L-ikel fil-qwiel u fl-idjomi Maltin

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *   

QWIEL  u  ESPRESSJONIJIET

relatati mal-

IKEL

 

F’ħajjitna, l-ikel u x-xorb huma importanti daqs l-arja li nieħdu n-nifs minnha. Waqt li ħadd ma jikkonfondi wisq dwar l-arja li nibilgħu regolarment, l-ikel hu ħaġa li l-bniedem dejjem hu ppreokupat bih għax jagħmlu kuntent. Għal bosta, l-ikel iservi ta’ skop fil-ħajja. Hawn min, ‘jgħix biex jiekol’, flok ‘jiekol biex jgħix’. Nistgħu ngħidu, li għal ħafna, il-ħsieb dwar l-ikel hu kostanti. Ta’ spiss tisma’ n-nisa bejniethom isaqsu ’l xulxin, ‘x’ser issajjar illejla?’ Tisma’ wkoll min jiftakar dwar xi ikla speċjali li kiel f’xi ristorant – naturalment, dejjem jekk l-ikel servut kien bnin.

Anki meta niġu biex nitkellmu, naslu biex nesprimu ruħna aħjar billi nħobbu nagħmlu analoġiji b’idjomi li għandhom x’jaqsmu mal-ikel. Hekk, biex nagħti eżempju, meta wieħed ikun nieqes sew mill-flus ngħidu, ‘dak ma għandux għaxja ta’ lejla – ‘għaxja’ tfisser l-ikla ta’ filgħaxija. Il-Malti jgħid ukoll, ‘min hu mejjet fis-sakra u min hu mejjet għal qatra’. Għal bniedem li jrid jaħtaf kull ma jara, ngħidu, ‘dak għandu għajnejh ikbar minn żaqqu’. Insibu bosta qwiel li l-analoġija tagħhom hi meħuda mill-mod u drawwiet ta’ kif nieklu.

Hawn qiegħed inġib lista ta’ qwiel kif ukoll eżempji ta’ espressjonijiet idjomatiċi li jagħtu kulur lill-mod ta’ kif naħsbu u niftiehmu ma’ xulxin bis-saħħa tal-paragun mal-ikel.

kirxadf06_08-06_tripe
Il-kirxa

                                                                       QWIEL 

BAJDA

  • Ilbieraħ kilt tiġieġa u llum bajda mgħollija, u għada nixrob il-lissija. (Il-lissija hu misħun jagħli mitfuh fuq l-irmied biex jirgħa u jintuża għall-ħasil tal-ħwejjeġ).  * Dan il-qawl ifisser li s-sitwazzjoni sejra kuljum mill-ħażin għall-agħar.
  • Min jisraq bajda jaf jisraq tiġieġa.  *  Jiġifieri, jekk bniedem jaf ibill subgħu        f’affarijiet ta’ valur baxx, hekk ukoll kapaċi jikser il-liġi f’affarijiet aktar serji.

BAJTAR

  • Dak li jistenna il-bajtar jaqa’ f’ħalqu jmut bil-ġuħ.  *  Hemm bżonn li nkunu      kapaċi nikkontrollaw id-destin tagħna billi inkunu attivi u mhux reattivi.

BASLA

  • La tidħolx bejn il-basla u qoxritha għax tibqa’ b’riħitha  *  Ma għandekx għax  tiżżattat fi kwistjonijiet ta’ ħaddieħor ġaladarba int ma għandekx x’taqsam.

FIGOLLA

  • Min fit-triq jiekol figolla ‘l-żewġu jsib qalb il-folla.  *  Dan kien twemmin antik  fejn kienu jaħsbu li jekk tfajla tiekol barra fit-triq din żgur issib ir-raġel li          jħobbha.

FTIET

  • Meta jasal il-Milied l-omm timla l-platt bil-ftiet, u l-missier iqabbad il-pipa biż- żnied   *  il-Milied hu żmien fejn wieħed jiekol tajjeb, u fl-istess ħin iqatta’ aktar  ħin mal-familja.

