljan, li sa dak iż-żmien kien għad kellha x-xatt bir-ramel. Oriġ. etim. Gr. Anale(m)psis– M. It-Tlugħ ’il fuq u r-riċeviment ta’ Kristu fis-sema.

LAWRENZ Marbut mal-festa ta’ San Lawrenz, li taħbat fl-10 ta’ Awissu, hemm fenomenu astrali. Dan iseħħ lejlet il-festa, fid-9 ta’ Awwissu. Dakinhar, jidhru fis-sema bħal frak ta’ dawl, qisu ħafna stilel jiġru mas-smewwiet, li fil-fatt hu r-residwu li tħalli warajha l-kometa Swift Tuttle. Dan il-frak hu magħruf ukoll bħala Perseidi, għaliex dan id-dawl jidher bħallikieku ġej mill-kostellazzjoni magħrufa b’dan l-isem. Dan hu magħruf bħala, id-‘Dmugħ ta’ San Lawrenz’. Antikament, l-għada li jseħħ dan il-fenomenu, ħafna tfal kienu joħorġu jfittxu il-frak tal-‘faħam’ li kienu jemmnu li jkun waqa’ mis-sema minħabba dan il-fenomenu. Dan il-frak jissejjaħ il-FAĦAM TA’ SAN LAWRENZ.

LUNZJATA, MADONNA TAL- It-tħabbira tal-Arkanġlu Gabriel lill-Madonna li kellha tkun omm Alla. Wieħed mit-titulari l-aktar komuni ta’ knejjes, kappelli u altari li hawn fil-gżejjer Maltin. B’kollox hawn mas-37 knisja jew kappella, fosthom żewġ parroċċi – Ħal Tarxien u Ħal Balzan. Xi wħud minn dawn ma’ għadhomx miftuħa għall-qima. Imbagħad hawn aktar minn għoxrin altar iddedikat għal dan it-titlu, (Marian Devotions in the Islands if St Paul (1600 – 1800). Dari kien hawn min jemmen li jekk tiġieġa tbid bajda fil-25 ta’ Marzu, festa tal-Madonna tal-Lunzjata, din il-bajda ma għandhiex tittiekel. Minflok il-bajda kienet tinżamm merfugħa għax kienu jemmnu li biż-żmien din issir tfuħ u tarmi riħa tal-balzmu. Wara xi żmien, din il-bajda kienu jofqsuha u l-kontenut tagħha jħalltuh bix-xaħam biex isir ingwent li jfejjaq.
LUĊIJA Qaddisa li hi meqjuma bħala l-protettriċi kontra l-mard fl-għajnejn. F’Sirakuża. Jeżistu żewġ lokalitajiet, wieħed f’Malta u l-ieħor, raħal żgħir f’Għawdex li għandhom dan l-isem. F’Santa Luċija, fit-13 ta’ Diċembru, jibdew l-irwiegel.

MADONNA TAĊ-ĊINTURA It-titlu tal-Madonna magħrufa wkoll bħala l-Madonna tal-Konsolazzjoni, meqjuma kemm fil-knisja ta’ San Mark (tal-Agostinjani), ir-Rabat, kif ukoll fil-knisja parrokkjali tal-Gudja. Skont il-leġġenda, il-Madonna kienet tat iċ-ċintura (jew iċ-ċinglu – simbolu tas-sabar) lil Santa Monika, omm Santu Wistin, għax din kienet tinsab fi stat ta’ niket kbir minħabba li binha ma kienx irid jaf bil-fidi Nisranija. Kien fil-festa tal-Madonna taċ-Ċintura, fit-2 ta’ Settembru tal-1798, li l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi li kienu ilhom jokkupaw lil Malta mill-10 ta’ Ġunju.
MADONNA TAL-ĦLAS Titlu mogħti lil Madonna. Hemm kappella magħrufa hekk, f’Wied is-Sewda, bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. Proprjament, din il-kappella hi ddedikata lill-Assunzjoni u tmur lura sas-seklu sittax. It-titlu ‘tal-Ħlas’ għandu aktar minn sinifikat wieħed. L-ewwel li tiġi f’moħħna hi l-konnotazzjoni tal-ħlas bħala ħelsien mill-iskjavitù. A. de S. (1746) jinterpreta l-kelma ‘ħlas’ bħala l-ħlas mit-tqala. Nisa li jkunu ħelsu mit-tqala kienu, u għadhom sal-lum imorru f’din il-kappella biex jirringrazzjaw lill-Madonna talli kollox mar b’wiċċ il-ġid. Il-kelma ‘ħlas’ tista’ tfisser ukoll offerta. Dawn l-offerti kienu jingħataw lill-kappillan fil-festa ta’ Santa Marija, fil-15 ta’ Awwissu meta l-bdiewa kienu jħallsu il-qbiela.

