Is-SAGRA INFERMERIA

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     *    Q *    *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *   

Is-Sagra Infermeria

Minn Sptar għal Ċentru tal-Konferenzi

L-oriġini tal-isptar

Wara li l-Ordni ta’ San Ġwann ħalla l-Birgu fl-1571, biex jibda jamministra l-gżejjer Maltin mill-Belt Valletta, kien hemm bżonn urġenti li kull faċilità li kellu fil-Birgu tiġi ttrasferita lejn il-belt il-ġdida. B’hekk ukoll l-isptar tal-Ordni, li sa’ dak iż-żmien kien jinsab il-Birgu ngħalaq, u nbena sptar ġdid ftit ’il bogħod mill-forti Sant Iermu, fuq ix-xaqliba tal-Port il-Kbir. 

 Il-binja kif kienet imfassla

L-isptar il-ġdid fil-Belt Valletta beda jinbena fl-1574 u ġie inawgurat fl-1579, mill-Gran Mastru La Cassiere. Biż-żmien ġie mkabbar aktar, sakemm fis-seklu tmintax leħaq sar kumpless kbir bi swali kemm kbar kif ukoll żgħar. Dan it-tkabbir sar f’diversi perijodi, fl-1582-83, fl-1660-66, fl-1712 u fl-1780. Fl-1660, l-akbar sala, (is-Sala Grande) jiġifieri dik li tagħti għal fuq is-Sur ta’ San Lazzru, fuq il-Port il-Kbir, wara xi żmien, ġiet imtawla aktar u saret twassal sa 153 metru. Fin-nofs ta’ din is-sala tqiegħdu żewġ altari, wieħed dahru lejn l-ieħor, biex kuljum isir il-quddies u b’hekk dawk il-pjazjenti ta’ naħa jkunu jistgħu jattendu għal quddiesa li ssir fuq altar minnhom u l-oħrajn, tan-naħa l-oħra jattendu l-quddiesa li ssir fuq l-altar li jħares lejhom. Fl-1712, fi żmien il-Gran Mastru Perellos fin-nofs, u fil-ġenb din is-sala nbniet kappella.

image9MCC

Is-Sala Grande – illum magħrufa bħala l-Exhibition Hall, twila 153 metru. Fin-nofs, fuq in-naħa tal-lemin hemm il-kappella li nbniet fi żmien il-Gran Mastru Perellos.

Taħt l-istess sala hemm żewġ swali twal oħra, kull waħda minnhom fuq livell għalih. Biss, għall-kuntrarju għas-sala t-twila ta’ maġenb it-triq, li hi ferm arjuża, dawk ta’ isfel huma mudlama għax magħluqa minn kullimkien. L-ewwel waħda minn dawn kienet magħrufa bħala s-Sala del Magazzino. Hi magħmula bi ħnejjiet sbieħ u eleganti u li jippuntaw lejn in-nofs tas-saqaf biex dan jiflaħ it-toqol tas-sala t-twila. Parti minn din is-sala kienet isservi bħala sala għall-pazjenti, parti bħala maħżen, u parti oħra bħala kċina minn fejn kien joħroġ l-ikel għall-isptar kollu. Taħt din is-sala, kif semmejna hemm sala oħra twila, biss iċken mit-tnejn l-oħra ta’ fuqha. Din hi kompetament imħaffra fil-blat. X’aktarx kienet tintuża bħala sala għal dawk li kienu jsofru minn mard mentali. F’dan il-livell kien hemm passaġġ li jagħti għax-xatt biex dawk il-baħħara ta’ fuq ix-xwieni li kienu morda jew imweġġa’, jittellgħu mix-xatt, dritt għal ġol-isptar mingħajr ma jkollhom jiddaħħlu mill-Porta del Monte. G. Wood, Ingliż li ġie Malta fl-1667 u żgħar l-isptar, jgħid illi l-bitħa l-kbira li kienet daqs 28 x 28 metru wiesa’ kienet mimlija siġar tal-larinġ. (P. Cassar, 1983). Fir-restawr tal-binja din issaqqfet u mbidlet f’teatru u sala tal-konferenzi.