FTAJJAR

  • Min jorqod bil-ġuħ joħlom bil-ftajjar.  *  Il-bniedem dejjem jhewden dwar dak li jkun imxennaq għalih.

FTIRA

  • Il-ftira sħuna tajba.  *  Ħadd ma għandu għalfejn jitnikker biex ilesti dak li        għandu jagħmel, ħalli x-xogħol isir mill-aktar fis.

ĠUĦ

  • Aħjar torqod bil-ġuħ milli tkun midjun.  *
  • Il-ġuħ qabel ir-ruħ  *  L-ikel kif ukoll ix-xogħol li bih taqla’ l-ħobża ta’ kuljum għandu jsir, anki jekk ikun jum sagru.
  • Min hu bil-ġuħ jiekol kollox  *

GALLETTA

  • B’mitt elf sena ħsieb ma tixtrix galletta.  *  Jekk toqgħod tinkwita mingħajr        ma tfittex rimedju ma tasal imkien.

ĦOBŻ/A

  • Il-ħobż agħtih lil min jaf jieklu.  *  Ix-xogħol irid isir biss minn min jifhem u      hu kapaċi.
  •    F’April ħobża kbira fil-mindil  *  (Il-mindil hu l-maktur kbir li fih kienu               jqiegħdu l-ħobż meta jittiekel fuq ix-xogħol). Dan il-qawl irid jgħid li f’April     isir  il-ħsad li minnu l-bidwi u familtu jistgħu jgħixu.
  •    Malta ħanina, ħobża u sardina  *  Kull Malti jħobb u hu kburi b’pajjiżu, biss,     aqwa minn hekk, il-bniedem jeħtieġlu qabel xejn isib biex jitma’ lilu nnifsu.
  •   Mejju ħobża u sikkina, għax kull ġid jagħtina  *  F’Mejju l-art tibda tagħtina       lura l-uċuħ tar-raba’ li nkunu kabbarna.
  •    Żaqq ta’ mara tesa’ ħobża, u kelma ma tesagħhiex.  *  Qawl sessist li                  jittimbra  lin-nisa li mhux kapaċi jżommu sigriet.

KAVATI

  •  Għawdxi żokrati, il-gremxul ħasbu kavati.  *  (Żokrati – minn żokra) isservi          ta’ aġġettiv li jirriferi għal bniedem b’żaqq kbira (għaldaqstant, żaqqieq).          Qawl li jittimbra l-Għawdxin bħala nies rgħiba.

KAWLATA

  • Siġra fruttata aħjar minn platt kawlata  *  Qawl li jsostni li l-frott dejjem hu      ppreferut aktar minn platt ħaxix.

LAĦAM

  • Fejn hemm il-ftehim, il-basal isir laħam  *  Bil-ftehim igawdi anki l-fqir u l-        batut.

MELĦ

  •  Għal naqra melħ tħassarx il-borma   *   Wieħed ma għandux jixxaħħaħ biex l-   oġġett jew ix-xogħol isir tajjeb. Dan il-qawl jixbah lill-ieħor li jgħid, ‘fejn qlejt   bajda issa naqli tiġieġa’.

RAVJUL

  • It-testment għandek tagħmlu meta tkun għadek tiekol ir-ravjul  *  It-testment  għandu jsir mhux fis-sodda tal-mewt, imma meta dak li jkun ikun għadu f’siktu.

ROSS

  •  Min għandu l-għali ħa jiekol ir-ross bil-labra  *  Jekk inkwetat, kull bil-mod.     Jista’ jkun li dan il-qawl għandu tifsira oħra: Meta togħla l-ħajja / jekk ma         għandekx bix-tixtri, ġewweż.

SOPPA

  •  L-inkwiet jinżel aħjar bis-soppa milli mingħajrha.  *  Aħjar jekk bniedem           jirraġuna u jargumenta meta jkollu żaqqu mimlija.

