IDJOMI  MARITTIMI

Ara wkoll:

A *    B *    Ċ *    C *    D *   E *    F *
Ġ *    G *    *    H *    Ħ *    I *    J *    K *
L *    M *     N *     O *     P *    Q *    R *     S
T *     U *     V *    W *     X *     Ż *    Z *

 

L-attività tradizzjonali tal-barklori, tal-baħrin u tas-sajjieda kienet tirrikjedi u pproduċiet lingwaġġ għalih. F’dan il-lingwaġġ ta’ kuljum bdew jissawru idjomi u qwiel li bħal ma jiġri f’kull lingwa oħra iżewqu l-ilsien Malti u jirriflettu l-mentalità tan-nies tal-baħar. Hawn se naraw xi wħud minn dawn l-idjomi li kienu magħrufa l-aktar fl-ambjent marittimu.

karakka 1

BASTIMENTI U OPRI TAL-BAĦAR

QISU / QISHA KARRAKKA – Appellativ għal xi ħadd jew oġġett pjuttost goff jew żmanġat u li għandu ħafna żmien. Dan il-paragun hu mal-bastiment tal-Ordni ta’ San Ġwann li dawn kienu ġabu magħhom minn Rodi.  Għalkemm dan il-bastiment kien kbir spiċċa bla użu u baqa’ sorġut għal ħafna żmien quddiem il-forti Sant’ Anġlu. 

QIESU l-ARBANJA / BAĦRI TAL-ALBANJA / BAĦRI TAL-BNAZZI:   Dan hu paragun li kien jingħata lil xi ħadd li ma jagħmel xejn ħlief jitgħażżen. Dan il-paragun ixebbah l-bastiment HMS Hibernia, li l-Maltin tan-naħa tal-Port il-Kbir kienu jsejħu l-Arbanja. li bħall-karakka, dam ħafna żmien sorġut quddiem il-Forti Sant’Anġlu u allura magħruf bħala bastiment għażżin.  Ara: ARBANJA.

TAJJEB BISS GĦAS-SABORRA:  Is-saborra hu dak il-materjal, ġeneralment ramel li jitqiegħed fl-stiva ta’ isfel tal-bastimenti biex meta l-bastiment ma jkollux tgħabija iżomm il-bastiment ibbilanċjat sew. Mela meta ngħidu, ‘tajjeb biss għas-saborra’ inkunu qed nirriferu għal dak il-bniedem li mhu kapaċi jagħmel xejn.   

QISA L-PULENA:  Riferenza għal xi mara dejjem liebsa pulit iżda li ma tantx tħobb tagħmel faċendi. Dan hu paragun mal-pulena (il-parti dekorattiva fuq il-pruwa tal-bastiment). Ara: PULENA.

INT ĠEJ BID-DGĦAJSA ?  Tingħad meta wieħed ma jkunx ċar u preċiż f’dak li jgħid u jista’ jkun li qiegħed jiddieħek b’ħaddieħor.

DAK WEĠĠA’ – ISS ĦEJ, ĦUDU D-DOKK!   Din tingħad biż-żufjett meta xi ħadd iweġġa’ u wieħed biċ-ċajt, jirrikmanda li l-persuna għandha tintbagħat fid-dokk (fit-tarzna) biex ’tissewwa’ (flok tiddewwa). 

ĦAFIF QISU FIRILLA:    Paragun li jsir dwar bniedem żvelt u irqajjaq, ma’ opra partikulari tal-baħar li tixbah ħafna l-luzzu, biss iżgħar.  Ara: FIRILLA.

QISU ĦUTA BARRA MILL-ILMA  Tingħad għal xi ħadd li jkun qed iħossu skomdu fl-ambjent jew fil-kumpanija li jkun fiha.

MORNA l-BAĦAR:    Tingħad minn xi ħadd li jkun qata’ jiesu li ser jirpilja minn xi kundizzjoni ta’ saħħa jew inkella minn xi sitwazzjoni ekonomika jew sitwazzjoni ħażina oħra.

BAĦRIN AĦNA:     Din l-idjoma tingħad meta xi biċċa xogħol toħroġ tajba.

TILEF IL-BOXXLA:  Bħal ma baħri jitlef id-direzzjoni għax il-boxxla (il-kumpass tan-navigazzjoni) ma jiffunzjonax il-bniedem jista’ jiġrilu l-istess u jitlef rasu waqt mument diffiċli. Ara: BOXXLA

BIL-BOXXLA MDAWRA LLUM:   Tingħad għal xi bniedem b’burdata ħażina.

MUR GĦAND BOXXLA XJATEN: Din ir-rikomandazzjoni mhi xejn sabiħa għax biha tkun qiegħed tibgħat lil xi ħadd jixxejjer.

QALA’ DAQQA TAL-BARKLORI:  Din hi riferenza għal daqqa jew tumakka li wieħed jagħti lil xi ħadd li biha jmiddu. Daqqa li ma tqumx minnha kif ġieb u laħaq. Dan forsi anki jgħidilna li l-barklori huma nies ta’ saħħa. 

SAB IR-RIĦ FIL-QALA’:  Sab min jinbuttah bħal qala’ (pl. qlugħ). L-istess bħal dak il-bastiment jew dik l-opra tal-baħar li waqt li jkunu qed ibaħħaru isibu riħ b’saħħtu jonfoħ minn wara li jgħin biex l-qala’ jimtela’ u l-mirkeb jimxi aktar b’qawwa ‘l quddiem.

TEFA’ L-ANKRI:     Poġġa bilqiegħda u baqa’ hemm għal ħin twil.