Fl-aqwa tiegħu, l-isptar kellu b’kollox mal-563 sodda, biss, f’każ ta’ emerġenza setgħu jiżdiedu magħhom ħafna aktar sodod biex l-isptar jilqa’ 914 pazjent (P. Cassar, 1983). L-isptar kien jinkludi wkoll spiżerija kif ukoll librerija b’kotba li jittrattaw kull aspett tal-mard u l-mediċina. Lil hinn mill-isptar, fi Triq San Ġakbu (illum Triq il-Merkanti), kien hemm binja apposta biex fiha jinħaslu l-ħwejjeġ tal-morda. Din wara saret il-binja magħrufa bħala l-Camerata li mbagħad l-Isqof Casolani biddel bħala kerrejja – magħrufa bħala l-Kerrejja l-Kbira (P.P. Castagna, 1863).  

Sala dei Magazzini li tinsab fis-sottern taħt is-Sala Grande. Illum mżejna kif tidher fir-ritratt ta’ isfel nett. (Ritratt: ħajr, Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi)

It-tqassim tal-pazjenti fis-swali 

Il-pazjenti kienu jinżammu fi swali separati skont it-tip ta’ mard, kundizzjonijiet jew feriti li jkunu qed isofru minnhom, jew inkella skont il-klassi tas-soċjetà li jappartjenu għaliha. Hawn qiegħed inġib lista ta’ swali li kien hemm fl-isptar skont kif kienu mqassma. Din il-lista ħadtha mill-ktejjeb informattiv ta’ Paul Cassar, (1983).

  • Is-Sala Grande – Din kienet magħrufa wkoll bħala s-Sala dei Febbricitanti. Din kellha 64 sodda.  Ma’ din kien hemm is-Sala Vecchia (22 sodda). Fiha kienu kkurati kull tip ta’ pazjenti, biss xi sodod kienu merfugħa apposta għall-patrijiet ta’ diversi kunventi.
  • Sala per i Feriti (29 sodda).
  • Is-Saletta (20 sodda), li kienet qrib is-Sala Grande u l-kappella, (fejn illum hemm l-Ellu Mercer Hall) biss dak iż-żmien ma kinetx tinfed, kienet irriservata għall-pazjenti moribondi.
  • Is-Sala San Giuseppe (20 sodda) kienet għall-ħabsin morda.
  • Is-Sala Nuova (21 sodda), magħrufa wkoll bħala Sala per i Flussuanti fejn kienu jkunu ttrattati dawk li jbagħtu b’mard intestinali. Ma’ din kien hemm żewġt iswali fejn kienu jiġu ttrattati dawk li jbagħtu mill-ġebla.
  • Sala dei Cavalieri (19-il sodda), li fil-fatt kienet magħmula minn żewġt ikmamar merfugħa apposta għall-kavallieri tal-Ordni.
  • Żewġt ikmamar, b’għaxar sodod għall-pazjenti li jkunu daħlu għal xi intervent kirurġiku.
  • Kien hemm ukoll sala riservata għal dawk li kienu ta’ reliġjon mhux Nisranija (8 sodod).
  • Sala del Maggazino Grande (109 sodod). Din hi dik is-sala ta’ taħt is-Sala Grande. Din is-sala ddekorata b’arkati ppuntati lejn iċ-ċentru. Din kienet merfugħa għal l-iskjavi u l-qaddiefa bonavogli ta’ fuq ix-xwieni jew inkella għal dawk ingaġġati bħala suldati fil-militar tal-Ordni. Meta ċertu John Howard – filantropu Ingliż, żgħar l-isptar fl-1786, tkaża kemm din is-sala kienet umda u fid-dlam. Howard jgħid li hawn kienu miżmuma l-morda b’mard tal-ġilda. Jgħid ukoll illi hawn kienu jinżammu xi nies anzjani jew inkapaċi mill-Belt Valletta. (J. Howard, 1791).  
  • La Falanga – Sala għall-mard venereali (120 sodda). Dan in-numru kbir ta’ sodod f’din is-sezzjoni juri kemm dak iż-żmien is-sess barra ż-żwieġ  li kien iwassal għal ħafna mard, kien komuni f’Malta.
  • Sale dei Magazzini (36 sodod). Skont P. Cassar, ma nafux fejn kienu dawn is-swali, biss jaħseb li dawn kienu isfel nett u rriservati għal dawk li kienu jsofru b’mard mentali.
  • Il-Palombara kienet sala għal dawk b’mard infettiv, bħal mard tas-sider (tuberkolożi) u l-ħniex (29 sodda).