XKUMVATA

  • Min għandu l-faħam miblul, kull xkumvata jaħsibha gremxul – Min ikun            ħati ta’ xi ħaġa f’ħajtu, jibqa’ jissuspetta f’kulħadd. (L-ixkumvat hu bħal            għaġin/a moqli/ja u miksi/ja bl-għasel jew biz-zokkor. Sors: Erin Serracino        Inglott: Il-Miklem Malti).

ŻBIBA

  • Aħjar żbiba milli għenba  *  Aħjar ħaġa mqaddma / mara ta’ ċerta età, milli                   ħaġa / persuna sabiħa li taqdik ftit jew xejn.
  • Fl-aħħar tal-mazzita ssib iż-żbiba.  *  L-inkwiet għandu ħabta jitfaċċa fl-            aħħar tal-affari li nkunu qed nagħmlu.

hobz 1510115_104726

                                                         

                                                   ESPRESSJONIJIET u IDJOMI

BALBULJATA

  • Għamel balbuljata  *  L-affari għawwiġha u ħarbatha waħda sew. Ngħidu          wkoll:   għamel froġa / għamel kawlata / għamel qassata.

ĦOBŻ

  •  Ngħidu, ‘Fik il-ħobż!’ Din tingħad b’mod ironiku meta wieħed irid ifisser           li dik  il-persuna mhijiex kapaċi; jew inkella il-persuna inkwistjoni qed               tbigħ bil-għali.

BAQTA

  • Baħar baqta   *   Baħar kalm ħafna daqs il-krema li taqgħad fil-proċess             biex issir l-irkotta.

BISKUTTINI

  • Biskuttini f’ħalq il-ħmir  *  Riferenza għal meta tagħti xi ħaġa ta’ preġju lil         xi ħadd, biss, din ma japprezzahiex.

BEZZUN

  • Il-bezzun għaqad  *  Jiġifieri, żdid l-inkwiet; il-biċċa qed tagħqad.

BRODU

  • Ngħidu, ‘Agħmilha brodu ħej!’ Din tingħad b’mod ironiku meta bniedem        ikun qed jiftaħar b’xi ħaġa li ma tiswa xejn.

BŻAR

  • Ngħidu, ‘dak iħobb iroxx il-bżar fl-għajnejn’  *  Tingħad għal xi ħadd li               jiftaħar b’dak li ma għandux biex jidher sabiħ. Tinganna lil xi ħadd.

DARFĠIN

  • Kienu jgħidu, ‘Qatlu d-darfġin!’ Riferenza għal meta jsir festin kbir fid-dar.  *    Dari,  f’okkażjonijiet speċjali, kienu joqtlu ħanżir imsemmen (darfġin) biex        jittiekel fl-ikla mill-mistednin.

DIŻERTA

  • Laqqgħat id-diżerta.  *  Tingħad b’mod ironiku; jiġifieri fl-aħħar tal-kwistjoni qala’ ċamata jew              kastig.

FTAJJAR

  •  Dak joħlom bil-ftajjar  *  Riferenza għal xi bniedem li jgħix fil-fantasija u           mhux realistiku.

ĠIDRA

  • Moħħu ġidra  *  Tingħad għal xi ħadd li mhu kapaċi jżomm xejn f’rasu, jew      inkella   tista’ tingħad għal xi ħadd injorant. Ngħidu wkoll, ‘moħħu qargħa’.

GĦAĠINA

  •  Sab ix-xagħra fl-għaġina  *  Tingħad għal xi ħadd li jħobb ifittex l-irqaqat         biex   jirbaħ l-argument.

GĦAXJA

  • Ma għandux għaxja ta’ lejla  *  Ma għandux biex jitrejjaq.

GĦASEL

  • Niżillu għasel.  *  Ngħiduha f’mument meta bniedem ikun kiel jew xorob          affarijiet bnini u ta’ togħma tajba.