REFA’ L-ANKRI:     Qam minn fejn kien u ġabar anki ħwejġu u telaq ‘l hinn

luzwzu pruwa 357

KLIEM IS-SAJJIEDA  

BEŻAQLU FIS-SUNNARA:  Jiġifieri wieħed ta x’jifhem lill-ieħor li aċċetta proposta iżda wara ħallieh b’xiber imnieħer. 

IX-XILEP ĠEWWA:  Il-ħut inqabad – riferenza li dak li kien qed jittanta jdabbar issa ħadu. Ara: XILEP.

NIEXEF DAQS GATTARELL / NIXEF QISU ARINGA   Appellattiv għal xi ħadd ta’ statura rqieqa.

MELA QED INBIGĦU L-INĊOVA!   Riferenza għal ħafna tqanċiċ biex wieħed jaqbel fuq prezz.

SAR QISU ARINGA:  Appellativ li jingħata lil xi ħadd li jkun niżel ħafna fil-pis. 

SABLU RKAPTU:  Sablu soluzzjoni bħal meta s-sajjied isib ix-xbiek addattat biex jistad  għall-ħut ta’ ċertu kobor.

ĦALQ TA’ ĊERNA     Paragun ma wieħed li għandu ħalqu kbir.  

BELAGĦHA DAQS MAZZUN     Riferenza għal xi ħadd li jkun ingannat mingħajr ma biss jinduna.

MORNA LURA BĦAL GRANĊ    Morna lura f’sitwazzjoni agħar milli konna.

QISU KOĊĊLA    Tingħad għal xi ħadd bla ħeġġa; bilqiegħda jew wieqaf ċass. Ara: KOĊĊLA.

pulenafemm

PARAGUNI

MRASSIN BĦAS-SARDIN   Sitwazzjoni bħal meta tkun f’karozza tal-linja iffullata b’mod li ma tistax tiċċaqlaq ipparagunata mas-sardin li jkun ippakkjat fil-bottijiet eċċ.

DAK FURBAN:    Riferenza għal xi ħadd li jilħaqlu ħafna.  Bniedem makak.

X’BELLIEGĦA NQALA’!   Tfisser x’għawġ inqala’? Paragun mal-ilma baħar li jitla’ l-art wara xi maremot. Ara: BELLIEGĦA.

JORQOD DAQS BUMERIN:    Riferenza għal xi ħadd li jorqod fil-fond. Bumerin hu dak li bl-Ingliż jissejjaħ il-monk seal. Speċi ta’ ljun tal-baħar żgħir li jgħix fil-Mediterran. Meta jintlemħu ġieli tarahom reqdin żaqqhom ‘il fuq. Ara: BUMERIN

JIDGĦI DAQS BURDNAR:  Riferenza għal xi ħadd li Jidgħi dagħa faħxi. Dan il-paragun kien isir ma’ dawk li jaħdmu x-xatt fil-ħatt tal-merkanzija. Bħal dawn kien hemm il-pastaż jew il-ĦAMALLU jew il-PASTAŻ, dejjem nies li jġorru oġġetti tqal. Jew goffi.

ĊORMA TFAL:    Ħafna tfal flimkien. Tingħad bħal meta ngħidu, ‘Dik l-omm dejjem imdawra b’ċorma tfal. Biss, ċorma tfisser il-kwantità ta’ baħrin jew qaddiefa lsira fuq ix-xwieni. .  

moxt-info0

PROVERBJI

Il-BAĦAR ŻAQQU RATBA U RASU IEBSA   Il-baħar sabiħ dejjem biss trid toqgħod attent minnu.

KULL KALANKA PORT    Jgħidha xi ħadd li ma jippretendix wisq meta jitlob għal xi għajnuna. Ara: KALANKA

AGĦTINI L-FAMA U ITFAGĦNI L-BAĦAR    Meta tkun magħruf għal xi ħaġa ħażina li tkun għamilt dik tibqa’ għall-ħajtek kollha.  

Il-ĦUTA MINN RASHA TINTEN     Proverbju li jfisser li l-problema tkun ġejja minn tmexxija ħażina tal-kbarat.

TIXTRI l-FLUS FIL-BAĦAR     Ma jaqbillekx tixtri xi ħaġa qabel ma tara b’għajnejk u tippruvaha.

TISWIELEK IZ-ZALZA OGĦLA MILL-ĦUT    Tipprova toħroġ b’irħis biss tispiċċa tħallas aktar.

Forsi int taf xi oħrajn !

        *          *          *

Ara aktar:

https://sites.google.com/view/maltesehumoursbutseriously/home

Cover

 

5 Comments

  1. Skont artiklu ta’ Joseph Muscat fil-perjodiku “L-Imnara” Vol.10, numru 1 tal-2012 immarkat b’numru 36, wieħed li jaqdi lil kulħadd jgħidulu ‘qisu kajjikk’ peress li kajjikk kien jintuża prattikament għal kull xogħol f’kull bajja tal-gżejjer Maltin. Milli jidher din l-informazzjoni sabha mix-xogħol ta’ Serracino Inglott.

    Barra minn hekk fl-istess artiklu Joseph Muscat qal li waqt li kien qed jintervista lil ċertu Spiru Toscano dan tal-aħħar ħareġ bl-espressjonijiet kajjikkata u barkata biex ifisser ammont ta’ njam li tista’ tgħabbi fuq kajjikk jew barka.

    Liked by 1 person

  2. “BEŻAQLU FIS-SUNNARA” tfisser li xi ħadd ipprova jinganna li xi ħadd ieħor iżda dan induna u ma daħalx għaliha.

    Like

Leave a Reply to Gregory Caruana Cancel reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s