Fl-1625, ċerta Caterina Scarpi kienet fetħet sptar għan-nisa. Biss, fl-1659, l-Ordni ta’ San Ġwann fetaħ l-isptar tiegħu għal pazjenti nisa, f’binja qrib is-Sagra Infermerija, fi Triq San Ġakbu (illum Triq il-Merkanti), bieb ma’ bieb mal-kappella tal-Maddalena. Dan kien magħruf bħala L’Ospidaletto jew La Cassetta. Dan l-isptar kellu mal-160 sodda. Miegħu kellu wkoll la Casa delle Alunne fejn kienu jinżammu t-tfal illeġittimi. C. Savona-Ventura, 2004).

L-ispiżerija

Kif wieħed jista’ jissoponi, mill-kelma nfisha, din kienet is-sezzjoni fejn kont issib ħafna ħwawar mediċinali (Tal. spezie). Din l-ispiżerija kienet tintuża mhux biss biex tingħata l-mediċina meħtieġa mill-pazjenti tal-isptar, iżda kienet isservi wkoll biex dawk li ma kellhomx bżonn jidħlu l-isptar ikunu inviżtati u jingħataw il-mediċina. L-ispiżerija kienet immexxija mill-Ispeziale Primario (Malti: spiżjar ewlieni). Fi żmien l-Ordni, wieħed seta’ jsib madwar 780 tip ta’ mediċina, fosthom, l-għerq sinjur, misjub l-aktar fuq il-Ġebla tal-Ġeneral, Għawdex, kif ukoll, it-trab tal-ġebla tal-franka meħud mill-Grotta ta’ San Pawl, fir-Rabat, għax dak iż-żmien kienu jemmnu li dan kellu l-kapaċità li jfejjaq l-infezzjonijiet fl-intestini, l-aktar f’każi ta’ avvelenament. Ċerti ħxejjex mediċinali kienu jitkabbru fil-foss li  jdawwar l-fortizza ta’ Sant Iermu, għaliex dawn il-ħxejjex jikbru sew bl-ilma tax-xita li jinżel fil-foss, waqt li fl-istess ħin ikunu prottetti mir-riħ u minn min jittanta jisraqhom għal użu personali. Dan il-ġnien kien ukoll konvenjenti ħafna għaliex kien jinsab erba’ passi biss ’il bogħod mill-isptar (C. Savona-Ventura, 2004). * Ta’ min wieħed isemmi wkoll l-inbid li kien jingħata fl-isptar lill-pazjenti għax dak iż-żmien kienu jemmnu li dan kien rimedju ta’ saħħa għal bosta kondizzjonijiet.

Is-servizz mediku fl-isptar

Wieħed mill-kontenituri tal-mediċina li kienu jintużaw fis-Sagra Infermeria. Illum dan hu esebit fil-Mużew tal-Arti (MUŻA) Triq il-Merkanti l-Belt. (Ritratt: Ħajr: MUŻA / Heritage Malta )

Ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-isptar kienet taqa’ taħt il-Gran Prijur ta’ Franza. Dan kien jiddeputa Kavallier Franċiż mill-istess lingwa bħala Infermiere li kien allokat fir-residenza tiegħu fl-istess binja tal-isptar. Biex jamministraw it-tmexxija ġenerali tal-isptar kien hemm żewġ Prod’hommes (ara: PRODOMO).  Numru ta’ kavallieri tal-Ordni kienu wkoll jissorveljaw il-morda fl-imkien mal-qaddejja. Dawn il-kavallieri kienu minn ’lingwa’ differenti, kull lingwa assenjata x-xogħol skont min imissu. Anke il-Gran Mastru flimkien ma’ xi Cavalieri Gran Croce kien iżur il-morda tliet darbiet fil-ġimgħa. Biss, George Sandys, Ingliż li żar Malta fl-1610, jgħid li l-Gran Mastru kien iżur il-morda nhar ta’ Ġimgħa biss. (G. Sandys, 1615).

Meta pparagunat ma’ sptarijiet oħra fl-Ewropa, dan l-isptar kien ikkunsidrat bħala sptar ta’ servizz mediku superjuri, kemm minħabba t-trattament uman li l-pazjenti kienu jirċievu mill-kavallieri nfushom, kif ukoll minħabba l-livell għoli ta’ kura li dawn kienu jingħataw. Bosta mill-kirurgi u tobba li kienu jispeċjalizzaw f’ċerti oqsma tal-kura kienu jintbagħtu barra biex jistudjaw, l-aktar f’Pariġi, Ruma u Firenze. Il-Kavallieri kienu jirriferu għall-pazjenti bħala ‘i nostri signori’.

Il-mediċina u l-ikel kienu jisservew f’reċipjenti tal-fidda mastizz, għax dan il-materjal kien maħsub li kien jelimina li jinxtered il-mard. Kull sodda kienet mgħottija b’purtieri minn kull naħa. Il-lożor kienu jbiddluhom darba kull ħmistax. L-ikel kien jingħata darbtejn kuljum, darba fit-tmienja ta’ filgħodu u darba oħra tard wara nofsinhar.  

Biss, minkejja l-eloġji li nsibu mogħtija minn diversi barranin li żaru s-Sagra Infermerija, jidher li fl-aħħar snin tal-Ordni f’Malta, il-affarijiet kundizzjonijiet fl-isptar kienu marru lura. John Howard li kif ġa semmejna żgħar l-isptar fl-1786, ikkummenti b’mod negattiv għall-aħħar dwar l-indafa u l-kwalità ta’ servizz li kien jingħata lill-pazjenti. Hu osserva pereżempju, li l-lożor kienu maħmuġin, li d-daħliet fil-ħajt ħdejn is-sodod magħmula biex isservu ta’ latrina għall-pazjenti kienu jintnu u jinxtammu minn kullimkien. Jgħid ukoll, li l-oġġetti tal-fidda li kienu jservu fihom kienu biss għal ftit mill-pazjenti, għax il-maġġorparti kienu jingħataw l-ikel f’reċipjenti u utensili magħmula mill-istann (Ingiż, pewter). Jgħid ukoll illi l-isptar kollu kellu biss 22 attendent, bosta minnhom ħabsin. Dan jipparaguna ħażin ħafna, meta kif qal hu fil-palazz tal-Gran Mastru kont issib mal-40 attendent jieħdu ħsieb 20 żiemel.  

  

Servizzi soċjali mill-isptarijiet

Aparti s-servizz mediku, l-isptar kien joffri wkoll għajnuna b’diversi modi lil dawk in-nies li kienu fil-bżonn. Hekk pereżempju, mill-isptar kien jitqassam ikel, bħal sopop u ħobż lill-foqra, kif ukoll flus lill-għomja u oħrajn. Mill-Ospedaletto kienu jitqassmu daqs 160 ħobża lin-nisa foqra. P. Cassar jgħidilna li matul 1772, kienu jitqassmu mat-880 ħobża kuljum fid-djar tal-Belt, il-Birgu, Bormla u l-Isla. Dawn kienu jitqassmu minn erba’ nisa, li kienu magħrufa bħala pitanziere (P. Cassar, 1993).