ĦALIB

  • Ħalib ix-xjuħ.  *  Il-ħalib kienet kelma użata b’mod ewfemistiku flok il-kelma    inbid. Qabel kienu jemmnu li l-inbid kien jagħti s-saħħa, speċjalment lix-xjuħ u għalhekk kien ta’ sustanza daqs il-ħalib.

ISQINI

  • Isqini u saqsini  *  Aktar ma tagħtini nixrob (alkoħol) aktar ilsieni jinħall.

KIRXA

  •  Qatt ma kilt kirxa miegħek  *  Min jgħidha jkun qed jurik li int m’intix               wieħed minn ta’ ġewwa biex jaqsam miegħek xi ħsibijiet intimi jew xi ġid.

LEKUMJA

  • Jikolha l-lekumja. Tingħad għal xi ħadd li għandu ħalqu kbir.

MELĦA

  • Ħallieha ħelwa għal melħa  *  Meta bniedem, biex jiffranka, ma jinkludix          ingredjenti żgħar iżda essenzjali, ikun qed jissogra li l-oġġett joħroġ ħażin.

PASTIZZ

  • Qisu pastizz  *  Riferenza għal xi ħadd li joqgħod għal kollox jew ma jafx          jagħmel dak li jkun imqabbad jagħmel. Bħal din l-espressjoni ngħidu wkoll:      ‘Qisu ċapsa xaħam fuq biċċa karta’; jew ‘qisu bajtra’.

PATATA

  • Bela’ patata   *   Tingħad għal xi ħadd li jkollu wiċċu minfuħ.

PERŻUTA

  • Qata’ l-għatx bil-perżuta  *  Tingħad meta bniedem jagħti risposta xotta           jew   offra xi ħaġa ta’ ftit valur, kuntlarju għal dak li ntalab.

QAQOĊĊA

  • Imdawrin qaqoċċa  *  Sitwazzjoni fejn grupp ta’ nies iduru madwar                    persuna jew inkella jiffurmaw ċirku bejniethom stess huma u jiddiskutu u jsostnu argumenti ta’ importanza. Nużaw ukoll l-espressjoni, ‘magħqudin qaqoċċa’, meta familja, grupp jew komunità tkun qed tgħin lil xulxin f’kull deċiżjoni jew f’inkwiet.

QARMUĊ

  • Donnu qarmuċ  *  Tingħad għal xi bniedem ta’ statura żgħira, jew inkella          tifel ta’età żgħir. (Qarmuċ hu dak it-tip ta’ ikel li jitqarmeċ, bħal ngħidu            aħna, biskuttell).

SAJRAN

  • Nofs sajran  *  (Jiġifieri, nofs tisjira). Tingħad meta proġġett flok jitlesta u          jkun komplut mill-bidu sal-aħħar jieqaf nofs leħja.

SOPPA

  • Sar kollox soppa  *  L-oġġett (l-aktar l-ikel) għadda bosta ħin minn fuqu u        ma baqax tajjeb biex ikun ikkunsmat.

SUGU

  • Bla sugu ta’ xejn  *  Tingħad meta wieħed jitkellem bla sens, jew bħala              niferenza lejn oġġett li ma jkun jiswa xejn.

TOGĦMA

  • Ħalla togħma qarsa  *  B’dak li qal urta lil min kien qed jisimgħu.

TOSKU

  • Morr tosku  *  L-ikel ħażin għall-aħħar. (tosku tfisser velenu).

XAWWATU

  • Jiġbed lejn xawwatu  *  (Meta it-tisjir ta’ fuq in-nar jew fil-forn ikun qiegħed    isir minn bosta persuni f’daqqa, jiġifieri, kullħadd bl-ikel tiegħu fuq l-istess      nar, (bħal xi xiwja laħam jew ħut, waqt barbekju, dak li jkun jara li l-ikla            tiegħu qiegħda eqreb lejn in-nar minn ta’ ħaddieħor, biex l-ikel jissajjar sew).  Metaforikament din l-espressjoni nistgħu inqabbluha ma meta jkun hemm      argument u dak li jkun flok jaqbel ma’ dak li hu sew, jiġbed lejh għall-              gwadan tiegħu.