MARTIN Fil-11 ta’ Novembru, f’jum il-festa ta’ San Martin ta’ Tours (316 – 397), għad hawn id-drawa li t-tfal jingħataw borża mimlija ġewż, lewż, qastan u tin, kif ukoll xi frott ieħor. Din hi riflessjoni tal-ġenerożità li San Martin wera ma’ min kien fil-bżonn. Qawl: F’San Martin inkissru l-lewż, fil-Milied naqsmuħ. Fil-festa ta’ San Martin kienet id-drawwa li mijiet ta’ Maltin kienu jattendu għal festa li kienet issir fil-Baħrija, qrib il-kappella ddedikata lil dan il-qaddis.
MATTEW L-isem ta’ kappella ħelwa qrib il-Maqluba, barra l-Qrendi. Hawn kienet issir festa folkloristika u popolari sew. Qawl: F’San Mattew (2 ta’ Settembru) iżra t-tewm.

MIKIEL Arkanġlu San Mikiel għandu bosta qima madwar Malta kollha. Kemm f’dawk li huma kappelli kif ukoll f’niċeċ. Fil-knisja parrokkjali ta’ San Pawl il-Belt, kien hemm fratellanza li kienet tieħu ħsieb il-kappella ddedikata lil dan il-qaddis. Il-membri tal-fratellanza kienu kollha bejjiegħa li jbigħu bil-grossa. Qawl: F’San Mikiel (29 ta’ Settembru) lesti n-niċċa għall-gandlier. Dan ifisser li minn dan il-jum ‘il quddiem, il-ġurnata tibda tiqsar sew.
MILIED Din hi festa partikolari li ġġib magħha bosta tradizzjonijiet, xi wħud minnhom antiki, oħrajn aktar riċenti. Hi festa li tgħin fil-ferħ tal-familji kollha l-aktar għax f’dan il-jum issir ikla speċjali u jitqassmu r-rigali. Qawl: F’April u fil-Milied neħħi l-moħriet mill-wied. Qawl ieħor: Fil-Milied il-bews naqsmuh mal-lewż.

NIKOLA Isqof ta’ Mira / Bari (270 – 343), qaddis li kien magħruf għall-atti karitattevoli tiegħu. Hemm storja li tgħid kien hemm tliet tfajliet foqra li riedu jiżżewġu, u li missierhom ma kellux flus għad-dota tagħhom. Meta San Nikola sar jaf b’dil-biċċa, dan mar xeħtilhom xi flus / deheb mit-tieqa tad-dar biex jgħinhom mingħajr ma wera min kien. Fis-Siġġiewi, fejn dan il-qaddis hu l-qaddis patrun tar-raħal, hemm statwa li turi l-San Nikola bi tliet ħobżiet f’idu, simbolu tal-kwalitajiet ġenerużi tiegħu. Skont it-tradizzjoni, it-tfajliet ta’ dan ir-raħal li jkunu qed ifittxu ġuvni biex jiżżewġu kellhom iduru tliet darbiet ma’ din l-istatwa biex ix-xewqa tagħhom tkun maqtugħa. F’jum dan il-qaddis, fis-6 ta’ Diċembru, fil-knisja tas-Siġġiewi kif ukoll dik tal-Belt (magħrufa wkoll bħala Tal-Erwieħ), jitbierku u jitqassmu l-ħbejżiet. Kienu jgħidu li dawn għandhom is-seħer li jfejqu mill-mard kif ukoll iżommu ‘l bogħod is-sajjetti. San Nikola spiċċa magħruf mad-dinja kollha bħala Santa Klaus.

PAWL Il-qaddis patrun ta’ Malta. L-istorja ta’ kif ġie Malta hi miktuba fl-Atti tal-Appostli, kapitli 27 u 28. Apparti dan ir-rakkont jeżistu bosta tradizzjonijiet u leġġendi dwar il-wasla u l-waqfa ta’ dan il-qaddis f’Malta. Fost dawn, jingħad li San Pawl neħħa l-velenu minn ilsien il-lifgħat. Meta waqt it-tħaffir fil-blat jinstabu fossili b’forma triangolari dawn kienu jsejħulom ‘Ilsien San Pawl, jiġifieri l-ilsna tas-sriep li San Pawl xeħet taħt l-art. Fil-fatt dawn huma fossili ta’ snin tal-kelb il-baħar. Twemmin ieħor hu marbut mal-Grotta ta’ San Pawl li hemm taħt il-knisja ta’ San Pubbliju u l-Parroċċa bażilikali tar-Rabat. Hawn kienu jmorru ħafna nies, anki barranin mill-Ewropa biex jingħataw trab mill-grotta li setgħu jikkunsmaw bħala antidodu kontra l-avvelenament. Dan il-frak kien jinżamm ġo kontenitur żgħir imdendel ma’ sidirhom biex fil-bżonn dan setgħu jħalltuh mal-inbid u jixorbuh.
PIETRU U PAWL / MNARJA Għal dawn iż-żewġ qaddisin issir il-festa tal-Mnarja fid-29 ta’ Ġunju, kemm fil-Katidral tal-Imdina kif ukoll fil-knisja parrokkjali tan-Nadur. Festa li hi wkoll btala pubblika, mimlija bi tradizzjonijiet antiki, fosthom il-ħġejjeġ, l-ikla u d-daqq fil-buskett, u t-tiġrijiet tal-bgħula fit-trejqa taħt is-Saqqajja, r-Rabat.