La Ruota – It-tieqa mal-ħajt ta’ barra tal-isptar fejn kienu jkunu ddepożitati t-trabi minn ommijiethom

Barra minn hekk, l-isptar ta’ spiss kien iservi wkoll biex trabi mhux mixtieqa minn ommhom jingħataw lin-nisa impjegati apposta mill-isptar biex jieħdu ħsiebhom. Biex l-għotja tat-trabi tibqa’ sigrieta kien hemm tieqa (imsejħa ‘la ruota’) apposta mal-ħajt ta’ barra l-isptar, li jagħti għal sqaq, fi Strada della Fortuna (illum, Triq L-Isptar l-Antik), fejn dawn it-trabi kienu jiġu ‘iddepositati’ bil-moħbi. 

Fl-istess sptar kien hemm ukoll mal-ħamsin sodda għal dawk il-foqra li ma kellhomx fejn jorqdu. Dawn is-sodod kienu magħrufa bħala letti perpetui. (P. Cassar, 1993). Dawn kienu fil-Gran Maggazino, is-sala t-twila ta’ taħt is-Sala Grande.

Skop ieħor għal dan l-isptar inħoloq fl-1676, meta hawn beda jservi wkoll bħala skola tal-mediċina, tal-anatomija u tal-kirurġija. L-istudju prattiku tal-anatomija kien isir fil-kamra mortwarja li kienet tinsab f’kamra biswit iċ-ċimiterju u l-kappella magħrufa bħala tan-Nibbia. Din il-kappella kienet tinsab fin-naħa ta’ fejn illum hemm l-Evans Building. Dawn il-binjiet inqerdu fl-attakki tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Żmien il-Franċiżi

Hekk kif il-Franċiżi ħadu f’idejhom lil Malta, dawn qalftu ’l-morda ’l barra mis-Sagra Infermerija biex ikunu jistgħu jużaw il-binja bħala sptar għas-suldati tagħhom. Il-morda nstabilhom post f’kunvent mhux wisq ’il bogħod, magħruf bħala Delli Convertiti. Din il-binja l-ġdida setgħet takkomoda mall-200 pazjent. In-nisa baqgħu fil-Casetta, li semmejt ftit qabel, fejn is-sodod kienu jammontaw għall-150. It-tfal orfni li kienu jinżammu fl-isptar intbagħtu fl-Ospizio, il-Furjana (J. Hennen, 1830).

Żmien l-Ingliżi

Meta imbagħad, l-Ingliżi ħadu t-tmexxija tal-gżejjer Maltin f’idejhom, l-isptar baqa’ jkun użat bħala sptar militari. Biss, billi il-pazjenti tal-militar kienu ftit, ma kienx ikun hemm aktar minn għoxrin sodda okkupata. Għalhekk l-Ingliżi bdew jużaw biss il-parti ta’ fuq nett tal-binja. (J. Hennen, 1830). Is-sala t-twila li tagħti mat-triq ingħatat lil xi kurdara biex fiha ikunu maħduma l-ħbula.

John Hennen, tabib Ingliż li kien intbagħat Malta biex jinvestiga s-sitwazzjoni tas-saħħa, kemm fost is-suldati Ingliżi kif ukoll dik tal-poplu Malti inġenerali, jgħid li parti kbira mill-binja kienet fi stat ħażin ħafna u li biex l-istruttura terġa’ tieħu r-ruħ kien hemm bżonn li ssir manutenzjoni kbira li kienet tiswa mal-1000 lira sterlina. Hennen ta bosta suġġerimenti biex kemm il-binja tal-isptar kif ukoll is-servizz jitjiebu. Hu kien tal-fehma li l-binja ma setgħet qatt tkun addattata biex isservi ta’ sptar skont il-ħtiġijiet. Fil-fatt, kien hu li ppropona li l-Ingliżi kien imisshom jibnu sptar ġdid fuq il-promonotorju ta’ Bighi, (J. Hennen, 1830). Fil-fatt hekk kien seħħ, għaliex l-isptar ta’ Bighi inbena hemm, (kumbinazzjoni fl-istess sena meta kien ippubblikat l-studju tiegħu.