ŻAQQ

  • Taqagħlu żaqqu  *  Ngħiduha biex niddiskrivu lil xi ħadd li kif jara l-ikel ikun irid jiekol minnu bla dewmien. Ngħidu wkoll, ‘għajnejh ikbar minn żaqqu’.

ŻBIBA

  • Sab iż-żbiba fil-mazzita  *  Tingħad meta dak li jkun isib li fix-xogħol li jkun      wasal biex jlesti jiltaqa’ ma xi saram mhux mistenni. Fil-verità din l-            analoġija hi wżata ħażin, għaliex iż-żbiba mhix xi ħaġa ħażina jew morra u        allura mhux suppost tirreferi għal sitwazzjoni negattiva. Iż-żbiba hi l-għenba mqadda u għandha togħma ħelwa. Għandu mnejn li antikament l-użu ta’ din il-kelma bħala analoġija kien jintuża b’mod sarkastiku, bħal meta ngħidu, ‘isbaħ din!’ meta fil-fatt is-sitwazzjoni ma tkun sabiħa xejn, anzi tkun waħda kera.

ŻEJT

  • ‘Inqela b’żejtu!’  *  Tingħad meta dak il-bniedem li jipprova jagħmel ħsara lill-   ħaddieħor isofri hu stess bil-mod li kien qed jippjana li ssir il-ħaġa fuq             ħaddieħor.

ZALZA

  • Ġietu z-zalza ogħla mill-ħut  *  Ipprova jiffranka billi jixtri oġġett irħas, biss      xorta waħda swielu għali.

ZOKKOR

  • Kliemu taz-zokkor  *  Kliem li wieħed jgħid biex isabbar jew jinganna lil dak li  jkun.

Martin Morana

29.09.2022

http://www.kliemostorja.com

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
xkumvat

Bibliografija

Aquilina Joseph, Maltese – English Dictionary. Midsea Books Ltd. 1987 – 1990.

Agius Albert W., Qwiel, Idjomi, Laqmijiet Maltin u trufijiet oħra. BDL. 2004.

Busuttil E.D. Ġabra ta’ Qwiel Maltin u Qwiel Ingliżi li jaqblu magħhom. 1971.

Fenech Karm, Idjomi Maltin. Ġiżwiti Maltin. 1984.

Manduca J.S. u Ġ. Mifsud, Il-Qawl Iqul. Publishers Enterprises Group. 1989.

Muscat Azzopardi Ġino & Anna, Kif Ngħiduha. Klabb Kotba Maltin. 1975.

Serracino Inglott Erin, Il-Miklem. Klabb Kotba Maltin. 1974 – 1989.

Ara aktar kitbiet u pubblikazzjonijiet tal-istess awtur: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Kotba li jittrattaw mijiet ta’ aneddotti mill-istorja ta’ Malta kif ukoll jagħtu tifsiriet ta’ kliem antik u minsi. Kull ktieb għandu 256 paġna, b’mijiet ta’ ritratti li jispjegaw is-suġġetti ttrattati. Jinsabu għand il-librara. Prezz. Euro 14.95.

aa-ara-xint-tghid-3        a-abiex-il-kliem-ikun-sew-1-1

4 Comments

  1. Rigward il- ftira. Hawn min jużaha b’sens oppost. Xi ħadd ikun mgħaddab għax għamlu xi azzjoni u jkun irid ipatti. Hawn min jgħidlu li “L-ftira kiesħa tajba!” jiġiferi ‘jekk bi ħsiebek tpattiha, stenna li tkun ikkalmajt’.
    Bħal dejjem, grazzi tat-tagħrif li jogħġbok taqsam magħna.

    Like

  2. Grazzi tal-informazzjoni. Qawl iehor fuq ir-ross. Tghid mhux se jbellghali ir-ross bil-labra! Jigifieri thalli lil xi hadd naghmel li jrid bik.

    Like

Leave a reply to Rose Mangion Cancel reply