RAJMUNDU NONNATO Il-qaddis patrun tan-nisa tqal, l-aktar fil-mument li jkunu qed jelldu. Hawn bosta qaddisin oħra li huma protetturi tan-nisa fit-tqala, fosthom: San Kaloġero, San Blas, Sant’Anna, Santa Lukarda, San Pietru, San Vitor, u San Spiridjun.

ROKKU Qaddis li twieled Montpelier fl-1295, iżda għex għal ħafna żmien fl-Italja. Dan hu l-qaddis patrun kontra l-pesta għax fi żmienu, f’bosta bliet fl-Italja kienet tfeġġ il-pesta. Hu kien imur f’dawn il-bliet, iżur il-morda u jqiegħed idu fuqhom biex ifejjaqhom. Jgħidu li kull fejn żar, il-pesta waqfet. Biss, fi Pjaċenza, Santu Rokku nħakem minn din il-marda qerrieda. Hu mar jgħix f’foresta sakemm fieq. Skont l-istorja, waqt li kien hemm, kuljum kien jiġi għandu kelb bl-ikel biex dan il-qaddis jitrejjaq. B’hekk f’kull immaġini ta’ dan il-qaddis naraw kelb ħdejh. F’Malta hawn seba’ kappelli ddedikati għalih, kif ukoll ċimiterju barra l-Birgu li llum ma għadux jeżisti. Dan barra kwantità ta’ statwi u niċeċ li saru f’xi żmien jew ieħor ma’ Malta kollha, bħala protezzjoni kontra l-pesta. Ara: BASTJAN.
STIEFNU San Stiefnu kien l-ewwel qaddis li miet martri wara l-mewt ta’ Kristu. Hu kien imħaġġar minħabba t-twemmin Nisrani tiegħu. Il-festa tiegħu hi fis-26 ta’ Diċembru. Idj: ‘Mill-Milied sa San Stiefnu’ – Tingħad meta ħaġa jkollha ħajja qasira u tibqa’ biss għal ftit żmien.
TUMAS Ngħidu, ‘Qisek San Tumas’, meta bniedem ma jemminx dak li jgħidulu, jekk ma jarax u ma jmissx b’idejh.
VITU Qaddis ieħor li miet martri minħabba l-persekuzzjonijiet ta’ Dioklezjanu. Teżisti kundizzjoni jew marda msejħa, il-’Ballu ta’ San Vitu’. Din taffetwa l-aktar lil xi wħud li jkunu qed isofru minn rewmattiżmu akut. F’din il-kondizzjoni, il-marid isofri minn movimenti involontarji f’diversi partijiet tal-ġisem, l-aktar fl-idejn, fil-wiċċ u fis-saqajn. Dawn il-mossi involontarji jagħtu l-impressjoni li l-persuna qiegħda bħal tiżfen. B’hekk, din il-marda kienet mgħotija dan l-isem, għaliex San Vitu hu l-qaddis patrun taż-żeffiena. Iż-żfin ad unur ta’ dan il-qaddis oriġina fil-Ġermanja u fil-Latvja fejn kienu jeżistu gruppi ta’ devoti li kienu jiżfnu quddiem l-immaġini ta’ dan il-qaddis. Din il-kundizzjoni tissejjaħ ukoll ‘Tarantiżmu’.
Martin Morana
9.12.2021
Għal aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur ikklikkja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/
Bibliografija
Bonniċi Cali Rafel, ‘San Nikola tal-Venturi’, Folklor, Ed. Guido Lanfranco.
Klabb Kotba Maltin, 2004.
Borg Vincent, Marian Devotions in the Islands if St Paul (1600 - 1800).
The Historical Society. 1983.
Buttigieg Charles, ‘L-Immakkulata Kunċizzjoni - Ħarsa Biblika’.
Cassar Pullicino Joseph, Studies in Maltese Folklore. Malta University Press. 1992.
Lanfranco Guido, ‘Sant’Anna fil-Folklor Malti’.
Manduca John & Ġorġ Mifsud, Il-Qawl Iqul. P.E.G. 1989.
Tagħrif Dwar il-Qaddisin www.taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com
Scerri Mariella, ‘Faith and Patron Saints During the Black Death’, Hektoen
International, Journal of Medical Humanities. https://hekint.org/2020/06/02/faith-and-patron-saints-during-the-black-death/
Vella Fiona, ‘Il-Purċissjoni ta’ San Girgor - tradizzjoni jew fidi?’
www.Fionavella.com.
http://fionavella.com/features/tag/papa-san-girgor-il-kbir/
Ciantar Noel, ‘Santu Rokku ta’ Montpelier’; www.Kappellimaltin.com.
https://www.kappellimaltin.com/Kitbiet/Qaddisin/Santu_Rokku/santu_rokku.html
Ara: l-Enċiklopedija tal-website dwar kliem antik Malti u aneddoti mill-istorja ta’ Malta`. Ikklikkja hawn:
A * B * Ċ * C * D * E * F *
Ġ * G * GĦ * H * Ħ * I * J * K *
L * M * N * O * P * Q * R * S *
T * U * V * W * X * Ż * Z *