Matul is-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, is-Sagra Infermerija baqgħet isservi lill-militar Ingliż. Fil-frattemp, bdew jinbdew sptarijiet oħrajn attrezzati aħjar, fosthom dawk ta’ Bighi, wieħed il-Birgu, magħruf bħala tal-Cottonera, fejn illum hemm il-Kulleġġ tas-St Edwards, ieħor fil-binja magħrufa bħala l-‘Armerija’, il-Birgu, u dak tal-Imtarfa (Sir David Bruce Hospital).

Is-Sala l-Kbira li serviet bħala waħda mill-wards għas-suldati feruti matul l-Ewwel Gwerra Dinjija (Ritratt: Ħajr: Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi)

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, mill-1915 ‘il quddiem, l-Ingliżi reġgħu mlew is-Sagra Infermerija bis-sodod hekk kif bdew ġejjin mijiet ta’ feruti mill-kampijiet tal-battalja. Anthony Zarb-Dimech fil-ktieb tiegħu, Malta During the First World War – 1914-1918, jgħid li minn 26 sodda li l-isptar kellu, issa saru 340. Biss, ħafna minn dawk il-midruba, ftit wara li jidħlu f’dan l-isptar kienu wara ftit jintbagħtu f’wieħed mit-tletin sptar li kienu nfetħu f’Malta apposta biex jilqgħu dawn il-feruti.

Ftit wara li spiċċat il-gwerra, fl-1920, l-isptar ingħalaq u minflok ingħata lill-Gvern Ċivili biex beda jintuża bħala Kwartier Ġenerali tal-Pulizija. Dan sakemm faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, meta dan ir-rwol spiċċa wkoll, u mn’Alla, għax il-binja ntlaqtet mill-bombi tal-għadu li farrku parti sostanzjali minnha.

L-isptar irrestawrat u mibdul f’teajtru u sala tal-Konferenzi

Kien fl-1977 li ġie deċiż li dan il-bini, li sa’ dak iż-żmien, parti kbira minnu kienet imwaqqa’ u fi stat ta’ rovina u  miżerja, jerġa’ jiġi rrestawrat waħda sew biex iservi ta’ teatru u ċentru tal-konferenzi. Il-bitħa ċentrali tal-isptar issaqfet biex isservi bħala teatru u fl-istess ħin sala tal-konferenzi li tesa’ mal-1,400 ruh.

Illum, fil-livell l-aktar baxx ta’ din il-binja, hemm mużew żgħir, mimli b’diversi diarami, vetrini u disinji li jiddiskrivu l-istorja u l-kwalità ta’ servizz li dan l-isptar kien jagħti.  

Nota: L-isem ta’ dan l-isptar kien l-aktar magħruf mill-Maltin bħala l-Furmarija, taqlib bl-ilsien ta’ Sagra Infermerija. Anki sptarijiet oħra li kien hawn f’Malta bdew jissejħu hekk ukoll. F’ilsien il-poplu kien hawn qawl li kien jgħid hekk: ‘Bħat-tiġieġa tal-Furmarija, jekk ma jmissekx filgħodu jmissek filgħaxija’. Dan il-qawl hu x’aktarx riflessjoni dwar id-destin finali tal-ħajja tal-bniedem, għax hu ddestinat li jmut, jekk mhux ta’ età żgħira, ta’ età aktar avvanzata.  

Martin Morana

8 ta’ Frar 2023

http://www.kliemustorja.com

* Għal aktar informazzjoni dwar il-ħxejjex mediċinali aqra dan l-artiklu fl-istess website: ‘Pjanti Mediċinali’, https://kliemustorja.com/2020/09/29/pjanti-medicinali/.

Aktar kitbiet mill-istess awtur ikklikja hawn: https://kliemustorja.com/informazzjoni-dwar-pubblikazzjonijiet-ohra-tal-istess-awtur/

Biblijografija

  • Bonello Giovanni, ‘The Decline and Fall of the Sacra Infermeria’, The Synapse – The Medical Professionals’ Network. September 11, 2016.
  • Bonello Giovanni, ‘A Revival of the Sacra Infermeria’, Histories of Malta – Versions and Diversions. Fondazzjoni Patrimonju Malti. Vol. III. 2002.
  • Buttigieg George Gregory, Buttigieg Nicola Ann, Micallef Stafrace Kyrill, ‘The Knights’ Medical School in Malta and some of its 18th century luminaries’, Sacra Militia, Issue no. 7, 2008.
  • Cassar Paul, From the  Holy Infirmary of the Knights of St John to The Mediterranean Conference Centre at Valletta. Malta. 1983.
  • Cassar Paul, ‘Pharmacy Jars of the Order of St John in Malta’, Heritage Encyclopedia, Vol II. Midsea Books Ltd.
  • Cassar Paul, ‘Hospital of the Knights’, Treasures of Malta, Vol 1 no 3. Summer, 1995.
  • Cassar Paul, ‘Malta’s Medical and Social Services under the Knights Hospitallers’, Hospitaller Malta 1530 – 1798. Mireva Publications, 1993. 
  • Castagna P.P., Malta bil Ghzejer Tahha u li Ghadda Min ghalija. 1863.
  • Hennen John, Sketches of the Medical Topography of the Mediterranean. Thomas and George Underwood, London. 1830.
  • Howard John, An Account of the principle Lazzarettos in Europe & c. Printed for J. Johnson, C. Dilly and T. Cadell, London. 1791.
  • Sandys George, A Relation of a Journey begun An. Dom. in 1610 – Containing a description of the Turkish Empire, Aegypt, the Holy Land, the Remote parts of Italy and Lands adjoining. Printed for W. Barren. 1615.
  • Savona-Ventura C., Knight Hospitaller Medicine in Malta (1530 – 1798). P.E.G. 2004.
  • Savona-Ventura Charles, ‘ The Valletta Sacra Infermeria in Travelogues and Art’. Treasures of Malta, Vol. IX. No 2. Easter 2003.
  • Saint-Priest F.E., Malte Par un Voyageur Francois. 1791.
  • Zarb-Dimech Anthony, Malta During the First World War – 1914-1918. Veritas Press. 2004.
  • Għandu mnejn jinteressak ukoll dawn l-artikli fl-istess website:
  • ‘Mediċina u Kura Tradizzjonali’; ikklikkja hawn:  https://kliemustorja.com/2021/04/02/medicina-u-kura-tradizzjonali/
  • ‘Epidemiji fl-istorja ta’ Malta’, https://kliemustorja.com/2020/03/14/epidemiji-fl-istorja-ta-malta/

3 Comments

  1. Prosit hafna ta’ l-artiklu tieghek, tant informativ. Ghalkemm min jaf kemm il-darba mort in-“Knightshall” qatt ma kont naf li kellu tant swali differenti li kienu jiddistingwu bejn mard u iehor. Sorpriza ohra kienet li l-akbar sala kienet tal-“STDs”.
    Waqt li kont qed naqrah bhal xtaqtek li ssemmi xi haga dwar li il-post kien ukoll jintuza bhall cinema ghat-tfal ta’ l-iskola fis-snin hamsin u sittin ghax ghalkemm niftakrhu dan, jien kien kont zghir u mghandix dettalji tieghu fil-memorja tieghi.
    Grazzi hafna tax-xoghol kbir li int qed taghmel u li jien tant nammira. Minn darba ghall-ohra nistenna il-harga li miss b’tant herqa. Grazzi

    Like

  2. Taghrif veru siewi
    Pajjizna veru rikk fl,-istorja u kultura! Nixtieq hafna li aktar Maltin jitghallmu japprezzaw dan il-,wirt kulturali!

    Like

Leave a reply to Carmela Cancel reply